Ivan Bartolo | Xewqa ta’ Kordin b’dinjità!

Irridu wkoll naħdmu fuq dawk il-kundizzjonijiet li jwassal lil xi wħud għall-kriminalità, għax inkella se nibqgħu infallu ma’ dawn ħutna u l-istorja se tibqa tipproduċi aktar kriminali. Bniedem abbandunat, soċjalment eskluż, li ma jkollu xejn u l-ebda spazju fis-soċjetà, faċli jiżviluppa frustrazzjoni, rabja u sentimenti anti-soċjali li jwassluh biex ikun ta’ ħsara għalih innifsu u għal dawk ta’ madwaru

Dan l-aħħar id-diskussjoni dwar il-Faċilità Korrettiva ta' Kordin kompliet għaddejja b'diversi reazzjonijiet u stejjer. Diversi stejjer huma xokkanti u jkun żball kbir jekk is-soċjetà tinjorahom, għas-sempliċi raġuni li qed nitkellmu fuq bnedmin bħalna li qegħdin jiskontaw pieni.   Pereżempju qatt mhu aċċettabbli li persuna tidħol il-ħabs biex tirriforma ruħha u minflok toħroġ minn hemm kadavru. 

Id-dixxiplina trid tkun, imma jekk nixtiequ ngħinu lil dawn il-persuni jirriformaw ruħhom, irridu ndawru l-Faċilità ta’ Kordin f’waħda kostruttiva li tħares il-ġid sħiħ ta’ kull individwu u tas-soċjetà li ngħixu fiha. Għalhekk il-Faċilità trid tinbidel f'ċentru ta' akkumpanjament u tagħlim li jwassal lil dawn il-persuni biex apparti li jpattu għal ħsara li wettqu, ikunu jistgħu jitgħallmu mill-iżbalji tagħhom u jiżviluppaw il-ħiliet meħtieġa biex meta joħorġu mill-Faċilità jkomplu b’ħajjithom b’mod indipendenti u jkunu ta’ kontribut siewi għas-soċjetà in ġenerali. 

L-istorja u ċ-ċirkukstanzi li jgħaddu minnhom il-persuni li jinsabu fil-Faċilità ta’ Kordin hija ħafna drabi delikata u kumplessa ħafna. Kull każ huwa partikolari. F’dan il-kwadru, għalhekk ma nistgħux nużaw l-istess miżuri għal kulħadd, daqlikieku lkoll huma l-istess. Biex il-miżuri jkunu effiċjenti u ta’ benefiċċju għal min jinsab fil-Faċlità ta’ Kordin, kif ukoll għas-soċjetà tagħna, irridu nitilqu mis-sitwazzjoni partikolari tal-persuna u mhux mill-miżura. Hija l-miżura li trid twieġeb u taddatta ruħha għall-ħtiġijiet tal-persuna u mhux bil-kontra. Għalhekk, l-ewwel jeħtieġ nifhmu ċ-ċirkustanzi li wasslu biex persuna tikser il-liġi, biex il-miżuri, li jiġu mfassla, jkunu tassew tweġiba benefika u jilħqu l-iskop tagħhom. Nifhmu ċ-ċirkustanzi ma jfissirx li niġġustifikaw il-ħażin u l-ħsara li jkunu saru.

Irridu wkoll naħdmu fuq dawk il-kundizzjonijiet li jwassal lil xi wħud għall-kriminalità, għax inkella se nibqgħu infallu ma’ dawn ħutna u l-istorja se tibqa tipproduċi aktar kriminali. Bniedem abbandunat, soċjalment eskluż, li ma jkollu xejn u l-ebda spazju fis-soċjetà, faċli jiżviluppa frustrazzjoni, rabja u sentimenti anti-soċjali li jwassluh biex ikun ta’ ħsara għalih innifsu u għal dawk ta’ madwaru. 

Mill-banda l-oħra, il-ħabs m’għandux ikun “a holiday resort” imma lanqas m’għandu jkun post ta’ vendikazzjoni u umiljazzjoni.  Jidher li s-sistema fil-Faċilità llum, hija bbażata fuq il-biżà u mhux fuq il-kunċett ta' riabilitazzjoni. Dan iseħħ taħt l-iskuża tad-dixxipplina. Donnu hemm il-ħsieb li biex teduka trid tbeżża. Pereżempju, x’qed jieħu minnha, priġunier għarwien f’ċella bħala kastig? L-istatistika qed turi rekord ta' mwiet u li dan huwa frott sistema li tumiljak u tneżżgħek mid-dinjità ta' bniedem. 

Dawn l-istess u ħafna aktar qed joħolqu ansjetà u suspetti li qed jitfgħu l-istituzzjoni tal-ħabs f'dellikrah. Donnu l-famuża rħama kontroverżjali tneħħiet mill-ħabs, imma l-ħsieb li kien hemm fuqha, għadu hemm. Wieħed irid jifhem li fil-ħabs għandek taħlita ta' problemi, uħud minnhom kumplessi, li jirrikjedu interventi varji u f'waqthom jekk verament irridu naraw “Kordin” isir post li  jirriforma l-bnedmin fil-veru sens tal-kelma. Imma sfortunatament għal kuntrarju u biex inkomplu nidhru awtorevoli, priġunier ġdid u li jkun għadu dieħel, jintefa f’diviżjoni numru 6. Ir-riċerka turi li l-ewwel żmien fil-ħabs huwa żmien iebes, li jista’ jwassal għad-disperazzjoni u l-periklu li jagħmlu suwiċidju.

B’dak kollu li qed nisimgħu, (u nażżarda ngħid b’ responsabilita’ li min jaf xi stejjer għad hemm u li għadhom misturin), bla dubju jġiegħluna nistaqsu elf domanda. Għax filwaqt li tixgħel bozza ħamra, għal xi wħud donnu kollox miexi kif suppost. ħaliex l-Avukat Ġenerali ma tridx tippubblika l-inkjesti fuq dawn l-imwiet li seħħew dan l-aħħar?   

Is-suġġett waqt sessjoni ta’ Kumitat tas-Social Affair Committee f’ Mejju li għadda, kienet dwar is-sistema fil-ħabs illum, li fiha nfisha ma tagħtiex futur.Persuna mill-membri fil-kumitat meta semgħet dak kollu, ippruvat traqqa’ l-pannu bil-qargħa aħmar billi tgħid li fil-ħabs illum ma jsibux droga. Kont pront għedtilha li fil-ħabs ma jiħdux droga, għax ma jsibuhiex u mhux għax għelbu l-vizzju. 

L-NGO’s li huma attivi f'dan il-qasam ma jistgħux jibqgħu siekta quddiem dan kollu. Għal kuntrarju jridu jkunu huma li jixprunaw l-pajjiż biex isiru t-tibdiliet meħtieġa biex Kordin isir il-post li jagħti tama, jagħti dinjita’ u viżjoni għal futur b’raġġ dawl.  

Attenzjoni partikolari għandha tingħata fejn jidħlu t-tfal minħabba l-assenza fit-tul ta' ġenitur, għax qed jiskonta sentenza l-ħabs. L-impatt fuqhom jaf ikun negattiv. Tfal f'din is-sitwazzjoni jirrikjedu appoġġ mill-istituzzjonijiet governattivi u mill-NGOs infushom biex ma jsofrux minn xi trawma u biex il-ħsara psikoloġika li jista’ jsoffru tkun minima jew saħansitra evitata għal kollox. Jidher ċar li l-ħabs sar għal kollox inadegwat għal ħtiġijiet tal-lum. Minbarra l-iffullar, il-faċilitajiet bażiċi ma jweġbux għall-bżonnijiet u jistgħu jkunu ta’ periklu għas-saħħa. Il-mod kif inhuma strutturati xi ċelel lanqas biss iħarsu l-iġene bażika.

70% tal-ħabsin ġejjin mit-toroq. Meta ngħidu mit-triq jiġifieri li dawn  kienu qed jgħixu barra, taħt xi ponr jew ġo xi binja. Għalhekk nisħqu li l-Faċilità għandha tkun il-post li tagħti dinjità u tama għal futur aħjar lil kull bniedem. Id-dinjità tingħata wkoll b’affarijiet sempliċi bħal xi inċentivi li jinkoraġixxu lill-ħabsin iżommu ċ-ċella nadifa u b’korsijiet interessanti fosthom bħal kif wieħed jgħix ħajja sana u jieħdu ħsieb il-ġid ħolistiku tiegħu u tal-oħrajn. Akkumpanjament bħal dan huwa utli l-aktar għal meta l-persuna toħroġ lura fis-soċjeta biex tibda paġna ġdida fil-ħajja tagħha. 

B’xi mod trid tinstab soluzzjoni biex minn joħroġ mill-ħabs ma jispiċċax fit-triq, b’ta’ fuqu senduqu. Dwar dan tkellimt kemm-il darba fil-Parlament, imma sa issa waqa’ fuq widnejn torox. Min m’għandux indirizz ma jistax ikollu karta tal-identità. Mingħajr il-karta tal-identità ma jistax japplika għall-ebda għajnuna soċjali u lanqas jista’ jiftaħ kont il-bank. Idealment jekk wieħed hu bla saqaf fuq rasu l-assistenza soċjali jirċeviha fil-kont bankarju u mhux f’ċekk, biex wieħed jevita li jiġi misruq jew li jberbaqhom mill-ewwel. Jista’ jsir ftehim ma’ xi bank partikolari biex jiffaċilita u jassisti li dawn il-persuni jiftħu kont il-bank, anke jekk hemm bżonn b’użu restrittiv, biex tal-inqas wieħed jirċievi l-għajnuna soċjali jew meta jsib xogħol jkollu fejn jirċievi l-paga.

Lura għal dak li qed jiġri fil-ħabs neħtieġu persuni professjonali  li mhumiex involuti fil-Ħabs u jitħallew jagħmlu awditjar tal-Ħabs b’mod liberu, biex fl-aħħar mill-aħħar issir dik ir-riforma li Maltin ta’ rieda tajba jixtiequ li xi darba jaraw. Xi darba ........  

More in Politika