Alex Agius Saliba | Min iħobb lil pajjiżu jaħdem biex ikattar il-ġid

'X’kuntrast mal-Partit Nazzjonalista li spalla ma’ spalla ma’ għaqdiet taparsi tas-soċjeta’ ċivili, jagħmlu minn kollox biex iħammġu u jżebilħu lill-pajjiżhom'

L-isfidi li ġabet magħha l-pandemija matul dawn l-aħħar sena u nofs huma bla preċedent. Huma sfidi li raw l-ekonomija globali tieħu daqqa ta’ ħarta u li ħallew impatt qawwi fuq in-negozji u l-familji. F’pajjiżna kellna x-xorti li bl-għaqal tal-Gvern Laburista bnejna ekonomija b’saħħitha li kienet aktar preparata għal dawn ix-xokkijiet, u permezz t’hekk, il-Gvern seta’ jinġetta flus fl-ekonomija tagħna permezz ta’ għajnuniet diretti lin-negozji u l-familji. Naturalment, qatt m’hu biżżejjed u għad baqalna x’nagħmlu sabiex nerġgħu nġibu l-ekonomija fil-livelli li drajniha fl-aħħar tmien snin. Pero’ minkejja dawn l-isfidi, l-ekonomija Maltija baqgħet fit-triq it-tajba, bi strateġija effettiva li taffiet l-impatt negattiv u t-tbagħtija stajna nibqgħu għaddejjin u erġajna qbadna t-triq biex nirkupraw b’mod aktar sħiħ. 

Bi sforzi kbar li għamel is-sena l-oħra l-Gvern Malti bħala parti min-negozjati għall-baġit tal-Unjoni Ewropea, pajjiżna rnexxielu jassigura wkoll Eur 320 miljun f’għotjiet li ser jintużaw sabiex terġa’ tiġi ġġenerata l-ekonomija tagħna u biex noħorġu mill-effetti tal-pandemija. Sabiex jingħataw dawn l-għotjiet, kull Stat Membru kellu jipprepara pjan ta’ rkupru li jagħti stampa ċara tal-mod li bih il-Gvern ikun bi ħsiebu jonfoq dawn il-flus biex tintlaħaq il-mira li tiġi mgħejjuna l-ekonomija, liema pjan irid ikun approvat mill-Kummissjoni Ewropea qabel ma jibdew jintużaw dawn il-flus.  

Wara diskussjonijiet intensivi, il-Gvern Malti ppreżenta dan il-pjan lill-Kummissjoni f’Lulju li għadda u din il-ġimgħa, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen żaret Malta sabiex formalment twassal l-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea għal dan il-pjan. Dan huwa vot ta’ fiduċja importanti fil-pjan strateġiku li ħejja l-Gvern għal pajjiżna sabiex inkomplu nimxu ‘l quddiem u nkabbru l-ekonomija. 

Permezz ta’ dan il-pjan pajjiżna ser ikun qiegħed jixpruna t-tkabbir ekonomiku ffukat fuq it-titjib tal-kwalità tal-ħajja, it-tisħiħ tal-infrastruttura, titjib fis-sistema edukattiva tagħna, ikompli jittrasforma s-sistema ta’ governanza u l-istituzzjonijiet tagħna b’tali mod li jirriflettu b’mod adegwat il-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet tas-soċjetà tagħna, u fuq kollox ser jagħmel lis-soċjetà tagħna newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju sal-2050. Marbut ma’ dan l-aħħar punt infatti laqatni ħafna l-fatt, li anke aċċennat għalih il-President von der Leyen fid-diskors tagħha, li l-pjan preżentat mill-Gvern Malti jeċċella f’dan ir-rigward minħabba li 54% minnu huwa mmirat propju fuq dawn il-miri ekoloġiċi u l-miri għat-tranżizzjoni diġitali li bħala Unjoni Ewropea qed naspiraw li nilħqu. Dan juri sens kbir ta’ impenn u li l-Gvern qiegħed tassew jieħu din il-politika b’serjeta’. 

L-impenn kbir li qed imexxi lill-Gvern biex ikompli jwettaq ir-riformi tant meħtieġa f’pajjiżna huwa nnutat u mfaħħar. Matul din il-ġimgħa wkoll, fid-diskors annwali tagħha fil-Parlament Ewropew il-President von der Leyen saħansitra semmiet lil pajjiżna u faħħritna għar-riformi kbar u bla preċedent li rnexxielna nagħmlu sabiex insaħħu s-saltna tad-dritt. Din mhijiex biċċa xogħol ta’ darba li tagħmilha u tieqaf hemm; it-tisħiħ tal-qafas leġiżlattiv li sar matul dawn l-aħħar għoxrin xahar taħt il-Prim Ministru Robert Abela qed isiru f’kuntest ta’ pjan olistiku li qiegħed jiġi implementat u li ser jassigura għada aħjar. Dan huwa x-xogħol ta’ min iħobb lil pajjiżu, min irid jara li niksbu l-aħjar valur għall-ekonomiji u għaċ-ċittadini tagħna.  

X’kuntrast mal-Partit Nazzjonalista li spalla ma’ spalla ma’ għaqdiet taparsi tas-soċjeta’ ċivili, jagħmlu minn kollox biex iħammġu u jżebilħu lill-pajjiżhom. Ħasra li f’pajjiż daqshekk żgħir bil-limitazzjonijiet li għandna, minflok niġbdu ħabel wieħed qed nibqgħu naraw lill-partit li ma jistax iniżżilha li qiegħed fl-oppożizzjoni jipprova jtellef. Mid-dehra s’hemm biss iwassal moħħhom u ma jridux jitgħallmu. L-elitiżmu miskin li għadu jirrenja fil-qalba tal-Partit Nazzjonalista huwa tal-mistħija, elitiżmu li saħansitra għadna narawh f’kitba malafamanti u arroganti bħal dik ta’ Kevin Cassar, ħaten Beppe Fenech Adami li moħħu biss biex ikompli jħaffer il-ħofra tal-qabar tal-Partit Nazzjonalista bil-kitba odjuża tiegħu, bit-tgħajjir u l-gideb lejn kull min bħali, jesprimi ruħu li ma jaqbilx miegħu. Din il-ġimgħa pero’ ddeċidejt li nieħu passi legali u ftaħt libell fil-konfront tiegħu għaliex din il-kultura ma tistax tibqa’ tirrenja. Qatt ma bżajt nesprimi ruħi u mhux ser nibda nibża issa minħabba elitist b’missjoni li jkisser u jħammeġ. 

More in Politika