Alex Agius Saliba | Aktar ħidma fil-Grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi

Minn dejjem kont konvint mill-ideali Soċjalisti tiegħi u tal-Partit Laburista, ideali li jorbtuna flimkien mal-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demoratiċi fuq livell Ewropew u li jagħtuna familja fejn nistgħu inkomplu nikkollaboraw u nikbru

Sentejn u nofs ilu ressaqt ismi quddiem il-poplu Malti u Għawdxi bħala kandidat biex inkun nista’ nservih bħala Membru Parlamentari Ewropew u ngħatajt appoġġ b’saħħtu. Dan l-appoġġ li ngħatajt dejjem wiegħedt li ser inroddu lura f’ħidma attiva u b’saħħitha, u dejjem hekk fittixt li nagħmel sa mill-ewwel ġurnata li rfist fil-Parlament Ewropew. Iktar ma beda jgħaddi ż-żmien iktar bdejt ningħata responsabbiltajiet u karigi importanti, mexxejt negozjati fuq leġiżlazzjonijiet ta’ portata għolja u għalkemm mhux l-aktar ħaġa importanti fil-politika, ġejt rikonoxxut ukoll ta’ dan ix-xogħol.

Għaddejna minn sentejn li kienu diffiċli u mingħajr preċedent minħabba l-pandemija. Il-kriżi li ġabet magħha kkawżat xokkijiet kbar fuq l-ekonomija globali, mhux l-anqas dik Ewropea, u l-ħajja kif nafuha daħlet f’fażi ġdida ta’ bidla profonda. Filwaqt li għadna ‘l bogħod milli neħilsu mill-COVID-19, is-sitwazzjoni qiegħda aktar taħt kontroll u issa qegħdin fil-fażi ta’ rkupru, fi żmien li nippjanaw it-triq ’il quddiem u niżguraw li noħorġu aktar b’saħħitna.

Jien kburi li nifforma parti minn din il-ħidma kbira li għaddejja fuq livell Ewropew u naf li għandi ħafna aktar x’nagħti biex ikompli jsir il-progress u l-bidla li neħtieġu bħala Unjoni Ewropea. Għaldaqstant fuq livell personali qiegħed dejjem inkompli nara li nżid l-involviment politiku tiegħi fil-Parlament Ewropew.

Infatti din il-ġimgħa kienet waħda importanti ħafna għalija fuq livell personali hekk kif ġejt elett b’appoġġ kbir ta’ 85% mill-Membri Parlamentari kollegi tiegħi, bħala Viċi-President tal-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi. Huwa ta’ unur kbir għalija li wara sentejn u nofs biss ta’ ħidma fil-Parlament Ewropew qed inkun fdat b’daqshekk responsabbita’ anke fil-familja politika tiegħi, appoġġ li qed ikompli jimlini b’ħeġġa kbira biex inkompli l-ħidma favur iċ-ċittadini Ewropej. Dan ma ġiex b’kumbinazzjoni għaliex fix-xogħol li wettaqt rajt li dejjem naħdem mill-qrib mal-kollegi tiegħi u bnejt relazzjonijiet b’saħħithom.

Minn dejjem kont konvint mill-ideali Soċjalisti tiegħi u tal-Partit Laburista, ideali li jorbtuna flimkien mal-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demoratiċi fuq livell Ewropew u li jagħtuna familja fejn nistgħu inkomplu nikkollaboraw u nikbru. L-aġenda progressiva tagħna tgħaqqadna fis-solidarjetà, l-isforzi kollettivi, u r-responsabbiltà konġunta biex nibnu t-triq ‘il quddiem għall-futur aħjar tal-Ewropa. Inħares lura lejn it-triq li mxejna s’issa u l-progress li ksibna filwaqt li ħriġna mid-dellijiet tal-pandemija u l-impatt soċjali u ekonomiku tagħha, filwaqt li naffaċċjaw l-emerġenza klimatika, it-tranżizzjoni diġitali, u r-realtajiet tal-Brexit, u nkompli nsaħħaħ fehmti dwar l-irwol li għandi f’din il-familja politika u l-għanijiet ġenerali tagħha.

Ir-rebħiet soċjali-demokratiċi madwar l-Ewropa wrew li l-konsistenza u l-kisba tal-valuri u l-prijoritajiet politiċi tagħna qegħdin iħallu l-frott. Jeżisti sens akbar ta’ ġustizzja soċjali fost in-nies u fuq kollox, fost il-votanti li jeleġġuna fid-diversi elezzjonijiet madwar l-Ewropa. It-twassil ta’ paga u kundizzjonijiet aħjar għall-ħaddiema, protezzjoni aħjar tal-konsumaturi tagħna, kwalità ta’ ħajja aħjar għaċ-ċittadini tagħna, opportunitajiet indaqs u protezzjoni soċjali għal kulħadd, tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi ġusti li ma jħallu lil ħadd jibqa’ lura, l-implimentazzjoni tal-Pilastru Soċjali Ewropew u l-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza jiddependu fuq l-unità tagħna, fuq il-kisbiet tagħna, fuq is-setgħa dejjiema tagħna li nippromwovu politiki progressivi ġodda, l-effettività u l-konsistenza tal-prijoritajiet tagħna, u l-aderenza mal-valuri tagħna. Dan huwa xhieda ta’ kemm min jgħid li d-demokrazija soċjali hija mejta, għandu żball kbir. Għall-kuntrarju, l-Ewropa soċjali qed tkompli tikber u dan huwa ferm inkoraġġanti.

Għaldaqstant, issa nħares ‘il quddiem biex bħala Viċi-President tal-Grupp, flimkien mal-President tagħna Iratxe García Pérez, inkomplu nsaħħu l-irwol politiku tagħna fil-Parlament Ewropew u madwar l-Ewropa, u fuq kollox niżguraw li saħansitra jkollna prestazzjoni politika aħjar matul is-sentejn u nofs li ġejjin. Dan huwa importanti għalina bħala Grupp kemm biex inkomplu naħdmu sabiex naraw l-Unjoni Ewropea tissaħħaħ fit-triq lejn irkupru rapidu, u kif ukoll hekk kif ser inkunu qegħdin nimxu lejn l-Elezzjonijiet Ewropej tal-2024, fejn ser immorru quddiem il-poplu Ewropew għall-fiduċja.

More in Politika