Baġit 2022 | 'Biex tlaħħaq mal-ħajja, il-PL qed jgħidlek mur sib xogħol ieħor' -Bernard Grech

Grech jgħid li meta tkellem fil-passat dwar ċertu miżuri li ġew imħabbra illum, il-PN sab ruħu attakkat

Ir-reazzjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, għall-Baġit tal-2022 kienet pjuttost bilanċjata hekk kif bħal ma' maqdar numru ta' miżuri, fl-aħħar ukoll faħħar ftit miżuri fosthom tal-afforestazzjoni tal-Park tal-Inwadar.

F'konferenza tal-aħbarijiet, li seħħet propju wara li spiċċa d-diskors tal-Ministru Clyde Caruana, Bernard Grech sostna li kien diżappuntat li ra l-Gvern iwiegħed ħafna qabel illejla u jagħti ftit filwaqt li jkompli jdejjen lill-Malta.

 

Id-dejn li għandu pajjiżna mhux tort il-pandemija, iżda frott il-korruzjoni, in-nuqqas ta' direzzjoni, il-ħela u affarijiet oħrajn. Bernard Grech

 

Tkellem dwar kif hu ħass li dan il-Baġit nesa numru ta' ħaddiema bħat-tobba, l-edukaturi, il-pulizija u l-bdiewa flimkien mar-raħħala u s-sajjieda. Għaldaqstant, hu imbagħad kkritika ż-żieda "miżera" tal-għoli tal-ħajja.  Dan qalu filwaqt li sostna li "biex tlaħħaq mal-ħajja, il-Labour qed jgħidlek mur sib xogħol ieħor." Huwa semma li mhux xieraq li wieħed għandu jaħdem aktar biex forsi jlaħħaq mal-ħajja.

Minkejja dan, u bħal ma diġà semmejna, il-Kap tal-Oppożizzjoni faħħar miżuri li hu ddeskriva bħala "miżuri li l-PN ilu jinsisti fuqhom" filwaqt li qal illi meta tkellem fil-passat dwar ċertu miżuri li ġew imħabbra illum, il-PN sab ruħu attakkat. Bħala eżempju, Grech semma l-mediċina li se tingħata b'xejn lil persuni li jeħtieġu l-IVF. Din il-miżura tkellem fuqha fil-laqgħat li saru f'diversi lokalitajiet qabel l-Indipendenza.

Mistoqsi minn ġurnalist ta' MaltaToday jekk Gvern Nazzjonalista kienx jissellef flus sabiex ikopri għall-infieq kważa tal-pandemija, Grech wieġeb li "bħala Gvern għaqli, Gvern Nazzjoanlista kien jissellef imma kien jaħseb kif kontinwament jista' joħloq ġid ġdid." Temm jgħid li s-self li se jkollu jagħmel il-Gvern f'dawn l-erba' snin li ġejjin huma riżultat ta' "Gvern b'nuqqas ta' viżjoni li ma ħoloq l-ebda industrija ġodda ħlief li biegħ il-passaport Malti." 

More in Politika