Alex Agius Saliba | L-Istati Membri għandhom ikunu konformi mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità

L-Unjoni Ewropea għandha d-dmir li twieġeb għat-tħassib taċ-ċittadini tagħha u li ttejjeb il-ħajja tal-persuni b’diżabilità f’Ewropa mingħajr ostakli

Għal min isegwi l-ħidma tiegħi fil-Parlament Ewropew jaf kemm dejjem fittixt li nkun attiv u nagħti sehem fid-diskussjoni dwar il-protezzjoni ta’ persuni b’diżabilita’. Dejjem sħaqt dwar l-importanza li nipproteġu d-drittijiet ta’ dawn il-persuni u li naraw li l-politika li nfasslu tkun waħda li tatihom ħarsien adegwat u li tiffaċilita l-ħajja fis-soċjetajiet tagħna, u għaldaqstant fiċ-ċentru tal-ħidma tiegħi dejjem żammejt il-ħtieġa li nisma’ u nagħraf it-tħassib u l-ostakli li jaffaċċjaw fil-ħajja ta’ kuljum, għaliex nemmen li għal dawn l-isfidi għandna nirrispondu b’aktar ħidma sabiex naraw li l-miri li ssettjajna u l-obbligi politiċi u legali li għandna jkunu rispettati. 

Din il-ħidma waslitni biex fil-bidu tal-leġiżlatura tiegħi fil-Parlament Ewropew ġejt innominat bħala rappreżentant tal-Kumitat tal-Petizzjonijiet fuq il-Monitoraġġ tal-Qafas tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità tal-Unjoni Ewropea (UNCRPD). Il-qafas tal-Unjoni Ewropea jiġbor data u informazzjoni biex jivverifika li l-liġi tal-Unjoni Ewropea u l-applikazzjoni tagħha huma koerenti mal-Konvenzjoni, u l-Parlament Ewropew għandu rwol li jissorvelja l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni Ewropea permezz ta’ rapporti ta’ implimentazzjoni, rapporti dwar id-drittijiet tal-bniedem, mistoqsijiet orali, studji u valutazzjonijiet tal-implimentazzjoni. 

Bħala rappreżentant tal-Monitoraġġ tal-Unjoni Ewropea, matul din il-ġimgħa kelli l-opportunita’ li nkun parti minn delegazzjoni tal-Parlament Ewropew li rrappreżentat lill-Unjoni Ewropea fil-Konferenza Annwali tal-Istati Partijiet għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, li saret ġewwa l-bini tan-Nazzjonijiet Uniti ġewwa New York, fl-Istati Uniti. Din kienet opportunita’ tajba ħafna għalina l-Membri Parlamentari Ewropej li għandna dan l-irwol ta’ sorveljanzi fuq l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni, għaliex stajna nosservaw mill-qrib il-ħidma li għaddejja fuq livell internazzjonali, filwaqt li fl-istess ħin kellna wkoll l-opportunità li nddiskutu u naqsmu l-ħsibijiet ma’ għaqdiet mhux governattivi, entitajiet tan-Nazzjonijiet Uniti, Istituzzjonijiet Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem u entitajiet tas-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti differenti, dwar il-bini ta’ soċjetajiet inklussivi u parteċipattivi għal nies b’diżabilità fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID u lil hinn minnha. 

Din il-Missjoni għall-Kwartieri Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti kienet waħda kruċjali li laqqat aktar minn 180 delegazzjoni minn madwar id-dinja biex jiddiskutu l-implimentazzjoni u l-iżviluppi marbuta ma’ din il-Konvenzjoni. Sfortunatament għadna ngħixu realta’ kerha li persuni b’diżabilità għadhom jiffaċċjaw ostakli f’diversi oqsma fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum, bħall-aċċess għat-trasport pubbliku, l-ambjent mibni, l-użu tal-lingwi tas-sinjali, paga ugwali u opportunitajiet indaqs ta’ xogħol, il-finanzjament jew l-aċċess ugwali għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. L-Unjoni Ewropea għandha d-dmir li twieġeb għat-tħassib taċ-ċittadini tagħha u li ttejjeb il-ħajja tal-persuni b’diżabilità f’Ewropa mingħajr ostakli. Dan huwa fundamentali biex jinkisbu miri li tant nitkellmu fuqhom, iġifieri li jkollna inklużjoni soċjali u ekonomika u parteċipazzjoni attiva tal-persuni b’diżabilità fis-soċjetajiet tagħna, ħielsa mid-diskriminazzjoni u b’rispett sħiħ tad-drittijiet tagħhom fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor.  

Huwa d-dmir tagħna li nippromwovu dan kollu u jien kommess li nibqa’ nwettaq aktar ħidma f’dan l-isfond sabiex inkomplu ntejbu l-politika tagħna, nagħtu aktar protezzjoni u naħdmu sabiex negħlbu l-isfidi eżistenti u oħrajn ġodda li qed ikompli jinħolqu bil-progress u mal-milja taż-żmien. F’dan ir-rigward, fil-Parlament Ewropew ser inkompli wkoll bil-ħidma tiegħi sabiex tiġi ssorveljata l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni u kif ukoll tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari fil-ġimgħat li ġejjin permezz tar-rapport li qed naħdem fuqu bħalissa bit-titolu “Lejn drittijiet ugwali għall-persuni b’diżabilita’”. 

More in Politika