Carmel Cacopardo | Il-legat ta’ Arvid Pardo: niskopru mill-ġdid il-vokazzjoni marittima

Malta teħtieġ li tiskopri mill-ġdid il-vokazzjoni marittima tagħha u li tkun fuq quddiem nett f’dawn l-inizjattivi fid-dibattitu marittimu internazzjonali

“Aħna għandna interess naturali u vitali fil-baħar ta’ madwarna li permezz tiegħu ngħixu u nieħdu n-nifs.” Dan hu kliem Arvid Pardo - dak iż-żmien ambaxxatur ta’ Malta għall-Ġnus Magħquda - kliem li qal meta kien qed jindirizza  l-Assemblea Ġenerali fuq il-proposta ta’ Malta dwar qiegħ il-baħar u r-rizorsi tiegħu bħala l-wirt komuni tal-umanità. 

Il-baħar hu ħajjitna, iżda ftit li xejn jingħata prominenza fil-prijoritajiet politiċi tal-pajjiż. Bħala stat gżira, il-baħar u dak kollu marbut miegħu, għandu jkun fuq nett fl-aġenda politika tal-pajjiż.  Hu ghalhekk ta’ tħassib li lokalment ma ntqal prattikament xejn mill-Gvern dwar trattat fuq l-ibħra internazzjonali konkluż iktar kmieni din il-ġimgħa fil-qafas tal-istrutturi tal-Ġuns Magħquda. Ftehim li hu ta’ importanza storika u riżultat ta’ negozjati li ilhom għaddejin mill-2004.  Dan hu ftehim li hu mibni fuq il-legat tal-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar il-Baħar li dwarha, permezz ta’ Arvid Pardo, Malta tat sehem kruċjali. 

Malta teħtieġ li tiskopri mill-ġdid il-vokazzjoni marittima tagħha u li tkun fuq quddiem nett f’dawn l-inizjattivi fid-dibattitu marittimu internazzjonali. Biex inkunu proattivi jeħtiġilna li jkollna Ministeru iffukat fuq il-politika Marittima li jiġbor taħt saqaf wieħed il-politika marittima kollha ta’ relevanza għall-gżejjer Maltin: mill-ekonomija l-blu, is-sajd u l-akwakultura għall-ħarsien ta’ zoni marittimi estensivi anke fl-ibħra internazzjinali, il-ħarsien aħjar tal-kosta kif ukoll li nimplimentaw sewwa l-liġi dwar id-Dimanju Pubbliku bla dewmien u dan biex ikun assigurat l-aċċess pubbliku għall-kosta, u b’hekk, fuq perjodu ta’ żmien tkun ikkontrollata l-kummerċjalizzazzjoni tal-kosta li ilha sejra s-snin. 

Darba kellna Segretarjat Parlamentari għall-Affarijiet Marittimi. Illum il-ġurnata l-politika marittima hi linja waħda fil-lista ta’ responsabbiltajiet tal-Kabinett taħt il-Ministeru tat-Trasport. Fir-realtà, imma, l-politika marittima hi frammentata  u dwarha hemm responsabbiltajiet f’diversi Ministeri.  Fil-prattika dan ifisser li ma hemm ħadd li għandu responsabbiltà politika diretta u konsegwenza ta’ hekk il-koordinazzjoni politika f’dan il-qasam hi waħda limitata ħafna. Din hi ta’ ħasra għax dan hu qasam li għandu ħafna potenzjal li jkun ta’ ġid għall-pajjiż. 

It-trattat il-ġdid se jfittex li jindirizza l-ħarsien tas-saħħa tal-oċeani mhux biss fil-preżent, imma iktar importanti fuq medda ta’ żmien. Dan hu l-wirt li se nħallu warajna lill-ġenerazzjonijiet futuri.  Kif ġie enfasizzat mill-kelliem għas-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda Antonio Guterres, dan it-trattat il-ġdid ser ifittex li jindirizza il-kriżi li qed tiffaċċja id-dinja fuq tlett fronti: it-tibdil fil-klima, it-telfien tal-bijodiversità u t-tniġġiż. 

In-negozjati dwar it-trattat intemmu fil-lejl bejn l-4 u l-5 ta’ Marzu. Se jservi biex titwettaq il-wegħda miftehma fil-konklużjonijiet  tal-Konferenza dwar il-Bijodiversità li saret f’Montreal f’Diċembru li għadda u li hi magħrufa bħala  30x30.  Din hi wegħda bl-iskop li tistabilixi fuq sisien legal sodi l-mira ta’ protezzjoni ta’ terz tal-bijodiversità fuq l-art u l-baħar u dan sas-sena 2030. In-negozjati dwar it-trattat fasslu l-qafas legali meħtieġ biex tkun tista’ tibda t-triq twila ħalli jkunu implimentati l-wegħdiet, il-konklużjonijiet u inizjattivi ta’ Montreal. 

L-ibħra internazzjonali jibdew fejn jispiċċaw iż-żoni ekonomiċi esklussivi tal-pajjiżi differenti, ġeneralment madwar 200 mil nawtiku (390 km) mill-kosta. Dawn l-ibħra jammontaw għal 60 fil-mija tal-oċeani globali u ma huma tal-ebda pajjiż u allura huma ta’ kulħadd! Dawn l-ibħra huma taħt theddida kontinwa ta’ ħsara mill-ħidma akkumulata tal-bniedem tul is-snin. Għalhekk il-ħtieġa li l-komunità internazzjonali taġixxi illum qabel għada. 

Meta it-trattat jidħol fis-seħħ, forsi, inkunu pass eqreb lejn il-ħolqien ta’ zoni ta’ protezzjoni marittima fl-ibħra internazzjonali. Din, meta isseħħ tkun kisba storika kbira. 

Arvid Pardo jkun kburi li wasalna sa hawn. L-aħjar mod kif nikkommemorawh ikun kull darba li nkunu kapaċi nidħlu għar-responsabbiltajiet internazzjonali tagħna dwar l-ibħra. Jeħtiġilna li niftakru kontinwament li bħala gżira, il-baħar hu ħajjitna: il-baħar hu dak li għamilna dak li aħna illum.

More in Politika