Tama ġdida

Michael Piccinino huwa l-eks segretarju ġenerali tal-PN 

Il-messaġġ ta’ Alex Borg kien wieħed li laqat lil ħafna nies
Il-messaġġ ta’ Alex Borg kien wieħed li laqat lil ħafna nies

F’dawn l-aħħar ġimgħat rajna x’jista’ jagħmel il-Partit Nazzjonalista meta jkun magħqud, motivat, u mimli ħeġġa. L-elezzjoni ta’ Alex Borg bħala Kap ġdid tal-Partit ma kienx biss pass politiku, imma mument storiku li ta nifs ġdid lil ħafna minn dawk li għal xi żmien kienu tilfu t-tama. Ħafna qed jerġgħu jħossu dik il-ħeġġa li darba kienet tqanqal lill-PN bħala Partit tal-poplu kollu, alleanza ta’ ħsieb, valuri, u viżjoni. 

It-tama ġdida li qed tinħass fit-toroq, fid-djar, fil-ħwienet, f’laqgħat, fil-midja soċjali u fost in-nies, hi frott ta’ proċess li wera li l-PN hu partit ħaj, li kapaċi jiddiskuti, jiddibatti, u jiddeċiedi b’mod demokratiku. 

Ma nistgħux nitkellmu fuq dan il-mument ġdid mingħajr ma nsemmu lil Bernard Grech. Bernard kien il-bniedem li meta ħass li seta’ jagħti l-aħjar kontribut lill-Partit billi jersaq ’il quddiem, għamel pass ’il quddiem għax ħass li l-Partit kellu bżonnu. Hu mexxa b’sens ta’ serjetà u rispett, f’perjodu li ma kienx faċli, u dejjem poġġa l-ġid tal-Partit qabel il-ġid personali tiegħu. Għamel dan kemm meta ħass li kellu jagħti s-sehem tiegħu bħala Kap, kif ukoll meta wasal għall-konklużjoni li pass lura min-naħa tiegħu seta’ jservi ta’ pass ’il quddiem għall-Partit. Din hi l-akbar xhieda ta’ lealtà u mħabba lejn il-PN. Għal dan, grazzi Bernard. 

Il-kampanja għall-Kap il-ġdid kienet waħda li ħalliet impatt qawwi. Kienet kampanja li ġabet magħha diskussjoni, moviment, enerġija. Rajna żewġ kandidati, Alex Borg u Adrian Delia, li b’passjoni kbira mexxew kampanji li ġibdu folla wara folla. Kull wieħed minnhom wera impenn, ħeġġa u mħabba lejn il-Partit Nazzjonalista. B’din il-kampanja huma xegħlu mill-ġdid il-fjamma tal-interess politiku fil-PN u taw sinjal li dan il-Partit hu tassew tal-poplu. 

Ir-rebħa ta’ Alex Borg mmarkat bidu ġdid. Mhux biss għaliex ġie elett Kap ġdid, imma għaliex ġabet magħha sens ta’ tama li ilha ma tinstema’ fost il-partitarji u simpatizzanti tal-PN. Din hi tama li tgħid li “dan verament hu l-mument”. Il-mument fejn il-PN jista’ jerġa’ jikseb il-fiduċja tal-poplu. Il-mument fejn in-nies bdew jerġgħu jħossu li l-PN hu alternattiva serja, moderna, u kapaċi jmexxi lil Malta ’l quddiem. 

Il-messaġġ ta’ Alex Borg kien wieħed li laqat lil ħafna nies, speċjalment iż-żgħażagħ, iżda mhux biss. Għal żmien twil, smajna li ż-żgħażagħ kienu qed jitbiegħdu mill-politika jew li kienu maqtugħin minn kollox. Imma issa qed naraw sinjali ċari li hemm ġenerazzjoni li qed terġa’ tħares lejn il-PN b’fiduċja u b’entużjażmu. L-istħarriġ qed juri dan. Iż-żgħażagħ qed jidentifikaw ruħhom ma’ viżjoni ġdida li mhix ibbażata fuq il-biża’ jew il-kontroll, imma fuq l-opportunità, it-tama, u l-progress. 

Din il-bidla mhix biss minħabba ismijiet jew wiċċ ġdid. Hi wkoll frott ta’ sens ta’ direzzjoni. Alex Borg qed iġib miegħu enerġija friska, lingwaġġ li jifhem il-poplu, u attitudni li tħares lejn il-futur b’kuraġġ. Ħafna qed jaraw fih mexxej li mhux biss jitkellem, imma jisma’. Kap li ma jaħrabx mid-djalogu, li jħaddan lil kulħadd u li jemmen li l-PN għandu jerġa’ jkun il-partit ta’ kulħadd. 

Il-PN qed jerġa’ juri li meta jkun magħqud, m’hemmx qawwa li tista’ twaqqfu. Il-passjoni li rajna fl-aħħar ġimgħat trid tinbidel f’azzjoni. It-tama trid issir programm, u l-entużjażmu jrid isir moviment ħaj. 

Illum, il-poplu Malti qed iħares lejn il-PN b’għajnejn differenti. Ħafna li kienu qed isegwu minn barra issa qed jersqu eqreb. Oħrajn li forsi kienu vvutaw Labour għal snin twal qed jibdew jistaqsu lilhom infushom jekk wasalx iż-żmien li jagħtu ċans lill-PN. 

Issa hu f’idejna, f’idejn kull wieħed u waħda minna li nagħmlu parti mill-Partit Nazzjonalista, li nsarrfu din it-tama ġdida f’azzjoni reali u konkreta. Li nuru li mhux biss għandna Kap ġdid, imma wkoll mentalità ġdida. Li nuru li l-PN hu lest mhux biss biex jikkritika, imma biex imexxi. Li nipperswadu lil dawk li għadhom indeċiżi, u lil dawk li qatt ma vvutaw magħna, li PN fil-gvern ifisser Malta li timxi ’l quddiem. 

Il-Partit Nazzjonalista ilu snin jitkellem fuq Malta li taħdem għall-ġid ta’ kulħadd, fuq governanza serja, fuq ekonomija ta’ kwalità, fuq pajjiż li jagħti ċans lil kull wieħed minn uliedu. Issa wasal il-mument li din il-viżjoni tinbidel f’realtà. 

It-tama ġdida li nħasset f’dawn il-jiem trid issir azzjoni. Għax meta n-nies jemmnu fil-Partit, il-Partit jista’ jerġa’ jħaddem il-magna tal-bidla. U meta l-Partit Nazzjonalista jkun magħqud, mimli tama u mħaddan mill-poplu, Malta dejjem timxi ’l quddiem. 

Dan hu l-mument tagħna. Din hi t-tama ġdida li rridu nħarsu lejha b’għajnejn mimlija fiduċja. Għax iva, dan verament hu l-mument. 

More in Politika