Ivan Bartolo | Tama li qatt ma tirtira

Jekk irridu Malta isbaħ u aħjar, jeħtieġ li nitħabtu biex nibnuha mhux fuq il-pedament tal-għira u l-mibgħeda, tal-frugħa u l-kburija, tar-regħba u l-egoiżmu, imma fuq il-pedament tal-imħabba

Faċli tonqoslok it-tama llum, f’avvenimenti negattivi li kontinwament nisimgħu.  Forsi tidher qed titlef (it-tama) għax taf li għandha garanzija li fl-aħħar mill-aħħar hi ser tirbaħ.  Fuq kollox it-tama tiftaħlek il-bibien, waqt li l-esperjenzi negattivi jagħlaqomlok. 

Għadna ħerġin minn kampanja elettorali.  Kulħadd bl-esperjenzi tiegħu, speċjalment dawk li kienu protagonisti.  Hemm esperjenzi ta’ xi wħud sbieħ, oħrajn inqas.  Hemm oħrajn li b’mod personali jinsabu fl-opak.   M’humiex jaraw ġejjieni għax il-pjan tagħhom kien mod ieħor.   

Min kien fiha, jista jitkellem aħjar, l-aktar dawk li esperjenzaw mumenti xejn faċli.  F’xi waqtiet tħossok f’arena tal-gladjaturi, jew forsi biex inwassal il-messaġġ u nkun grottesk, f’arena ta’ bnedmin b’moħħ qasir, bi bnedmin li jaraw biss sa mneħirhom. L-agħar ħaġa meta wieħed juri ħaġa fuq barra, mentri f’qalbu ssib ħaġa oħra.    

Imma l-ħajja mhix dik li tħalli l-maltemp jgħaddi, imma li titgħalem tiżfen fil-maltemp tar-ragħad u s-sajjetti. Jolqotni ferm dak il-kliem bil-latin fuq l-arloġġ tax-xemx, mal-ħajt ta’ wara l-knisja tal-Ġiżwiti fil-Belt kapitali.  Dan il-kliem riflessiv  ilu hemm mit-13 t’ Awwissu 1695, li jgħid hekk “Għada jiġi żmien meta ż-żmien jispiċċa.  Ikun hemm dawl ta’ dejjem għat-tajbin u dlam bla tmiem għal ħżiena.   Bla dubju min hu materjalista, minn jara sa mnieħru, hemm il-probabilità jew li ma jifihmx dan il-kliem, jew jaqrah u jinsih f’ sekonda.  Għax fejn hemm it-teżor tiegħek, hemm tinsab qalbek (Mt 6, 21).  Madanakollu, aħna ninsabu f’dinja qalb l-umanità u dak li ngergru u naraw f’ ħaddieħor, hemm mnejn li ħaddieħor jara l-istess fina.  Mur ifhem!     

Hemm min ukoll li biex jiġġustifika l-imġieba tiegħu, jipprova jsib skuża fik, u jgħagħlek temminha.  Bi kliemu lest iżarmak, u jġagħlek temmen li int inkapaċi.   Dan huwa l-agħar logħob ta’ bnedmin involuti, li sfortunatament hija fost l-aktar imġieba perikoluża u fost l-agħar fid-dinja.  Dan hu ħażen, infern, bl-ingliż ngħid “evil”. Tinsab kullimkien, għax il-bniedem jinsab kullimkien, imma l-aktar li esperjenzajtha  f’ postijiet fejn suppost tiġi diskussa l-politika u kif nistgħu intejbu l-qagħda tal-bnedmin.  Imma l-akbar żball jibqa', meta tispiċċa taqta qalbek,  dan l-akbar żball.         

Bla dubju t-tama tibqa' tfittex it-tajjeb fl-oħrajn, minflok toqgħod tipprova tbaxxihom biex togħla xi ftit int.   Għal kuntrarju l-bnedmin għandhom moħħ, u dawn jindunaw bla ma jlissnu l-ebda kelma. L-ebda sens ta’ kolleġġjalità u f’ xi waqtiet tħossok tifga.  Li ma jkollokx xaħam u ma tkunx b’ saħħtek, tisħel taqta' qalbek.   Imma trid tibqa għaddej.  Trid tibqa' tfaħħar lil sħabek u anki lill-avversarji tiegħek  (meta jixirqilhom).  Huwa dan li f’ kollox jagħżel ruħ qawwija, minn waħda dgħajfa.   

Jekk irridu Malta isbaħ u aħjar, jeħtieġ li nitħabtu biex nibnuha mhux fuq il-pedament tal-għira u l-mibgħeda, tal-frugħa u l-kburija, tar-regħba u l-egoiżmu, imma fuq il-pedament tal-imħabba. “Frugħa tal-frugħat u kollox frugħa” insibu fil-Bibja.  Xi wħud, marbuta wisq mal-ambizzjonijiet tagħhom li jispiċċaw jhewdnu kif se jkissru lil ħaddieħor. Imsieken dawn ma jgħixu qatt.     U la darba  semmejt il-Bibja xtaqt nislet vers minn Salm 115, vers 10  “Bqajt nemmen, imqar meta għedt” “Jien imdejjaq ħafna.”     Mhux kemm wasalna fil-ħajja jgħodd, imma kemm kapaċi apprezzajna u għexna kull ġurnata.   Dan li verament jgħamilna kuntenti. Seneca (65 QK) kien jgħid li “Sakemm tibqa tgħix, ibqa tgħallem kif tgħix.”  

Min iħossu miexi l’quddiem, bla dubju għandu viżjoni mibnija fuq prinċipji sodi.  Min tassew iħobb, minn natura tiegħu jagħżel li jaqsam dawn il-prinċipji ma’ oħrajn.    Min jaħseb fih inniffsu biss, jispiċċa jiskadi maż-żmien, għax kull ma nagħmlu kemm it-tajjeb u inqas tajjeb, jiġi kollu lura għandek.  Bħal Boomerang.     Fuq kollox ma nistgħux naqtgħu qalbna u trid tibqa ttambar fuq dak li temmen fih.   L-edukazzjoni hija l-akbar arma b’ saħħitha li tista tintuża biex tbiddel dinja!   Mill-ġdid nikkwota lil wieħed mill-filosofi favoriti Seneca (65 QK) kien jgħid  li “Sakemm tibqa tgħix, ibqa tgħallem kif tgħix.” 

U llum fl-Għid il-Kbir, irrid nieħu l-opportunita’ nawgura l-Għid it-tajjeb lil qarrejja KOLLHA tagħna.   Lil dawk li jaqblu mal-versi li ktibt, u anki lil dawk li ma jaqblux miegħi, lil dawk li lesti għalik bħal xafra tal-moħriet.     

U f’ dan il-jum li jfisser ħafna għal min jemmen, xtaqt nagħlaq dan l-artiklu bi ħsieb spiritwali “Meta tiltaqa’ quddiem Alla, mhux ser  jistaqsik, kemm irnexxilek toħlom u x’ wettaqt minn dak il-ħolm.   Lanqas mhu ser jistaqsik x’ kont taħseb, kemm ippjanajt, kemm wasalt fil-ħajja.   Imma ser jistaqsiek x’ għamilt.   Jien u Int, x’ ser inwieġbu?    

More in Politika