Alex Agius Saliba | Riflessjoni f'dawn iż-żmien ta' festi

Ma nistgħux inkunu mistrieħa niċċelebraw mal-familji u l-ħbieb tagħna meta nafu li hemm oħrajn madwarna li qegħdin ibatu

Dan il-perjodu ta’ festi huwa sinonimu mal-għaqda, il-ferħ u fuq kollox il-familja. Għandi kullana ta’ tifkiriet sbieħ marbuta ma’ dawn iż-żminijiet, sa’ minn meta kont żgħir, memorji li jġibu magħhom nostalġija u li jibqgħu jagħmlu dan il-perjodu speċjali.

F’ħajti kelli x-xorti li dejjem inkun imdawwar b’familja u ħbieb li jappoġġjawni u jifhmuni, fuq kollox, dejjem sibt lil min nista’ ndur fuqu, sibt l-imħabba u lil min jismani u jagħtini parir siewi. Aktar minn hekk, għalkemm ġej minn familja modesta tal-ħaddiema, qatt ma kien jonqosni xejn. Bosta drabi dawn l-affarijiet tant narawhom bażiċi, li mhux dejjem napprezzawhom. 

Pero’ l-politika tlaqqak ma’ ħafna nies differenti li jġiegħluk tifhem u tapprezza aktar dak kollu li qatt kellek il-privileġġ li jkollok f’ħajtek. Kull persuna bi storja u b’salib differenti. Tisma’ stejjer u esperjenzi ta’ nies li lanqas qatt jgħaddulek minn moħħok li huma realta’, jew forsi stejjer li rajna f’xi film u dejjem ħsibna li tali sitwazzjonijiet ma jeżistux f’pajjiżna.

Pero’ iktar ma’ tiltaqa’ ma’ nies, iktar tinduna kemm mhux kulħadd kellu x-xorti li jkun mogħni b’dawn ir-rigali sbieħ tal-ħajja. Sfortunatament hawn min fostna lanqas għandu l-iktar affarijiet bażiċi li aħna nqisu bħala parti mir-rutina ta’ kuljum, bħal dar u familja li aħna mdorrijin immorru lura għalihom fl-aħħar tal-ġurnata, u kif ukoll nutrizzjoni u ħwejjeġ xierqa. Mhux sigriet li fostna hawn ħafna familji li qegħdin ibatu, hawn bosta li għadhom żvantaġġjati fis-soċjeta’ tagħna u huwa fatt li jeħtieġ li bħala pajjiż, u kif ukoll bħala Unjoni Ewropea, nagħmlu ħafna aktar sforzi biex naraw li nilħqu lil dawn in-nies.

Il-ġid kollu u x-xibka soċjali li jeżistu ħafna drabi jċajpru r-realtajiet l-oħra li jeżistu madwarna – mhux diffiċli li nitilfu l-perspettiva u ninsew li mhux kulħadd għandu l-istess status fis-soċjeta’, jew li mhux kulħadd għandu l-istess opportunitajiet u sitwazzjoni finanzjarja li tħallih jgħix ħajja normali. F’dawn l-aħħar jiem, fil-ġimgħa mqaddsa tal-Milied żort lil Patri Marċellino Micallef u lill-voluntiera tiegħu li qed jagħmlu opra ta’ ġenorożita’ kbira bis-soup kitchen li qed imexxu fil-Belt Valletta. Kelli x-xorti li npoġġi bil-qiegħda magħhom u mal-għexieren ta’ nies li ta’ kuljum isibu ħajt ta’ kenn f’din il-komunita’ li titmahom u tatihom ukoll ċans li jitkellmu ma’ persuni oħra. 

L-esperjenza fis-soup kitchen hija tfakkira li l-faqar fis-soċjetà tagħna għandu bosta forom li lkoll inaqqru d-dinjità tal-bniedem.

L-ebda persuna m’hi bħall-oħra, kull persuna għandha xi esperjenza differenti li wasslitha biex tidħol fiċ-ċiklu tal-faqar. Issib persuni mirkubin mill-vizzji, persuni vittmi tal-mard, u kif ukoll dawk li għax xi darba żbaljaw u ħallsu b’sentenza ta’ priġunerija sfortunatament tilfu kollox f’ħajjithom. Fuq kollox, issib ukoll nies li minkejja li forsi m’għandhomx faqar materjali, ikunu mifnijin bis-solitudni sempliċiment għax iċ-ċirkustanzi tal-ħajja ma ħallewlhomx familja u spiċċaw waħedhom. Il-faqar jibqa’ pjaga kbira fid-dinja li rridu nkomplu naħdmu ta’ kuljum biex infejquha. Is-solitudni u l-esklużjoni soċjali li jgħaddu minnha dawn in-nies li semmejt u bosta oħrajn huma toqol li rridu nġorru fuq il-kuxjenza tagħna. Aħna l-politiċi għandna wkoll l-obbligu li nżommu lil dawn in-nies fiċ-ċentru tal-politika tagħna, għaliex fl-aħħar mill-aħħar dik hi l-politika, li naħdmu biex intejbu l-kwalita’ tal-ħajja ta’ kulħadd. 

Nixtieq nagħlaq b’appell lil kulħadd biex f’dawn il-jiem, b’mod speċjali, naħsbu f’dawk ta’ madwarna. Ma nistgħux inkunu mistrieħa niċċelebraw mal-familji u l-ħbieb tagħna meta nafu li hemm oħrajn madwarna li qegħdin ibatu. Il-problemi kollha tad-dinja ma jistgħux jissolvew minn persuna waħda, pero’ kulħadd jista’ jagħmel parti żgħira biex jgħin imqar persuna waħda li qed tbagħti. Id-donazzjonijiet u l-għajnuna materjali li nistgħu nagħtu lil għaqdiet bħal dik ta’ Patri Marċellino u oħrajn, inkluż anke lill-Istrina li għada ser tkun qed tiġbor il-flus biex jiġu mgħejjuna eluf ta’ familji, jibqgħu importanti.

Pero’ mhux il-problemi kollha jissolvew billi nixħtulhom il-flus lejhom. Il-ħin tagħna huwa fost l-aktar rigali prezzjużi li nistgħu nagħtu lil dawk li jinsabu waħedhom, lill-morda u lil dawk li qed ibagħtu fis-skiet. Għaldaqstant inħeġġeġ lil kulħadd biex iħares ħarsa madwaru u jara kif jista’ jisma’ u jagħti daqqa t’id lil xi ħadd li huwa fil-bżonn.

Minn qalbi nawgura lil kulħadd Milied hieni mimli ferħ, imħabba u għaqda - kif ukoll l-bidu tas-sena t-tajba -  u fuq kollox ix-xorti li jkollna apprezzament għal dak 

More in Politika