Carmel Cacopardo | Applikazzjoni tal-Ippjanar PA00777/22: żvilupp massiċċ ieħor f’Marsaskala

Il-mistoqsija li għandna nistaqsu hi dwar jekk għandniex bżonn bħala pajjiż dan l-iżvilupp kollu ta’ art. Għalfejn hemm din id-determinazzjoni kollha biex nibnu kull rokna u toqba f’dan il-pajjiż? Mhux aħjar inwaqqfu darba għal dejjem dan it-tip ta’ żvilupp massiċċ?  

Ikun tajjeb li niftakru li nhar is-26 ta’ Lulju 2006 il-Parlament Malti approva riżoluzzjoni li normalment nirreferu għaliha bħala “l-eżerċizzju ta’ razzjonalizzazzjoni” li bħala riżultat tagħha meded kbar ta’ art li sa dakinhar kienu barra miż-żona tal-iżvilupp  (ODZ) minn dak il-ħin bdew jitqiesu li setgħu jkunu żviluppati.  

Il-grupp parlamentari tal-PN appoġġa lill-Gvern immexxi minn Lawrence Gonzi  u ivvota favur l-iżvilupp ta’ art ODZ waqt li, ironikament l-Oppożizzjoni Laburista, dakinhar, ivvutat kontra din il-proposta. Din mhux sempliċi l-istorja ta’ x’ġara fil-passat. Għadha qed taffettwa ħajjitna illum, 16-il sena wara. Uħud għadhom qed jirrealizzaw illum kif 16-il sena ilu l-Ministru tal-Ambjent ta’ dakinnhar George Pullicino qabbad it-triq tan-niżla lill-ippjanar tal-użu tal-art. Dnub kbir li mhux se jorqod. 

Tlieta mill-Membri Parlamentari li dakinhar ivvutaw favur li art ODZ tingħata għall-iżvilupp għadhom Membri tal-Parlament sal-lum.  

Għandna niftakruhom lil dawn meta nikkunsidraw l-aħħar proposta għal żvilupp massiċċ, din id-darba fiż-Żonqor f’tarf Marsaskala, permezz tal-applikazzjoni PA00777/22.  L-applikazzjoni ta’ żvilupp, din id-darba, tikkonċerna art rurali tal-qies ta’ 5,000 metru kwadru li fuqha qed jiġi propost li jinbnew 135 unit residenzjali u 180 garage. Dawn se jkunu mifruxa fuq għaxar livelli differenti, erbgħa minnhom taħt il-livell tat-triq u dan wara li jitqatta’ kwantità kbira ta’ blat.  

Id-deċiżjoni bażika li tippermetti l-iżvilupp li qed jiġi propost illum ittieħdet nhar is-26 ta’ Lulju 2006 meta l-proposta ta’ razzjonalizzazzjoni kienet approvata mill-Parlament fuq proposta tal-Gvern immexxi mill-PN. Ma saru l-ebda studji dakinnhar dwar x’impatti ambjentali kienu se jirriżultaw minn dan kollu.  In partikolari l-impatt kumulattiv tal-iżvilupp fl-ODZ kien injorat u dan kontra dak li kien qed jiġi propost mill-aquis ambjentali tal-Unjoni Ewropeja f’dak iż-żmien dwar kif kellhom ikunu eżaminati pjani u proposti  mid-Direttiva dwar stima ambjentali strateġika (Strategic Environment Assessment Directive). Din kienet direttiva tal-Unjoni Ewropeja li daħlet fis-seħħ  propju f’dawk il-ġranet li fihom il-Parlament Malti kien qed japprova li din l-art kollha ODZ tingħata għall-iżvilupp.  

Il-mistoqsija li għandna nistaqsu hi dwar jekk għandniex bżonn bħala pajjiż dan l-iżvilupp kollu ta’ art. Għalfejn hemm din id-determinazzjoni kollha biex nibnu kull rokna u toqba f’dan il-pajjiż? Mhux aħjar inwaqqfu darba għal dejjem dan it-tip ta’ żvilupp massiċċ?  

L-eżerċizzju ta’ razzjonalizzazzjoni għandu jitħassar malajr kemm jista’ jkun u l-art kollha affettwata għandha terġa’ lura minnufih barra miz-żona ta’ żvilupp. Dan hu dak li nistennew mingħand Gvern li (bla mistħija ta’ xejn) jgħid li l-ambjent u l-kwalità tal-ħajja huma l-prijoritajiet tiegħu.  

Uħud mir-residenti damu 16-il sena biex irrealizzaw il-ħerba li seħħet fl-ippjanar tal-użu tal-art.  Matul dawn is-16-il sena kull ambjentalist ġenwin inħanaq jipprova jispjega x’kien qed jiġri. Sfortunatament uħud jaġixxu biss meta dan l-iżvilupp massiċċ jasal wara biebhom. Il-bqija ma jagħtux każ. Għala biebhom.  Għalkemm  ilna dawn is-snin kollha nafu x’hemm lest għalina, ħafna ma tawx każ u għalqu għajnejhom.  

Proġetti massiċċi, wieħed wara l-ieħor, qed jherru l-kwalità tal-ħajja tagħna lkoll. L-aħħar wieħed propost hu dak bir-referenza  PA00777/22 li hu deskritt hekk: skavar ta’ blat u bini ta’  180 garage taħt l-art, żewġt iħwienet, u 135 unit residenzjali. L-art qiegħda fiż-Żonqor Marsaskala imma għandha tikkonċerna lil kulħadd.  

L-oġġettiv li rridu nilħqu hu l-istess bħalma ġara fil-kaz tal-Marina: li l-proġett jieqaf qabel ma jibda. 

More in Politika