Grech jirrifjuta li jgħid x'inhi l-pożizzjoni tiegħu dwar abort meta l-ħajja tal-omm tkun fil-periklu

Sigħat qabel emendi dwar terminazzjoni ta' tqala f'każ meta s-saħħa tal-omm tkun f'periklu serju, jitressqu quddiem il-Parlament Bernard Grech jirrifjuta li jgħid x'inhi l-pożizzjoni tiegħu

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u tal-Oppożizzjoni rrifjuta li jagħti l-opinjoni tiegħu - anke jekk fuq il-prinċipji - tal-emendi li se jressaq il-Gvern għada it-Tnejn quddiem il-Parlament u li jitrattaw it-terminazzjoni tat-tqala meta saħħet il-mara tkun fil-periklu. 

Il-gazzetta ILLUM staqsiet, b'mod ċar, lil Grech jekk hu - personalment - huwiex favur jew kontra l-abort fil-każ fejn il-ħajja tal-mara tkun f'periklu imminenti - speċjalment f'każ ta' Ectopic pregnancy fejn sal-lum ommijiet iridu jistennew deċiżjoni ta' bord à skapitù ta' ħajjithom.

Għal dan il-Kap tal-Oppożizzjoni ma weġibx. 

Il-gazzetta staqsiet ukoll lil Grech jekk fid-dawl tal-fatt li l-Istatut tal-PN jitkellem bl-aktar mod ċar favur il-ħajja u kontra l-abort f'kull każ, pożizzjoni favur l-emendi tal-Gvern tkunx tfisser illi l-PN qed jikser l-istatut tiegħu stess. Għal dan il-Kap tal-Oppożizzjoni ma weġibx. 

U finalment din il-gazzetta staqsiet lil Grech jekk iltaqax biex jiddiskuti din il-materja jew jekk għandux laqgħa skedata biex jiddiskuti. Għal dan il-Kap tal-Oppożizzjoni wieġeb billi fakkar li sa issa l-Gvern għadu ma ppubblikax l-emendi u li l-PN se jagħti kumment biss wara li jkunu pubbliċi l-emendi u ssir id-diskussjoni fi ħdan il-PN.

Minkejja li Grech allura għad ma għandu ebda pożizzjoni - jew għallinqas ma jridx jagħmilha pubblika - dawn l-emendi se jersqu għall-Ewwel Qari quddiem il-Parlament ftit sigħat oħra biss.  

Din il-materja mistennija tqanqal diskussjoni qawwija u anke diżgwid fil-PN li fil-fatt huwa l-uniku partit f'pajjiżna illi jsemmi pożizzjoni kontra l-abort fl-istatut, xi ħaġa li fil-fatt saret taħt it-tmexxija ta' Adrian Delia. Filwaqt li l-Labour dejjem żamm 'il bogħod mis-suġġett, f'intervista ma' The Sunday Times ġimagħtejn ilu l-PM Robert Abela irrikonoxxa li mijiet ta' nisa diġà qed jagħmlu l-abort billi jikkunsmaw pilloli abortivi, iżda mistoqsi jekk hux se jdaħħal l-abort huwa wieġeb fin-negattiv u qal li ma għandux mandat biex jagħmel dan. 

L-ADPD flimkien ma' VOLT huma l-uniċi żewġ partiti fil-pajjiż li huma favur l-legalizzazzjoni tal-abort. 

Din il-ġimgħa l-Gvern ħabbar li se jagħmel emendi fil-Liġi li permezz tagħhom tabib ikun jista' - legalment - jittermina tqala, meta din issir ta' periklu għall-omm. 

 

More in Politika