Ivan Bartolo | Il-mera li xjaħet f’daqqa

'Bnedmin mimlija kumplessi u biżgħat li jridu jwasslu u jmexxu bnedmin ‘il quddiem, fejn qajla jammettu li huma msieken, wisq aktar ma jafux xi tfisser ħelsien u wisq aktar għaliex jinsabu fil-ħajja politika'

Mera qatt ma tista’ tqarraq bik. Meta tmur quddiemha se tara eżatt dak li fil-verità hu. Għalxejn tipprova ssib miljun skuża, għax mera ma tafx tqarraq. 

Hawn min il-verità jaħbiha taħt elf miljun kelma sabiħa, oħrajn jaħbuha bis-silenzju. Talin nofs kedda mqanqlin mill-biżgħat li jiġu attakkati jew ittimbrati ħażin. Għax dawn b’mod egoistiku jibżgħu għal xawwathom u lanqas qatt tniffsu jew tkellmu dwar “Ġid Komuni.”  

Ħasra u dnub li mas-saqajn għandna ħafna minnhom. Kapaċi jogħmodu u jirfinaw il-verità, sakemm iġibuha aċċettabbli u tollerabbli.  Verità tal-lastiku, li tiġġebbed skont il-bżonn. F’nofshom tħossok bħal dik il-mara tajba u twajba f’ dar ta’ sakranazz. F’qiegħ qalbek dawn jibżgħu jerfgħu fuq spallithom it-toqol li jieħdu deċiżjonijiet iebsa quddiem sitwazzjonijiet ġodda. Ħelsien jitqabad kontrihom bħall-mewġ qalil li jwerwrek waqt grigalata; bħal riħ ivenven u bħal maltempata bir-ragħad intens u sever.     

Jekk tkellimhom, jekk tiġbdilhom l-attenzjoni, ma jindunawx b’dan għax żaqqhom mimlija wisq bihom infushom. Mill-iskjavitù u ċ-ċella tagħhom jippretendu li jistgħu jeħilsu lil ħaddieħor, jippretendu li jistgħu jagħtu l-ġid lis-soċjetà, meta jdejhom vojta. Ma tistax tispira lil ħaddieħor, meta int mhux qed tkun ispirat.  

Bnedmin mimlija kumplessi u biżgħat li jridu jwasslu u jmexxu bnedmin ‘il quddiem, fejn qajla jammettu li huma msieken, wisq aktar ma jafux xi tfisser ħelsien u wisq aktar għaliex jinsabu fil-ħajja politika.  Il-pretensjonijiet tagħhom huma tal-biża’. Dawk li ma għandhomx vokazzjoni biex jgħinu lis-soċjetà timxi ‘l quddiem huma maqbuda fin-nassa. Għax inkompetenti, qed iwaddbu għexieren ta’ bnedmin vittmi ta’ inġustizzji. Għax it-togħma li fiha l-borma, hija ferm ‘il bogħod minn dak li jidher fil-wiċċ tagħha.  Imma l-akbar traġedja tibqa’ li l-maġġoranza tal-bnedmin iġibu ruħhom skont ma jlellex fuq barra, (bħan-nagħaġ ta’ Bendu) li anki jekk ma jaqblux mas-sewwa li hemm moħbi minn taħt, they go with the flow.  Nintogħġbu mal-maġġoranza, b’fobija li nkun mat-telliefa; allura l-imġieba tiegħek taf tkun waħda tixbaħ lil dik tal-Fariżej. Dan jibqa’ sewwa u xieraq għal kulħadd. Għax l-artifiċċjalità u l-apparenza tieħu post il-vara tal-festa. F’waħda mill-poeżiji tiegħu, Oliver Friggieri kien jgħid li “dan poplu li s-Sibt jilgħab għal lottu u fil-knisja jitlob għax-xita.”      

Jien mhux se nibla’ xi ħaġa, li mhi xejn għajr qoxra sabiħa.  Bħali hemm bosta oħrajn, u fil-preżenza tagħhom biss tħossok tieħu n-nifs. Madanakollu nippreferi jum bilwieqfa milli għomri fuq l-irkoppa.   Akkost ta’ kollox, akkost tat-tgħajjir nippreferi nkun JIEN. Għax tibqa’ bla kliem meta jkollok tnejn, wieħed popolari inqas mill-ieħor imma ġenwin, u l-ieħor għandu l-mezzi imma korrott. Dan tal-aħħar huwa ferm aktar stmat f’ soċjetà li tadura l-“għoġol tad-deheb.”  

Jiġini f’ moħħi argument bejn Sokrate u Trasymaku.  Sokrate argumenta “Tabib ta’ veru jfejjaq lill-oħrajn, u mhux biex iħaxxen bwietu.  L-istess politikant ta’ veru jiddeċiedi li joħroġ għal politika mhux biex jistagħna malajr, imma fost raġunijiet oħra, għax jibża’ li jekk ma joħroġx hu, jkollu hu stess jiġi mmexxi minn xi ħadd agħar minnu.” 

Ix-xewqa ta’ bnedmin ta’ rieda tajba hi, li ngħollu l-livell ta’ pajjiżna u l-istrutturi tagħha. Imma l-oppożizzjoni ta’ żewġ mentalijiet tibqa’ b’saħħitha. Ideat li ma jaqblu xejn ma ta’ xulxin, imma l-aktar gravi li kull naħa tqis ta’ siwi u valur l-ideat tagħhom biss, filwaqt li tan-naħa l-oħra ma tiswa xejn, inferjuri, ‘l fuq mis-sħab, iċċassati, negattivi, qarrieqa ....  Din hija forma oħra ta’ vjolenza, ġejja minn fejn hi ġejja; u din taf tieħu raġun f’ taqtiegħa. Għax ma jfissirx li l-maġġoranza dejjem tkun fuq in-naħa t-tajba tal-istorja.   Mill-banda l-oħra hija ta’ għajb għalik li ma jkollokx il-ħila tagħżel bejn it-tajjeb u l-ħażin, bejn il-qerq u l-verità, bħalma huwa ta’ għajb għal dak li għandu moħħ u jaf jagħżel bejn it-tajjeb u l-ħażin, iżda jżomm dak li hu ħażin, għax xi ħadd wiegħdu pożizzjoni.   Addio Ġid Komuni.   

U l-mera xjaħet f’daqqa, u nqalgħat minn mal-ħajt. Ċediet, tfarket u spiċċat f’mitt biċċa. Madanakollu mill-biċċiet tal-mirja wieħed seta jara kollox ċar, wieħed setgħa jara l-verità kollha kif inhi.     

Imma bnedmin ta’ rieda tajba, ma jħallux lil ġgant jegħlibhom. Avolja l-mera xjaħet f’daqqa, bnedmin ta’ rieda tajba ma jħallux li jiġu maħkuma mill-biżgħat, għax f’każ li ma tiffaċċjahomx, il-biżgħat isiru l-ħitan tiegħek. U dawk li jippruvaw jaqtgħulek qalbek billi jiddemoralizzawk (ġejjin minn fejn ġejjin)  ngħidilhom:  “Keep calm, we are back in business.”  

More in Politika