Carmel Cacopardo | Il-finanzjament tal-PLPN

Ipprova, forsi, tħallasx il-kontijiet tal-ilma u l-elettriku li tirċievi u ara jekk tirċievix nota qasira u pulita mingħand l- ARMS li twissik bil-konsegwenzi jekk tibqa’ ma tħallasx! Xejn minn dan kollu, imma, għall-PLPN

Permezz ta’ numru ta’ artikli fil-gazzetti, repetutament inkunu mfakkra li l-Gvern u l-awtoritajiet tiegħu ma jimxix ma kulħadd l-istess. Mal-partiti politiċi li qegħdin fil-Parlament (u l-kumpaniji kummerċjali tagħhom) jimxi differenti milli jimxi magħna lkoll meta jinvolvi kontijiet pendenti, u dan jinkludi kontijiet dwar ħlas ta’ taxxi pendenti.

Ir-regolamentazzjoni tal-finanzi tal-partiti politiċi ma tikkonċernax biss li dawn jirrappurtaw dwar id-donazzjonijiet li jirċievu. Hu meħtieġ ukoll li jkun hemm attenzjoni dwar il-kontijiet li għandhom pendenti. In-nifs li jingħataw biex iħallsu dawn il-kontijiet hu ukoll sors ieħor ta’ finanzjament. Dan hu finanzjament addizzjonali tal-partiti politiċi li qed isir bil-moħbi mill-istat.

Biex inkun ċar, qed nirreferi għall-pagamenti pendenti li għandhom dwar il-VAT kif ukoll għall-kontijiet mhux imħallsa dwar l-ilma u l-elettriku liema kontijiet imorru lura numru ta’ snin u li akkumulaw għal ammonti sostanzjali: miljuni ta’ euro, jiġifieri!  Ma’ dawn trid iżżid ukoll il-ħlasijiet pendenti dwar bolla u PAYE li l-partiti politiċi parlamentari u l-kumpaniji kummerċjali tagħhom jiġbru mingħand l-impjegati tagħhom f’isem id-Dipartiment tat-Taxxi, u li żammewhom għandhom illegalment. Kull min jimpjega u jimxi bħalhom malajr jiffaċċja azzjoni legali  jekk  jinjora l-avviżi li jirċievi biex ifakkruh iħallas. Ipprova, forsi, tħallasx il-kontijiet tal-ilma u l-elettriku li tirċievi u ara jekk tirċievix nota qasira u pulita mingħand l- ARMS li twissik bil-konsegwenzi jekk tibqa’ ma tħallasx! Xejn minn dan kollu, imma, għall-PLPN!

L-ammonti li għandhom jagħtu huma ta’ miljuni kbar ta’ euro u huma parti mid-djun kbar li l-partiti politiċi fil-parlament akkumulaw. Hu diffiċli li tikkwantifika l-ammonti preċiżi dovuti mill-PLPN u l-kumpaniji kummerċjali tagħhom għax l-awtoritajiet joqgħodu attenti u jaraw li din l-informazzjoni ma toħroġx. Dak li nafu biss hu mill-ftit informazzjoni li xi ġurnalisti jirnexxielhom jiġbru minn hawn u minn hemm li turi li l-ammonti pendenti huma kbar, u qed jiżdiedu: jaqbżu ċifra bi tmien numri.   Meta jkunu magħrufa l-kundizzjonijiet ġenerużi ta’ kreditu li l-awtoritajeit pubbliċi qed jippermettu lill-partiti politiċi parlamentari u lill-kumpaniji tagħhom malajr nindunaw kemm huma kbar l-abbużi sistematiċi li ilhom għaddejjin taħt imneħirna. Hu fl-interess pubbliku li din l-informazzjoni tkun magħrufa. Din ukoll hi materja ta’ governanza tajba.

Dan kollu hu sors indirett ta’ finanzjament tal-partiti politiċi li jeħtieġ li jkun ikkwantifikat u li dwaru hi meħtieġa azzjoni immedjata.  Hi tabilħaqq sfortuna li r-regulatur tal-finanzjament tal-partiti politiċi hi l-Kummissjoni Elettorali  li hi magħmula, fil-parti l-kbira tagħha, minn rappreżentanti tal-PLPN. Dawn mhux biss taparsi jirregolaw lilhom infushom, imma fuq kollox jirregolaw ukoll lill-kompetituri tagħhom, il-partiti politiċi l-oħra.

Wasal iż-żmien li l-kumpaniji kummerċjali tal-partiti politiċi jkunu ttrattati bħala parti integrali tal-partiti politiċi stess. Hemm ħtieġa ta’ kontrolli iktar stretti u ta’ rappurtaġġ fil-ħin biex ikun assigurat li dawn il-kumpaniji kummerċjali ma jintużawx għal skop ta’ finanzjament illeċitu tal-makkinarju politiku tal-PLPN.

Il-PLPN, kif mistenni, jiċħdu li ma jimxux sewwa. Il-PL dejjem insista li l-kumpaniji tiegħu ma waslu għall-ebda ftehim ma’ Yorgen Fenech. Il-PN min-naħa l-oħra jinsisti li miexi fuq ir-rubini u li qatt ma ħareġ kontijiet foloz lid-dB! Imma t-tnejn li huma jibqgħu jonqsu li josservaw ir-regoli.  Il-kontijiet ivverifikati mill-awdituri li l-kumpaniji tagħhom għandhom l-obbligu li jippreżentaw ilhom snin ma jkunu ppreżentati. Għaldaqstant ma hemm l-ebda mod biex tivverifika kemm u kif il-kumpaniji kummerċjali tal-PLPN qed jevitaw ir-regoli dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi.

Bi qdusija artifiċjali kemm il-PL kif ukoll il-PN kontinwament itambru dwar il-governanza tajba u dwar kemm din hi essenzjali fil-ħajja politika u ammiistrattiva. Ikun tajjeb kieku jibdew jipprattikaw dak li jippriedkaw!

More in Politika