Il-baġit se jindirizza l-inkwiet tan-nies?
Il-Gvern mhux qed jifhem li huwa r-ritmu mgħaġġel li jikkrea hu li għandha problema fil-popolazzjoni, fl-infrastruttura, fit-traffiku, fl-ippjanar, kif ukoll fil-ħarsien ambjentali.
Il-baġit tal-gvernijiet ta’ dan il-pajjiż dejjem kien immirat biex jindirizza l-kwistjonijiet fiskali u tal-flus li jolqtu l-għejxien tan-nies u l-operat tan-negozji u l-andament tal-ekonomija. Imma fuq medda ta’ snin, il-baġit serva wkoll biex ikun hemm pjan ta’ azzjoni jew inkella reazzjoni konkreta fuq kif il-Gvern għandu jittratta l-isfidi tal-pajjiż.
Il-Gvern ta’ Robert Abela u bir-raġun jiftaħar bin-numri u bir-rekords ekonomiċi. Dan bla dubju ta’ xejn huwa marbut mal-istrateġija ekonomika u sa ċertu punt ma’ politika kważi anarkika li tiftaħ beraħ għal kull forma ta’ żvilupp.
Din forsi fejn il-Gvern qed ifalli ... u jfalli bil-kbir. Il-Gvern mhux qed jifhem li huwa r-ritmu mgħaġġel li jikkrea hu li għandha problema fil-popolazzjoni, fl-infrastruttura, fit-traffiku, fl-ippjanar, kif ukoll fil-ħarsien ambjentali.
Fuq dawn il-punti, il-Gvern għandu defiċit kbir u wieħed jiddubita jekk hux se jasal man-nies. Wisq aktar meta tara li l-Gvern ma tantx qed ikun sensittiv għall-kritika u qed jirikorri għal deċiżjonijiet li jikkonfermaw ‘siege mentality.’
Illum hija ċara li dawk in-nies li fdaw lill-Partit Laburista fl-2013 u l-elezzjonijiet ta’ wara lesti jabbundanaw dan il-proġett li fi żmien Joseph Muscat kien imsejjaħ bħala l-moviment. U dan għaliex tilfu t-tama li l-PL kif qiegħed jista’ jindirizza l-aspirazzjonijiet tagħhom. Għalissa qegħdin ipparkjati fin-nofs u mhux qed juru fejn iridu jmorru, imma l-pollsters kollha, inkluż Marmara li huwa filolaburista, jaf li dawn hemm ċans kbir li jippruvaw lil Alex Borg.
Hemm numru ta’ deċiżjonijiet li jkomplu jitfgħu pressjoni fuq l-elettorat li huwa diżilluż biex jabbundana lil-Labour. Fuq kollox hemm l-inkonsistenza, kif ukoll l-attakk fuq dawk l-affarijiet li huma sagri għalihom.
Persuna li ma jivvutax għall-partit tiegħu, qisu vot kontra l-partit tiegħu. Imma d-demokrazija hekk taħdem.
Forsi l-iktar kliem sinifikattiv kien dak ta’ Jennifer Tabone, persuna li ħadmet fil-Partit Laburista ferm qabel ma deher Robert Abela fil-PL, u ferm qabel ma dehru nies oħra li jagħmluha ta’ esperti fuq il-politika.
Tabone qalet li ma taqbilx mad-direzzjoni.
Imma realistikament lanqas taqbel mal-attakki feroċi li jsiru minn persuni malizzjużi bħal Neville Gafa li huma protetti minn Robert Abela, jew inkella d-dikjarazzjonijiet ta’ Keith Schembri li jiġi eżaltat f’intervista u fuq kollox juri li huwa viċin Robert Abela.
Forsi d-deċiżjoni ta’ Jennifer Tabone ma tantx tikkuntrasta mad-deċiżjoni li titneħħa Alison Bezzina minn Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali (il-kuntratt tagħha ma ġiex estiż) persuna li forsi tirrappreżenta dik il-faxxa l-ġdida ta’ persuni li kienu jemmnu fi proġett politiku u kien ukoll konxji li meta jkun hemm bżonn jikkritikaw.
Żewġ nisa, waħda mill-bażi u l-oħra mill-faxxa tan-nofs u t-tnejn ġenwini u skartati.
Dawn forsi jirrappreżentaw iż-żewġ profili li għenu l-Labour jirbaħ.
Il-Labour irid jifhem li l-Partit Laburista huwa madwar idea u mhux persuna. Il-persuni mhumiex għal dejjem u meta kien il-waqt ġew skartati. Min-naħa l-oħra, il-ħsieb politiku jaf ikun għal dejjem.
Ma nistgħux inkunu aktar ċari minn hekk.
