Ivan Bartolo | Ħaddiema frustrati u sfruttati

'Ix-xogħol prekarju huwa realtà fid-dinja tax-xogħol, realtà negattiva li tajjeb nagħmlu ħilitna kollha biex tiġi mrażżna'

Bla dubju  li x-xogħol prekarju fostna żdied u mhux naqas.  Tistaqsi lilek innifsek, imma dan għaliex għandu jkun, f’pajjiż li tant u tant jiftaħar li fostna hawn ġid?   Taħseb u tibqa' taħseb, u ssib li l-egoiżmu jispikka fil-bniedem li l-għan tiegħu huwa biss butu.    U għalhekk jeħtieġ li jsir xi ħaġa, qabel inkomplu nkissru dak li bnew ta’ qabilna.   Qed nirriduċu lill-bniedem għal messaġġ waħdieni sottili, li bil-malti qed nagħtuh il-messaġġ li hu tajjeb biss għar-rimi, imma qabel nużawk.   Nużak u narmik.   X’ ħasra!    

Bla dubju ħaddiema barranin Afrikani u mil-Lvant Nofsani f'din is-sitwazzjoni ssib, imma dan qed jaffettwa wkoll ħaddiema Maltin, speċjalment żgħażagħ.   Huma min huma, kulħadd għandu jikkundanna b’qawwa kollha lil dawk, speċjalment li kważi raqdu meta kienu pijunieri f’dar-rigward, li suppost jaraw li dawn l-affarijiet ma jseħħux.  

Il-kampanji għandhom isiru fuq diversi livelli, imma l-aktar fuq livell edukattiv.  Min iħaddem b’xogħol prekarju għandna ngħinuh jifhem li bil-prekarjat huwa stess mhux qed  jibbenefika.   Il-kelma “Prekarju”  isimha magħha, tfisser nuqqas ta’ stabilità u sigurtà. Dan apparti d-dehra ta’ nuqqas ta’ serjetà, kemm fl-employer innifsu u anki fil-kumpanija, li qed iwasslu l-messaġġ lill-ħaddiem li “jien qed nużak”  u awtomatikament il-ħaddiem imur għax-xogħol taħt madmad.  Ikollu jmur għax bilfors, l-aktar jekk huwa kommess finanzjarjament. Min iħaddem bil-prekarjat ma jirrispettax lilu nnifsu, għaliex lanqas biss jaf iħaddem mingħajr ma jqarraq bil-bniedem.   U hawnhekk is-soċjetà nnifisha qegħda tbati.    

Mhux wisq żmien ilu kellna każ mill-aktar ikrah, ta’ dak il-ħaddiem barrani, mixħut fuq bankina, li eventwalment sirna nafu li kien mixħut fuq bankina minn min iħaddmu wara li waqa' minn għoli u li suppost ħadu għal kura fl-isptar.   Storja li bħala soċjetà ċappset lil kulħadd.  Ma naħsibx li Malta tagħna jixirqilha hekk, il-Malta li rawwmitna u l-Maltin! Il-Maltin għandhom timbru sabiħ ta' bnedmin solidali u ta’ ħniena.  Għadna nħaddnu l-istess ideal li rawwmuna fih missirijietna!   Apparti li l-ħaddiem qed jinsteraq minn xogħol diċenti, dan huwa abbuż minn min iħaddem fuq il-vulnerabbiltà tal-ħaddiem.  Min iħaddem stess, flok ħoloq  ambjent ta' armonija, ħoloq  “għar tal-ħallelin”. 

Jiddispjaċik tisma' b’diversi stejjer ta’ ħaddiema li qegħdin jiġu misruqa minn xogħol diċenti u mhux ta’ b’xejn allura li nibqgħu insostnu li l-faqar żdied.     Saħansitra mmissuh b’ idejna.   Mhijiex ħasra, dawk il-barranin jiġru fuq il-muturi, fit-toroq tagħna biex iwasslu l-ikel lin-nies, għal paga fqira, fejn jaħdmulek mas-60 siegħa fil-ġimgħa?   Fejn hu r-rispett lejn il-ħaddiem?  Fejn fadlilna naslu?  Sfaċċatament, lill-ħaddiem armejnih taħt bankina! 

Flimkien mal-Partit Nazzjonalista, ħarist fil-mod ta’ kif inħarsu lejn diversi mudelli finanzjarji. Tkellimna dwar il-Living Income.  Ħaddieħor ilu li wegħda snin, imma aħna rridu niddiskutuha bis-serjetà, għax dak li jitlob minna l-ħaddiem fl-immedjat. Mhijiex l-intenzjoni tagħna  li b’living Income nifhmu piż fuq it-tax payer, li se jkollu jdaħħal idejh fil-but, għax fl-aħħar mill-aħħar l-ekonomija tkissirha b’dan il-mod.   Aħna qed inħarsu lejn il-paga tal-ħaddiem u li din - permezz tal-kunċett tal-Living Income - għandha tkun viċin kemm jista’ jkun biex tikkontribwixxi biżżejjed dħul disponibbli għall-familja jew l-individwu. U dan mhux neċessarjament tagħmlu billi toqgħod iżżid il-paga b'mod artifiċjali.   Fost oħrajn dan tista' żżidu billi ttejjeb il-produttività. 

Ix-xogħol prekarju huwa realtà fid-dinja tax-xogħol, realtà negattiva li tajjeb nagħmlu ħilitna kollha biex tiġi mrażżna. 

Mid-diskussjonijiet tagħna, fuq kollox bil-ħidma tagħna għandna ngħaddu għall-fatti.   Bnedmin minn kull strata tas-soċjetà flimkien mal-imsieħba soċjali, politiċi, NGOs, l-unjins, il-Knisja, min iħaddem, u dawk kollha nvoluti għandhom jaħdmu flimkien u jemmnu li b’rieda tajba nistgħu neliminaw ix-xogħol prekarju.    

Ħaddiem frustrat u sfrutatt jistenna minna li nkunu vuċi għalih!   

More in Politika