Alex Agius Saliba | Inħobbu lil pajjiżna dejjem u kullimkien

Jien ma nista’ nasal qatt nagħmel ħsara lil Malti/ja bħali barra minn xtutna sempliċiment għaliex għandna differenzi politiċi 

Matul din il-ġimgħa ltqajt ma’ ħafna nies u rċivejt bosta messaġġi u telefonati mingħand Maltin u Għawdxin li ħassew il-bżonn li jesprimu miegħi kif jaħsbuha dwar opinjoni u deċiżjoni personali importanti li għamilt pubblika fl-aħħar jiem. Qiegħed nirreferi għall-fatt li jien iddikjarajt li kemm il-darba l-Ewroparlamentari tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola tintagħżel mill-Grupp tal-Popolari Ewropej biex tkun il-kandidat tiegħu għall-Presidenza tal-Parlament Ewropew, jiena mhux ser inkun ta’ xkiel għal dik il-kandidatura.  

Kienu bosta li qaluli li ninsa malajr, li qed nagħmel żball kbir u li ser jiddispjaċini minn din id-deċiżjoni, u ma nagħtix tort lin-nies li l-ewwel reazzjoni tagħhom kienet din. Jien nifhem is-sentiment tan-nies għaliex naf minn fejn ġejjin – jiena bħal kulħadd, u forsi aktar, naf kemm ħadmu u għadhom jaħdmu ta’ kuljum kontra pajjiżna fil-Parlament Ewropew Metsola u sħabha. Kulħadd jaf li jien wieħed mill-akbar kritiċi tal-ħidma maħmuġa tagħhom għaliex jien naraha kuljum tiġri quddiem għajnejja u naf sewwa xi ħsara provaw jagħmlu lil pajjiżna. Pero’ aktar minn hekk, kulħadd jaf li jien kont u għadni mill-aktar voċiferi biex nirribatti l-ħidma qarrieqa tagħhom. 

Naturalment qatt m’hu ser ninsa l-ħsara li għamlu u ser nibqa’ nara li nżid il-ħidma tiegħi biex nirribatti l-qerq tagħhom, pero’ dak huwa argument differenti minn dak li għandna quddiemna llum. Jien ma nista’ nasal qatt nagħmel ħsara lil Malti/ja bħali barra minn xtutna sempliċiment għaliex għandna differenzi politiċi. Għandi eposidji ċari stampati f’moħħi ta’ x’kien għamel il-Partit Nazzjonalista fil-konfront ta’ kandidati li kien innomina Gvern Laburista, Toni Abela u Leo Brincat, fejn kienet saret ħidma kbira kkordinata biex jippruvaw ikissruhom u jumiljawhom, ħaġa li għadha tirrabjani sal-lum. Dakinhar pajjiżna deher ikrah, mhux l-individwi biss, u l-ħsara saret fuq kull Malti u Għawdxi. Dakinhar ħlift li jekk xi darba nkun f’pożizzjoni fejn nista’ ninfluenza jew li jkolli rwol barra mill-pajjiż qatt ma nagħmel dik il-pastażata li għamlu huma. 

Jiena kburi li ġej mill-Partit Laburista, il-partit li dejjem fittex li jagħmel ġieħ lill-pajjiżna barra minn xtutna u qatt ma ra kif ifixkel Maltin. Kellna ċans nagħmlu dan qabel fin-nomina ta’ Tonio Borg wara l-każ tal-allegat korruzzjoni ta’ John Dalli. Dakinhar il-Partit Laburista seta’ għażel li jfixkel u jagħmilha diffiċli, seta’ għamel ħafna pressjoni biex jipprova jumilja l-persuna, imma le. Dik mhux il-politika li nemmnu fiha, mhux il-politika li rridu nagħmlu u żgur li mhux il-politika li jridu n-nies. Dik il-politika u l-arroganza li ġġib magħha hija r-raġuni maġġuri għalfejn il-Partit Nazzjonalista llum qiegħed fix-xifer ta’ falliment u kollass, għaliex in-nies ramewh darba wara l-oħra biex juruh li dik il-politika hija skaduta. 

Fl-aħħar mill-aħħar, il-kliem biss mhux biżżejjed, għaliex inutli noqogħdu ngħidu li nħobbu lil pajjiżna u li Malta tiġi l-ewwel u qabel kollox, jekk f’dak li nagħmlu ma nirriflettuhx. Jiena nemmen fl-imħabba lejn pajjiżi u lejn Maltin u Għawdxin bħali, huma min huma, u ġejjin minn fejn ġejjin. Aħna nazzjon żgħir wisq biex nintilfu nattakkaw u nkissru lil xulxin u għaldaqstant, ċert li għandna nuru maturita’ sħiħa fil-politika li nħaddnu meta niġu għall-fatti. Dan huwa wieħed minn dawk il-mumenti tal-prova, u għaldaqstant ninsab ċert mid-deċiżjoni li ħadt.  

More in Politika