Carmel Cacopardo | Ir-riżenja ta' David Thake

Mhux korrett li Thake ikun deskritt bħala li qiegħed jevadi t-taxxa. L-anqas ma hu korrett li jxebbħuh ma’ Bernard Grech, il-Kap tal-Partit tiegħu, li kien investigat fuq evażjoni ta’ taxxa 

Ir-riżenja ta’ David Thake minn Membru Parlamentari hi pass 'il quddiem għall-politika f’Malta. Trid il-kuraġġ biex tkun kapaċi tammetti li kont żbaljat u kuraġġ ikbar biex tkun lest li terfa’ r-responsabbiltà politika għal dan. Hemm oħrajn li jmisshom jimxu fuq il-passi tiegħu. Kieku dan kellu jsir, bla dubju, l-Parlament jibda jikseb lura r-rispett li jixraqlu.  Għadna lura. Imma irridu nirrikonoxxu li dan pass 'il quddiem. 

Il-fatt li sirna nafu bin-nuqqasijiet dwar il-ħlas tal-VAT mill-kumpaniji ta’ David Thake minn dak li qalu l-gazzetti, li ippubblikaw tagħrif kunfidenzjali li wasal għandhom, ma jnaqqas xejn mill-gravità tal-każ.  Jindika biss li l-problema għandha dimensjoni oħra kbira: nuqqas gravi ta’ etika istituzzjonali, din id-darba min-naħa tal-awtoritajiet tat-taxxa. Għal dan hemm il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana li għandu responsabbiltà politika. Għandu jaġixxi bla dewmien. 

L-edituri reġistrati, bil-liġi, diġa għandhom id-dritt li jitolbu r-returns tat-taxxa tad-dħul tal-membri parlamentari kollha. Dan id-dritt għandu jkun estiż għar-returns tal-VAT mhux biss tal-Membri Parlamentari infushom, imma anke dawk tal-kumpaniji li huma jikkontrollaw. Dan jasigura li tkun magħrufa l-informazzjoni dwar kull Membru Parlamentari u mhux biss dwar dawk li l-Gvern ikun irid ikisser.  

Hu fatt stabilit li ż-żewġ kumpaniji ta’ David Thake, jiġifieri Vanilla Telecoms Limited u Maltashopper Limited ġabru l-VAT bħala parti mill-ħlas għas-servizz li jipprovdu. Imma imbagħad, it-taxxa miġbura żammewha għandhom għal perjodu twil ta’ żmien. Il-kumpaniji tiegħu, qalilna Thake, kellhom problema ta’ likwidità u ma kinux f’pożizzjoni li jgħaddu t-taxxa miġbura lid-Dipartiment tal-VAT. 

Vanilla Telecoms Limited ġabret €270,000 filwaqt li Maltashopper Limited ġabret €550,000 f’VAT u dawn żammewhom għandhom biex jaħdmu bihom. Dawn huma ammonti sostanzjali li nġabru mingħand in-nies u jinkludu multi u interessi dovuti lid-dipartiment. 

David Thake qal li huwa kien qed jibbenefika mill-iskema tal-Gvern li biex ittaffi l-impatti tal-pandemija tat ċans biex il-ħlasijiet isiru tard.  Hemm dubji serji dwar kemm dan hu minnu. 

Billi l-ħlasijiet pendenti li għandhom il-kumpaniji ta’ Thake, fil-parti l-kbira tagħhom imorru lura s-snin, Thake għad jeħtieġlu jispjega għaliex dam daqshekk biex jaġixxi ħalli jindirizza l-problemi finanzjarji tal-kumpaniji tiegħu.  Xerred ħafna dmugħ tal-kukkudrilli biex jispjegalna li kellu għażla dwar jekk iħallasx lill-impjegati tiegħu inkella jekk jgħaddix lill-Gvern il-VAT li ġabar. Bid-dewmien tiegħu, imma, iktar għamel ħsara lill-impjegati tiegħu stess!  

Mhux korrett li David Thake ikun deskritt bħala li qiegħed jevadi t-taxxa. L-anqas ma hu korrett li jxebbħuh ma’ Bernard Grech, il-Kap tal-Partit tiegħu, li kien investigat fuq evażjoni ta’ taxxa imma imbagħad għażel li jħallas dak li kien mitlub, lejliet il-kampanja għat-tmexxija tal-PN. 

Il-kumpaniji ta’ Thake ilhom żmien ma jippreżentaw l-accounts tagħhom u allura għad mhux ċar għala dawn jinsabu f’diffikultajiet finanzjarji u qed jispiċċaw jaħdmu bil-flus miġbura mill-VAT.  

Dan fil-fatt hu l-qofol ta’ kollox. Minflok ma ħa self mill-bank, David Thake għamel użu mill-VAT miġbura (€820,000) biex b’dawn il-flus jiffinanzja l-kumpaniji tiegħu.  Il-fatt li probabbilment hemm oħrajn li jagħmlu l-istess, forsi agħar ukoll, ma hu tal-ebda konsolazzjoni. Thake kien membru tal-parlament li ġie elett bi programm elettorali li jemfasizza l-ħtieġa ta’ governannza tajba u ta’ imġieba korretta. L-imġieba tiegħu, kif tidher mill-operat tal-kumpaniji tiegħu, jikkuntrasta ma dan kollu. 

Dan mhux nuqqas żgħir amministrattiv kif emfasizza David Thake meta ħabbar ir-riżenja tiegħu. 

Hu faċli li tipprietka l-governanza tajba. Id-diffikulta hi biex timplimentha.  Ir-riżenja ta’ David Thake, anke jekk dam ftit jaħsibha, iddaħħal ftit sens fil-politika Maltija. Hu pass tajjeb. 

Issa jmiss lil Ian Castaldi Paris u Rosianne Cutajar. 

More in Politika