Alex Agius Saliba | Kaptan tajjeb tagħrfu fil-maltemp!

'Għalkemm ħadd ma jista’ jilħaq il-perfezzjoni politika, żgur li ħadd ma jista’ jinnega li f’dan iż-żmien ta’ maltemp, pajjiżna kellu kaptan b’saħħtu u deċiżiv li qed iwassalna għall-kenn tal-port'

Din il-ġimgħa ħabat għeluq is-sentejn anniversarju minn meta Robert Abela ngħata l-fiduċja, b’appoġġ b’saħħtu mit-tesserati tal-Partit Laburista, sabiex jassumi r-responsabbilta’ ta’ mexxej tal-Partit, u fuq kollox biex iservi ta’ Prim Ministru ta’ pajjiżna tul il-kumplament tal-leġiżlatura li kellna quddiemna. Ma kienx żmien faċli għall-Partit u għal pajjiżna, u kienet ċara mill-bidu li min kien ser ikun qed jassumi dan l-irwol, kien ser ikollu biċċa xogħol diffiċli mmens u kellu bżonn ikun kuraġġjuż u determinat. 

Żgur li l-isfida ewlenija għal Robert Abela kienet il-governanza u s-saltna tad-dritt li għal xhur twal kienu fil-qalba tad-diskussjoni nazzjonali u kien jeħtieġ azzjoni koordinata biex issir riforma olistika li qatt ma rajna bħalha f’pajjiżna. Mhux la kemm wieħed jgħid li ser jagħmel riforma, għaliex ma ninsewx li qed nitkellmu fuq tibdil ta’ qafas leġiżlattiv, li l-maġġoranza tiegħu kien ilu magħna minn żmien l-Indipendenza. Bosta liġijiet b’nuqqasijiet li baqgħu qatt ma ġew indirizzati u li kellhom bżonn jiġu aġġornati biex iservu għaż-żminijiet tal-lum. F’sentejn taħt it-tmexxija ta’ Robert Abela saru riformi Kostituzzjonali u istituzzjonali bla preċedent li ġew rikonoxxuti anke mill-Kummissjoni Ewropea u istituzzjonijiet Ewropej oħra li għarfu dan l-impenn b’saħħtu u serju li ħa l-Gvern.  

L-impenn għadu ħaj, ix-xogħol għadu għaddej, u n-nies taf sewwa min verament għandu interess ġenwin li jmexxi ‘l quddiem dan ix-xogħol. Sa din il-ġimgħa stess rajna tħabbir ta’ aktar passi importanti li ħa l-Gvern, ibbażat fuq xogħol li twettaq matul dawn l-aħħar sitt xhur, sabiex jiġu ndirizzati r-rakkomandazzjonijiet mogħtija mill-Bord indipendenti dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. In-nies taf li l-Gvern u l-Prim Ministru Robert Abela għandhom il-kredibilita’ u l-kredenzjali biex ikompli b’dawn ir-riformi kbar, u jafu li l-ebda bżar li qed tipprova titfa’ l-Oppożizzjoni f’għajnejn in-nies m’hu ser itappnilhom din il-verżjoni tar-realta’. 

Minkejja li bosta sfidi kienu ċari minn qabel, bla dubju ħadd ma kellu idea li s-sitwazzjoni ser tkompli tikkumplika ruħha bit-tifqiegħa tal-pandemija li tfaċċat ftit ġimgħat biss wara li Robert Abela nħatar Prim Ministru. Żgur li ħadd ma kien jobsor li mal-isfidi kbar li diġa’ kellna quddiemna konna ser inkomplu naffaċċjaw dawn id-diffikultajiet bla preċedent, sfida li ħadd ma kellu manwal dwar kif għandu jimxi f’pandemija globali li ħarbtitilna ħajjitna u ġabet għarkuptejha l-ekonomija internazzjonali. Inħarsu lura u naraw wara sentejn ta’ deċiżjonijiet importanti li wassluna sabiex fuq livell internazzjonali nkunu wieħed mill-aqwa pajjiżi li kkontrollajna l-pandemija u laqqamna l-poplu b’mod effettiv u rapidu.  

Dan ma ġiex b’kumbinazzjoni – jekk wieħed jikkumpara l-prestazzjoni politika ta’ Robert Abela ma’ dik ta’ mexxejja oħra Ewropej, li bosta minnhom kienu ilhom fit-tmexxija għal xhur u snin twal, wieħed jinnota kemm il-fatt li l-Prim Ministru qatt ma beża’ jieħu d-deċiżjonijiet kien kruċjali sabiex pajjiżna jimxi ‘l quddiem. Hemm differenza kbira fil-mod kif pajjiżna tratta lill-familji u n-negozji tagħna, b’deċiżjoni waħda wara l-oħra li jibqa’ jkun ta’ sostenn għalihom anke b’mod finanzjarju. Sa mill-ewwel ġimgħat tal-pandemija rajna lil Robert Abela ma jibżax jonfoq u jinvesti l-ewwel u qabel xejn sabiex isaħħaħ is-sistema tas-saħħa tagħna, iżda wkoll sabiex ikompli jappoġġja u jsalva lin-negozji u l-familji, permezz ta’ serje ta’ baġits żgħar li kienu kruċjali u li taw tama. Rajna dan sa’ din il-ġimgħa stess, fejn il-Prim Ministru reġa’ kkommetta mar-rappreżentanti tan-negozji li ser jibqa’ jestendi kemm hemm bżonn il-wage supplement għall-ħaddiema tagħna. Dan ħoloq kuntrast kbir mat-tmexxija ta’ gvernijiet Ewropej oħra li wrew inċertezza fid-deċiżjonijiet li ħadu, jew saħansitra, li ma kinux qed jieħdu jew ħadu tard ħafna. 

Fuq kollox, il-Gvern ta’ Robert Abela kompla jieħu deċiżjoni waħda wara l-oħra sabiex fl-isfond ta’ dan kollu, kompla jimbotta ‘l quddiem ir-riforma soċjali f’pajjiżna u kompla jimmodernizzah b’deċiżjoni politika u b’serje ta’ riformi leġiżlattivi storiċi. Aktar minn hekk, rajna b’mod prominenti wkoll it-twettiq ta’ għadd kbir ta’ proġetti li komplew jieħdu l-ħajja taħt it-tmexxija ta’ Robert Abela, mhux lanqas dawk infrastrutturali, li qegħdin ikompli jagħtu wiċċ ġdid lil pajjiżna. Wieħed ma jistax jinsa b’mod partikolari t-tmexxija ġenerali u d-direzzjoni kompluta li l-Gvern ta’ Robert Abela ħa fil-konfront tal-ippjanar għall-irkupru sħiħ mill-pandemija permezz ta’ sostenibilita’ u reżiljenza, anke permezz tal-Pjan ta’ rkupru u reżiljenza b’saħħtu li ġie approvat mill-Kummissjoni Ewropea u issa bdejna nieħfu l-frott tiegħu. 

Ma kinux sentejn faċli għal pajjiżna, u ċertament għall-Prim Ministru Robert Abela li kellu jaffaċċja dan kollu fl-ewwel sentejn tal-ħatra tiegħu. Għalkemm ħadd ma jista’ jilħaq il-perfezzjoni politika, żgur li ħadd ma jista’ jinnega li f’dan iż-żmien ta’ maltemp, pajjiżna kellu kaptan b’saħħtu u deċiżiv li qed iwassalna għall-kenn tal-port. Ċertament, baqa’ ħafna xogħol xi jsir fuq kull livell u f’kull settur, pero’ jekk is-sentejn li għandna warajna huma mera għall-ġejjieni, kif nemmen li huma, allura b’komfort ngħid li għandna quddiemna futur isbaħ għal pajjiżna fis-snin li ġejjin. 

More in Politika