Carmel Cacopardo | Lezzjonijiet: bejn Chernobyl u Fukushima

'Wara 36 sena, Chernobyl għadha ta’ tħassib għal kulħadd, mhux biss għal dawk li jgħixu fil-viċin, imma għall-Ewropa kollha'

Nhar is-26 t’April 1986 f’Chernobyl l-Ukraina, 36 sena ilu, seħħ incident nuklejari enormi. Dan bosta ftakru fih meta l-forzi Russi u Belorussi invadew it-teritorju Ukrajin madwar xahrejn ilu.  

Il-forzi invażivi ħadu f’idejhom l-inħawi madwar l-impjant nuklejari ta’ Chernobyl. It-truppi kienu osservati jeskavaw numru ta’ trinek madwar is-sit fejn 36 sena ilu seħħ l-inċident nuklejari.  Kien biss iktar kmieni din il-ġimgħa li l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA) irrappurtat li l-livelli ta’ radjazzjoni f’ Chernobyl kienu ġew iċċertifikati bħala li huma f’limiti raġjonevoli! 

It-tindifa nuklejari f’Chernobyl għada għaddejja. Bdiet immedjatament fl-1986 ftit wara l-inċident u hu ppjanat li tibqa’ għaddejja sal-2065. Probabbilment ferm iktar minn hekk! 

Wara 36 sena, Chernobyl għadha ta’ tħassib għal kulħadd, mhux biss għal dawk li jgħixu fil-viċin, imma għall-Ewropa kollha.  

Id-diżastru nuklejari ta’ Chernobyl ġieb lil bosta f’sensihom dwar il-perikli assoċjati mal-enerġija nuklejari u dan minkejja l-prewkazzjonijiet u t-teknoloġiija sofistikata użata fl-industrija.  Dan kollu kien rinfurzat meta seħħ id-diżastru nuklejari ta’ Fukushima, nhar il-11 ta’ Marzu 2011. Wara Fukushima bosta pajjiżi għażlu li jibdew inaqqsu d-dipendenza tagħhom fuq l-enerġija nuklejari. Bdiet it-triq il-Ġermanja. Min-naħa tagħhom, it-Taljani, l-ġirien tagħna, permezz ta’ referendum f’Ġunju 2011 ukoll għażlu futur mingħajr enerġija nuklejari. 

Dan għandu sinifikat partikolari għal Malta għax ifisser li ġew fi tmiem il-preparazzjonijiet biex jinbena impjant li jiġġenera l-enerġija nuklejari f’Palma di Montechiaro mal-kosta tan-nofsinnhar ta’ Sqallija. Dan kien ikun qiegħed ftit inqas minn 100 kilometru 'il bogħod minn Għawdex. Hu magħruf li dik il-parti ta’ Sqallija hi zona tat-terrimoti. 

Kultant, tul dawn l-aħħar snin kien hemm min tkellem dwar interess ġdid fl-enerġija nuklejari.  Il-Gvern Franċiż issa ilu jħuf fil-Mediterranean jipprova jħajjar gvernijiet favur l-enerġija nuklejari. Hu magħruf li jeżistu ftehimiet f’dan is-sens ma’ xi pajjiżi fl-Afrika ta’ Fuq.  Nicholas Sarkozy kien anke wasal fi ftehim ta’ din ix-xorta ma Gaddafi fl-aħħar ġimgħat qabel ma dan spiċċa riżultat tal-irvellijiet li ħakmu l-Libja. 

Id-dibattitu fl-Unjoni Ewropeja għaddej ukoll. Dibattitu li preżentement qed jinkwadra ruħu f’kuntest tal-miri ta’ dikarbonizzazzjoni u dan minħabba li l-ġenerazzjoni tal-enerġija nuklejari ftit tiġġenera emissjonijiet ta’ karbonju.  Jibqa’ l-fatt, imma, li l-enerġija nuklejari hi l-kawża ta’ impatti ambjentali sostanzjali permezz tal-iskart li din tiġġenera: ibda mill-minjieri minn fejn jinġabar l-uranju, kompli bil-fdalijiet tal-uranju li jkun intuża għall-ġenerazzjoni tal-enerġija u spiċċa bl-ammonti sostanzjali ta’ emissjonijiet radjuattivi kull meta jkun hemm inċident nuklejari. L-inċidenti nuklejari f’Chernobyl, Fukushima u Three-Mile Island juru mhux biss kemm, f’kaz ta’inċident, tkun ikkawżata ħsara ambjentali imma fuq kollox kemm ħafna drabi din hi diffiċli biex tkun ikkontrollata u tirrikjedi ħafna żmien u riżorsi. 

L-IAEA tirrapporta li fl-2022 hawn 493 impjant ta’ enerġija nuklejari imxerrda fi 32 pajjiż differenti.  Hu naturali li nkunu konxji tal-inċidenti nuklejari ewlenin bħal dak ta’ Chernobyl (1986) jew Fukushima (2011), u possibilment dak fi Three-Mile Island fl-Istati Uniti (1979). Tul is-snin, iżda, kien hemm ammont mhux żgħir ta’ inċidenti nuklejari oħra, deskritti bħala “żgħar”. F’numru ta’ każi minnhom dawn ġew ikkontrollati bil-kemm, u għal ftit ma żviluppawx f’inċidenti maġġuri. 

Il-ġirien tagħna t-Taljani ċaħdu l-enerġija nuklejari darbtejn: kellhom żewġ referenda differenti, wieħed fl-1987 wara Chernobyl, u ieħor fl-2011 wara Fukushima. Fl-2011 il-Gvern Taljan kien qed jippjana li jibni għaxar rejatturi nuklejari f’diversi partijiet tal-Italja. Bħala riżultat tar-referendum tal-2011 il-pjan biex dawn jinbnew twaqqaf! 

Hi responsabbiltà tal-Gvern Malti li jżomm is-sitwazzjoni taħt attenzjoni għax ma hemm xejn xi jżomm milli l-pjani li kien hemm jerġgħu jkunu attivati. Tajjeb li nagħmlu ħilitna kollha biex nevitaw milli jkollna l-periklu wara l-bieb. 

More in Politika