Carmel Cacopardo | Bla transparenza, l-kontabilità hi mxekkla

It-transparenza hi l-pedament indispensabbli għall-governanza tajba. F’kuntrast ma’ dan, il-governanza l-ħażina hi mgeżwra fis-segretezza bil-ħabi ta’ informazzjoni li għandha tkun magħrufa pubblikament 

Iktar kmieni din il-ġimgħa kont imsejjaħ għal-laqgħa mal-Awditur Ġenerali fl-uffiċċju tiegħu biex niddiskuti miegħu talba għal investigazzjoni li ippreżentajtlu madwar ħmistax ilu f’isem ADPD. It-talba tiegħi għal investigazzjoni kienet dwar kuntratt ta’ xogħol miftiehem bejn l-Institut għall-Istudji Turistiċi (ITS) u l-Onorevoli Rosianne Cutajar, dakinhar Membru Parlamentari tal-Partit Laburista, illum indipendenti wara li kienet sfurzata tirreżenja mill-Partit. 

Kif diġà spjegajt f’dawn il-paġni fit-2 ta’ April, din li tlabt m’hiex investigazzjoni dwar Rosianne Cutajar. Hi iżda investigazzjoni dwar l-operat tal-Institut għall-Istudji Turistiċi (ITS): Jekk ingaġġax konsulent biex jassisti lis-CEO biex iwettaq xogħol u responsabbiltajiet li dwaru la kellha għarfien u l-anqas kompetenza, kif wara kollox hu diġà magħruf pubblikament. 

Eżami tal-kuntratt iffirmat bejn l-Onorevoli Cutajar u l-ITS juri lista ta’ responsabiltajiet li kien mistenni li hi twettaq, primarjament materji ta’ amministrazzjoni finanzjarja. Dawn ir-responsabbiltajiet ma tantx huma kompatibbli mal-kompetenzi ta’ għalliema tat-Taljan fi skola sekondarja. Il-kuntratt li jitkellem dwar dan kollu kien wieħed moħbi mill-għajn pubblika imma ġie ippubblikat minn Shift News nhar it- 23 ta’ Marzu wara li nkisbet kopja tiegħu, riżultat tad-dritt tal-aċċess liberu għall-informazzjoni. 

Il-ġurnaliżmu ħieles, inkwiżittiv u investigattiv, tefa’ d-dawl fuq dak li kien qed jinżamm mistur mis-settur pubbliku, din hi t-trasparenza. Mingħajr trasparenza ma hemm l-ebda mod kif nistgħu nassigura l-anqas farka waħda ta’ kontabilità. 

L-Awditur Ġenerali infurmani li kien sejjaħ din il-laqgħa biex jisma’ l-fehma tiegħi u dan qabel ma jiddeċiedi jekk jipproċedix bl-investigazzjoni kif talbtu, u sussegwentment jinforma lill-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti b’dak li jkun irriżultalu. 

Il-governanza t-tajba ftit li xejn għandha ċans li trabbi l-għeruq b’dan it-tip ta’ deċiżjonijiet fis-settur pubbliku estiż. Ma nistgħux indumu wisq nistennew li min jieħu d-deċiżjonijiet bħal dawn jibda jerfa’ r-responsabbiltà għalihom! Dan il-kuntratt tal-ITS hu eżempju żgħir ta’ mġieba abbużiva li dwarha tinħtieġ azzjoni immedjata. Mhux il-politiċi biss iridu jagħtu kont ta’ għemilhom. 

L-amministrazzjoni ta’ fondi pubbliċi hi marbuta mal-obbligu ta’ imġieba meqjusa u responsabbli.  Kull min jamministra fondi pubbliċi għandu l-obbligu li jagħti kont dettaljat ta’ għemilu. Fl-aħħar, imbagħad, hu l-Awditur Ġenerali li għandu l-inkarigu mill-Parlament li jissorvelja u jirrapporta. Nittama li f’data mhux ‘il bogħod inkunu infurmati eżattament x’ġara u min fil-fatt hu responsabbli. 

It-transparenza u l-kontabilità jaħdmu id f’id. Nuqqas ta’ trasparenza normalment hu l-ewwel pass biex wieħed jipprova jiżloq milli jagħti kont ta’ għemilu. 

It-transparenza hi l-pedament indispensabbli għall-governanza tajba. F’kuntrast ma’ dan, il-governanza l-ħażina hi mgeżwra fis-segretezza bil-ħabi ta’ informazzjoni li għandha tkun magħrufa pubblikament.  Mingħajr transparenza, l-kontabilità ma tfisser xejn: l-anqas biss teżisti. In-nuqqas ta’ transparenza tittrasforma lid-demokrazija fi proċess difettuż u dan billi informazzjoni bażika u essenzjali meħtieġa biex wieħed jifforma opinjoni dwar dak li jkun għaddej tkun nieqsa. Wara kollox il-kontabilità hi dwar ir-responsabbiltà, li nerfgħu responsabbiltà għal dak li għamilna. Dan ma jistax iseħħ sakemm ma jsaltnax it-trasparenza. 

Meta l-Gvern jew korpi pubbliċi jaħbu l-informazzjoni li jkollhom, inkella jirrifjutaw jew jostakolaw aċċess għaliha bla raġuni valida, jkunu qed ixandru mal-erbat irjieħ il-kredenzjali tagħhom dwar il-governanza. 

It-transparenza hi vjaġġ, mhiex destinazzjoni. Irridu naħdmu qatiegħ biex nassiguraw trasparenza kontinwa. Hu vjaġġ twil li ma jispiċċa qatt. 

Ir-regoli u l-liġijiet mhux se jwassluna għat-trasparenza. Naslu biss meta kull wieħed minna jagħraf jagħmel dak li hu sewwa, flok dak li jaqbel fil-mument. Dak li nagħmlu jiswa’ ferm iktar minn dak li ngħidu! 

More in Politika