Carmel Cacopardo | Lejn politika dwar is-sigurtà meħtieġa fl-enerġija

Jeħtieġ li nifhmu li huwa importanti li nagħtu l-attenzjoni xierqa lill-politika dwar l-enerġija. It-tieni interconnector m’għandniex bżonnu! Minflok neħtieġu li nintensifikaw il-ħidma biex tiżdied il-ġenerazzjoni ta’ enerġija rinovabbli

Il-politika ta’ Malta dwar l-enerġija teħtieġ li tassigura li jkollna l-enerġija elettrika li neħtieġu u li din, safejn hu possibli, ma tkunx dipendenti fuq wisq fatturi varjabbli. 

Il-ġimgħa l-oħra, għal darb’oħra, kellna qtugħ fil-provista tal-elettriku fil-parti l-kbira tal-pajjiż. Kien qtugħ li ma damx għax il-ħaddiema tal-Enemalta, b’dedikazzjoni, solvew il-problema f’qasir żmien.  Imma sal-ħin li qed nikteb dak li wassal għall-qtugħ tal-provista tal-elettriku għadu mhux magħruf. 

Dan seħħ wara qtugħ ieħor nhar l-10 ta’ Frar, qtugħ li kien ferm iktar mifrux. Dakinhar konna infurmati li kien hemm il-problemi ġejjin mill- interconnector tal-enerġija elettrika bejn Malta u Sqallija. 

Waqt il-maltempata li ħakmet il-gżejjer Maltin il-ġimgħa l-oħra, it-tanker tal-gass kien skonnettjat għal xi siegħat bħala miżura ta’ prekawzjoni, biex jiġu evitati inċidenti u ħsara. F’dan il-ħin kritiku, minn Delimara ma ħadniex farka elettriku għax il-gass kien skonnettjat. Riżultat ta’ dan konna dipendenti għal kollox fuq l-interconnector ma’ Sqallija għall-elettriku f’dak il-ħin.  Huwa f’dan il-kuntest li għal kważi sagħtejn sħaħ l-interconnector ma kienx qed jiffunzjona: l-parti l-kbira tal-gżejjer Maltin kienu bla elettriku, fl-istess waqt, la kien qed jaħdem l-interconnector u lanqas il-power station ta’ Delimara! Dik sigurtà! 

L-incidenti jseħħu l-ħin kollu. Dak li ġara iżda, ma jistax ikun deskritt bħala incident. Kien il-konsegwenza loġika tal-politika dwar il-ġenerazzjoni tal-enerġija f’dawn il-gżejjer. Hu riżultat tal-fiduċja għamja fl-interconnector li wasslitna għal dipendenza sħiħa fuqu. Tant din il-fiduċja għamja rabbiet għeruq fondi li issa qed jippjanaw it-tieni interconnector biex issa jassiguraw li nkunu għal kollox dipendenti fuqhom. Flok ma jnaqqas id-dipendenza fil-qasam tal-enerġija dan il-Gvern qed jippjana li jżidha! 

Min qed jaqra bla dubju jiftakar dwar id-drabi li ankri tal-vapuri għamlu ħsara lill-interconnector tal-enerġija bejn Malta u Sqallija. Dan seħħ ftit il-barra mill-kosta ta’ Sqallija meta tanker li jtajjar il-bandiera ta’ Singapore bl-isem ‘Di Matteo’ ikkawża ħsara kbira fl-interconnector fl-2019 ftit ‘il barra minn Ragusa. Dan seħħ ukoll ftit ‘il barra minn mal-kosta ta’ Baħar iċ-Ċagħaq meta il-vapur ‘Chem P’ kważi nkalja f’Marzu 2022. L-ankra tiegħu tkaxkret ma’ qiegħ il-baħar u anke dakinnhar saret ħsara sostanzjali lill-interconnector. 

L-interconnector hu kalamita għal dawn l-inċidenti, kemm fl-ibħra Maltin kif ukoll f’dawk Sqallin. Bit-traffiku marittimu li hawn f’dawn l-inħawi, dawn l-inċidenti se jibqgħu jiġru. Ftit li xejn jistgħu jkunu evitati. 

Ħadd f’sensieh ma għandu jippjana t-twettieq ta’ politika tal-enerġija dipendenti fuq sitwazzjoni bħal din. Imma dan hu eżattament dak li ġara: Hekk ippjanaw u hekk wettqu l-gvernijiet Maltin, wieħed wara l-ieħor!   Sfortunatament l-istat attwali tal-politika tal-enerġija ta’ Malta hi riżultat ta’ din il-kwalità ta’ tmexxija ħażina. L-insulti u l-kliem dispreġġjattiv waqt is-seduti Parlamentari ma jsolvu xejn. 

Fir-realtà hu irrelevanti jekk l-interconnector żviluppax il-ħsara minħabba li kien qed jintuża żżejjed inkella jekk żviluppax il-ħsara riżultat ta’ xi ħaġa oħra. Ir-realtà li irridu niffaċċjaw hi li l-qtugħ tad-dawl qed ikun frekwenti u li dan mhux aċċettabbli. 

L-ispiża biex tissewwa l-ħsara li ġarrab l-interconnector hi waħda sostanzjali. Imma din mhi xejn ħdejn il-ħsara li qed issir lill-ekonomija tal-pajjiż u lir-reputazzjoni tiegħu riżultat ta’ politika tal-enerġija bla sens.  

Jeħtieġ li nifhmu li huwa importanti li nagħtu l-attenzjoni xierqa lill-politika dwar l-enerġija. It-tieni interconnector m’għandniex bżonnu! Minflok neħtieġu li nintensifikaw il-ħidma biex tiżdied il-ġenerazzjoni ta’ enerġija rinovabbli. Hu meħtieġ ukoll li naċċelleraw ix-xogħol li qiegħed isir biex tissaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku għax dan jagħmilha possibli li niġġeneraw iktar enerġija rinovabbli minn fuq il-bjut tad-djar tagħna.  Sakemm is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku tissaħħaħ, dan il-potenzjal huwa limitat. 

Proġetti kbar immirati biex tkun iġġenerata iktar enerġija rinovabbli permezz ta’ aktar investiment jistgħu jimxu id f’id ma’proġetti żgħar fuq il-bjut tad-djar tagħna. Jekk dan isir sewwa nistgħu mmorru lil hinn mill-mira li hemm fl-abbozz tal-istrateġija nazzjonali dwar l-iżvilupp sostenibbli li  b’mod inspjegabbli tillimata is-sehem tal-enerġija rinovabbli għall-11.5%  tal-enerġija li nużaw. Għandna bżonn li jkollna miri ferm iktar ambizzjużi minn hekk! Mira ta’ 50% għall-enerġja rinovabbli fuq perjodu ta’ 10 snin tkun ferm iktar addattata għal dak li neħtieġu bħala pajjiż. Bla miri ambizzjużi ftit hemm ċans li nilħqu l-mira ta’ newtralità fl-emissjonijiet tal-karbonju sal-2050. 

Meta jimmaterjalizza l-pipeline tal-gass li jkun jista’ jintuża ukoll biex nużw l-idroġenu, dan, waħdu ma jkunx biżżejjed biex nilħqu l-miri meħtieġa fit-triq għan-newtralita karbonika. 

Il-Gvernijiet Maltin, fil-passat kienu kuntenti jħabbru li rnexxielhom jinnegozjaw tnaqqis fil-mira ta’ Malta dwar il-ġenerazzjoni ta’ enerġija rinovabbli minn 20% għal 10%.  Issa irridu “ngawdu” l-piż ta’ din il-politika bla viżjoni fit-tul, politika mijopika. Jekk ma nibdlux ir-rotta ma nistgħux nimxu ‘l quddiem lejn politika realistika li tassigura s-sigurtà tal-provista tal-enerġija tagħna. Għalhekk hemm bżonn illi pajjiżna jelimina d-dipendenza li għandna fuq l-interconnector bejn Malta u Sqallija, kemm dak li għandna kif ukoll dak ipprogettat. 

More in Politika