Carmel Cacopardo | Ir-Repubblika hi marida

F’dan il-każ, permezz ta’ Silvio Valletta d-dinja kriminali setgħet tinfluwenza lill-korp bir-remote control. Diffiċli biex nifhmu kif inhu possibli li jkollna kollass iktar gravi minn hekk 

Aħna u nsegwu l-ġbir tal-provi fil-Qrati dwar id-diversi każi li għadhom għaddejjin in konnessjoni mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia nistħajjilni qed nara dokumentarju dwar il-falliment tal-istituzzjonijiet f’Malta. Dokumentarju dwar il-falliment tal-istat Malti, dwar ir-Repubblika li għamlet lilha innifisha impotenti fil-konfront tal-kriminalità.  

L-assassinju ta’ Daphne hu ukoll falliment tal-korp tal-Pulizija li ma rnexxilux isib tarf tal-kriminalità organizzata.  

Kif jista’ l-korp tal-Pulizija jagħmel dmiru meta jkollu uffiċjali bħal Silvio Valletta li jkun fil-but tal-kriminali? Silvio Valletta għadu jiġri mas-saqajn: s’issa għad ma ħadux passi kontrieh minkejja l-ħsara enormi li għamel lill-kredibilità tal-korp tal-Pulizija u lill-pajjiż. 

Illum nafu kemm Silvio Valletta tħaxken ma' Yorgen Fenech. Valletta ma kienx xi kuntistabbli  f’xi għassa tal-pulizija mwarrba. Prattikament kien imexxi l-Korp tal-Pulizija bħala Deputat Kummissarju. Kien jirrapreżenta lill-Korp tal-Pulizja fuq il-Bord ta’ Tmexxija tal-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU). 

Kif jista’ l-korp tal-Pulizija jagħmel dmiru meta jkollu uffiċjali bħal Silvio Valletta li jkun fil-but tal-kriminali? Silvio Valletta għadu jiġri mas-saqajn: s’issa għad ma ħadux passi kontrieh minkejja l-ħsara enormi li għamel lill-kredibilità tal-korp tal-Pulizija

Il-fatt li wieħed mill-fizzjali tal-pulizija l-iktar anzjani jaġixxi b’dan il-mod jagħti indikazzjoni ċara ta’ kif kienu jaħsbuha sħabu fit-tmexxija tal-korp fil- Furjana. Rapport tal-Ombudsman irrappurtat iktar kmieni dan ix-xahar dwar investigazzjoni mitluba fuq ilment ta’ Supretendent tal-Pulizija fisser kif kienet tinħatar it-tmexxija tal-korp: il-lealtà lejn il-kummissarju qabel il-lealtà lejn is-servizz, kienet kwalifika essenzjali.  Meta l-għażla tal-fizzjali tal-korp kienet issir b’dan il-mod xejn m’għandna nissorprendu ruħna li l-korp ilu ftit kompromess. 

Iz-ziju Silvio kien investiment li jirrendi għal Yorgen Fenech. Għal żmien twil Silvio Valletta kien il-muftieħ li iffaċilita l-aċċess  ta’ Yorgen Fenech għal kull xorta ta’ informazzjoni li kien jeħtieġ.  Dan hu eżempju ċar ta’ x’nifhmu meta ngħidu li d-dinja kriminali qegħda bosta passi qabel il-korp tal-pulizija.   F’dan il-każ, permezz ta’ Silvio Valletta d-dinja kriminali setgħet tinfluwenza lill-korp bir-remote control. 

Diffiċli biex nifhmu kif inhu possibli li jkollna kollass iktar gravi tal-istituzzjonijiet minn hekk. 

Dan kollu ma ġarax mil-lum għal għada. Imma hu ċentrali biex nifhmu kif żviluppat l-għanqbuta tal-maniġġi tul is-snin liema maniġġi wasslu għall-assassinju ta’  Daphne Caruana Galizia u lil hinn.  

Meta saret emfasi dwar il-kunflitt ta’ interess ta’ Silvio Valletta minħabba li dakinhar, martu, kienet membru tal-Kabinett, ir-reżistenza biex iwarrab kienet enormi. Kellha tkun kawża fil-Qrati, li ħadet iż-żmien, li wasslet biex jitwarrab mill-investigazzjoni.  

Issa ġie ippubblikat ir-rapport finali tal-inkjesta pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne. Ir-rapport ma jgħidilniex min qatilha, jew min ordna l-qtil tagħha: dak qatt ma kien l-iskop tar-rapport. Ir-rapport imma jeżamina l-klima ta’ impunità li nħolqot u li wasslet għall-assassinju tagħha.  Ir-rapport juri kif in-negozju u l-politika saru ħaġa waħda, tant li xi kultant mhux iktar faċli biex tgħid min hu min. 

Il-konklużjoni ewlenija tar-rapport hija li Malta inħakmet minn mentalità mafjuża. L-istat Malti ntrikeb minn mentalità kulturali li tippermetti mentalità u attitudni mafjuża li jrabbu l-għeruq. 

Ftit hemm proposti fir-rapport tal-inkjesta li huma ġodda għad-dibattitu politiku lokali. Bosta mill-proposti ilhom fl-aġenda pubblika numru ta’ snin. Uħud ġew imbiċċra, mdgħajfa inkella gvernijiet differenti għamlu snin sħaħ iparlaw dwarhom u jagħmlu ftit li xejn.   Il-ħarsien ta’ min ikun lest li jikxef il-ħmieġ (whistleblowing) għadu soġġett għall-ispag politiku kif rajna b’għajnejna għal numru ta’ snin. Ir-regolamentazzjoni tal-lobbying hi soġġetta għal ħafna paroli, imma s’issa ma sar xejn. Ir-regolamentazzjoni tal-imġieba etika saret farsa, minkejja l-isforzi ta’ George Hyzler, il-Kummissarju dwar l-iStandards fil-Ħajja Pubblika. 

Huwa essenzjali li l-kuntatti kollha bejn kull negozju u l-friegħi kollha tal-istat ikunu ċari u trasparenti. Kollox, mingħajr eċċezzjoni. Ilu jsir paroli dwar dan imma ftit wisq sar dwaru. 

L-istat Malti ġie mdgħajjef minn dawk li fittxew li jsiru sinjuri malajr, a kwalunkwe prezz. Jiddependi minna jekk inwaqqfuhomx l-iktar kmieni possibli. Ir-Repubblika marida. 

More in Politika