Carmel Cacopardo | It-turiżmu u l-bidla fil-klima

It-turiżmu m’għandux ċans li jeħlisha. In-natura mhux se tiġiha ħniena miċ-ċirkostanzi partikolari tagħna. Tiġi taqa’ u tqum mill-konsegwenzi ekonomiċi. Tibqa’ għaddejja minn fuqna u tkaxkar kollox, kif tagħmel kullimkien!

In-natura ma tinvolvix ruħha f’negozjati dwar l-impatti tagħha. Fil-mument addattat tisplodi, bla ma tiddiskrimina: fejn laqat, laqat. Dan jidher ċar b’mod regolari ma’ kull maltempata qalila jew kalamità naturali f’kull parti tad-dinja. 

It-tibdil fil-klima hu bħall-bomba tal-ħin li tista’ tieħu minn minuta għall-oħra.  Qagħda li qed tiħżien ma’ kull rapport xjentifiku li jiġi ippubbblikat. F’Marzu ħareġ rapport ieħor tal-IPCC li għal darb’oħra wissa li ma baqax wisq ħin biex nieħdu passi. Is-sinjali huma ċari, għal min irid jarahom. Fil-prattika iżda, dawn huma injorati, forsi sakemm joħroġ rapport ieħor inkella sakemm issir xi laqgħa oħra internazzjonali. Isiru ħafna wegħdiet li l-affarijiet ser jinbidlu, li l-imġieba ser taqleb għall-aħjar: imma wara ftit kważi kulħadd jinsihom. Dan hu ċiklu li jirrepeti ruħu kull tant żmien. 

Ma hemmx għalfejn immorru lura ħafna fiż-żmien. Ħarsu biss lejn it-temp lokali tul ix-xahar ta’ Frar 2023. Il-maltempata Helios laqtet il-gżejjer Maltin nhar id-9 ta’ Frar 2023: Tul 24 siegħa x-xita li niżlet qabżet id-doppju tal-medja għax-xahar ta’ Frar. Il-ħsara li saret ma kinitx żgħira. 

Minkejja dan, f’Malta għad hawn min joħlom li aħna, għandna nkunu eżentati mill-azzjoni radikali meħtieġa biex tkun indirizzata l-bidla fil-klima. Il-Membru Parlamentari Ewropew Laburista Cyrus Engerer, per eżempju, il-ġimgħa l-oħra ġie rappurtat li kien irrabjat għall-Kummissjoni Ewropeja għax il-proposti tagħha dwar il-bidla fil-klima huma l-istess għal kulħadd (one size fits all). Qal li l-istati gżejjer għandhom ikunu eżentati mill-liġijiet dwar il-bidla fil-klima. Dak li qal Engerer kien b’referenza għad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija li hi immirata biex jonqsu l-emmissjonijiet tal-karbonju partikolarment billi jkunu ndirizzati l-impatti ambjentali tal-industrija tal-avjazzjoni. 

Ilkoll nafu li t-turiżmu minn u lejn Malta hu dipendenti fuq l-industrija tal-avjazzjoni. Imma flok ma fittixna, tul is-snin,  li nżommu lit-turiżmu taħt kontroll b’politika li tagħti kaz l-impatti tal-industrija fuq il-klima, il-boloh li qed imexxu l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu qed jimmiraw li jilħqu l-mira ta’ 3 miljun turist fis-sena. 

Hemm ukoll studju ikkummissjonat mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi (MHRA) liema studju jikkwantifika kemm hawn sodod għat-turisti, mhux biss dawk li jeżistu, imma ukoll dawk approvati mill-permessi li diġà ħargu. Dan ir-rapport (tourism carrying capacity report) jgħid li hawn biżżejjed sodod li biex nużawhom neħtieġu li jkollna viċin il-ħames miljun turist fis-sena. 

Il-politika Maltija tat-turiżmu tfasslet qisu għada ma hu ser jasal qatt. Riżultat ta’ hekk impatti ambjentali negattivi jibqgħu jinġemgħu minn proġetti massiċċi diġà mfassla, bħal dak ta’ Villa Rosa, mifrux fuq madwar 48,000 metru kwadru tul il-kosta tal-Bajja ta’ San Ġorg. 

Biex tkompli tgħaxxaqha l-istudju tal-impatti ambjentali għall-proġett ta’ Villa Rosa hu mibni madwar analiżi ekonomika li tikkonkludi li l-proġett hu wieħed ekonomikament vijabbli. 

L-industrija tal-avjazzjoni ilha żmien mhux ħażin teħlisha u tevita li ġġorr il-konsegwenzi tal-impatti tagħha: Ilha eżentata milli terfa’ l-piż tal-emissjonijiet tal-karbonju li tiġġenera.  Dan kollu, iżda, jidher li qed joqrob lejn it-tmiem għax anke l-industrija tal-avjazzjoni se jkollha iddur dawra sewwa madwarha u tibda hi ukoll terfa’ r-responsabbiltà għall-impatti tagħha. Il-prinċipju li min iħammeġ irid iħallas għandu japplika għall-industrija tal-avjazzjoni u bħala konsegwenza għat-turiżmu ukoll. Bħal kull settur ekonomiku, dan is-settur irid jagħti kas u jibda jerfa’ l-piz tal-impatti ambjentali tiegħu stess. 

Bla dubju mhux se tkun faċli. Dan hu inevitabbli, anke minħabba li għal żmien twil ftit li xejn tajna kas, anzi evitajna kemm stajna din ir-realtà. 

Xi snin ilu, f’Ottubru 2019, il-Parlament Malti approva mozzjoni dwar l-emerġenza klimatika. Imma sfortunatament, minkejja li din il-mozzjoni kienet approvata unanimament, xorta mhix riflessa fil-politika tal-Gvern. 

Hu fl-interess ta’ Malta li l-impatti ambjentali tat-turiżmu, b’mod partikolari t-turiżmu tal-massa, jkunu indirizzati bis-serjetà, qabel ma jkun tard wisq. L-industrija tal-avjazzjoni teħtieġ li tkun issensitizzata b’miżuri ekonomiċi bħat-taxxi ambjentali biex tibda tirriforma ruħha.  Irridu nżommu quddiem għajnejna, li l-gżejjer Maltin, bħal gżejjer kollha,  jkunu minn tal-ewwel li jintlaqtu meta jseħħu uħud mill-agħar konsegwenzi tal-bidla fil-klima: L-għoli fil-livell tal-baħar. 

It-turiżmu m’għandux ċans li jeħlisha. In-natura mhux se tiġiha ħniena miċ-ċirkostanzi partikolari tagħna. Tiġi taqa’ u tqum mill-konsegwenzi ekonomiċi. Tibqa’ għaddejja minn fuqna u tkaxkar kollox, kif tagħmel kullimkien! 

More in Politika