Editorjal | Jirrenja s-sens komun!

Kieku kienet bintek li qed iġġorr tqala li tista' twassal għal mewt tagħha - u allura tat-tarbija wkoll - ma tkunx trid li t-tobba jkollhom il-jedd legali li jsalvaw ħajjet bintek? Mhux ideali, ċerti. L-ideal huwa li qatt ma jkun hemm sitwazzjonijiet simili u li jekk ikun hemm isalvaw l-omm u t-tarbija. Imma l-liġi mhix qegħda hemm għal dak li jiġri fil-maġġor parti tal-każi biss, qegħda hemm biex taħseb għal kull eventwalità

Sa fl-aħħar irrenja s-sens komun u l-Gvern din il-ġimgħa ħabbar bidliet fil-Liġi sabiex din tkun ħafna aktar ċara - għall-benefiċċju tal-omm, it-tobba u wara kollox anke t-tarbija. Is-suġġett tat-tqala bosta drabi kien wieħed li qanqal ħafna kontroversja taħraq iżda fl-aħħar mill-aħħar u lilhinn mid-dikriminalizzazzjoni jew legalizzazzjoni tal-abort, il-bidliet li ħabbar il-Gvern din il-ġimgħa messhom ilhom li tħabbru u messhom ilhom parti mil-liġi. Għax ir-raġuni ma tridx forza.

Kieku kienet bintek li qed iġġorr tqala li tista' twassal għal mewt tagħha - u allura tat-tarbija wkoll - ma tkunx trid li t-tobba jkollhom il-jedd legali li jsalvaw ħajjet bintek? Mhux ideali, ċerti. L-ideal huwa li qatt ma jkun hemm sitwazzjonijiet simili u li jekk ikun hemm isalvaw l-omm u t-tarbija. Imma l-liġi mhix qegħda hemm għal dak li jiġri fil-maġġor parti tal-każi biss, qegħda hemm biex taħseb għal kull eventwalità - anke dik rari illi fiha tabib jew omm iridu jieħdu deċiżjoni kruċjali li tagħmel id-differenza bejn il-ħajja u l-mewt. 

Realtà li diġà ġrat bosta drabi u li kien hemm forma ta' soluzzjoni għaliha diġà u li tissejjaħ id-double effect, li fil-verità iżda mhix minquxa fil-Kodiċi Kriminali illi nfakkru li tikkriminalizza l-abort f'kull każ, anke meta t-terminazzjoni tat-tqala tkun fix-xenarju estrem illi fih il-ħajja tal-omm tkun fil-periklu. 

Mela allura t-tobba tagħna u l-politiċi tagħna kienu diġà jafu li dan il-kunċett qiegħed jitħaddem u jsir - għax liema tabib se jmur jpoġġi rasu mal-imħadda fl-għarfien li seta' salva ħajja ta' omm u minflok ħallieha tmut, bit-tarbija b'kollox? Liema politiku ta' kuxjenza jrid jammetti li ma għamel xejn quddiem persuna li kellha ħajjitha ipperikolata? 

Allura għal snin gvernijiet differenti - speċjalment dawk nazzjonalisti - għamlu dak li tant kienu tajbin biex jagħmlu fi kwistjonijiet bħal dawn u bħad-divorzju u bħall-unjoni ċivili u anke l-abort: Ħarsu n-naħa l-oħra, għat-taparsi ma jafux x'inhu jseħħ. Ħafna diskors moralista mill-pulpltu biex jintogħġbu mal-Kurja, imma fl-istess ħin ħallew il-bieb imbexxaq biex id-divorzju jsir xorta - jew inġibu xi annulament mill-Vatikan, biex l-abort isir xorta (imma barra minn Malta u għal min hu sinjur biss!) u biex xorta jitħaddem il-prinċipju tad-double effect. Basta xejn ma jkun fil-liġi u kollox ikun prattikat fil-limbu legali. 

Dawn mhumiex valuri superjuri jew valuri insara, din hija ipokrezija grassa.

Mela allura wieħed irid jagħti l-krettu lill-Gvern preżenti li se joħroġ ir-realtà li tinsab fil-limbu u jitfagħha fid-dawl legali. U allura - fi ftit kliem - titneħħa l-ipokrezija tas-sistema attwali. 

Sfortunatament il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ma weġibx mistoqsijiet tal-gazzetta ILLUM li staqsiet anke lilu personali x'jaħseb dwar dawn il-bidliet u l-prinċipju warajhom u jekk hu - personalment - huwiex favur it-terminazzjoni ta' tqala f'każ fejn is-saħħa tal-mara tkun fil-periklu. 

U allura sigħat qabel din il-materja tmur quddiem il-Parlament la nafu l-Oppożizzjoni hix favur u lanqas hix kontra - għallinqas fuq il-prinċipju ta' dawn il-bidliet. 

Ma nistgħux ngħidu li hija sorpriża din għax il-PN għandu storja ta' titubar u ġlied intern fuq kwistjonijiet bħal dawn u l-ġlied intern huwa l-aħħar ħaġa li jonqsu bħalissa, fl-istat li jinsab! Imma stat u mhux, il-materja se tersaq quddiem il-Parlament u l-poplu jrid ikun jaf l-Oppożizzjoni fejn tinsab. 

Il-Gvern qed juri fejn irid imur fuq il-kwistjoni. Tista' taqbel jew ma taqbilx - għalkemm ma nistgħux nimmaġinaw liema argument kontra se jkun razzjonali u mhux wieħed mibni fuq il-biża' u l-preġudizzju. Pero' l-Oppożizzjoni trid anke hi tagħti direzzjoni, li tmur lilhinn mil-logħob bil-kliem, legaliżmi u proża biex tipprova tintogħġob ma' Alla u max-Xitan!

More in Politika