Carmel Cacopardo | Turiżmu: bejn Covid u tibdil fil-klima

Apparti ħlas sura ta’ nies huwa essenzjali li jispiċċaw dan it-tip ta’ kuntratti li bihom ma jkollokx idea kemm ser taħdem. BħaIa partit dan ilna ngħiduh imma il-Labour fil-Gvern ma jidhirx li dan jinteressah! 

Permezz tal-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u Restoranti (MHRA), l-industrija tat-turiżmu reġgħet bdiet teqred. L-industrija għandha nuqqas ta’ nies għax numru ta’ impjegati fl-industrija sabu mpieg ieħor, issa li qed jerġgħu jiftħu wara li għadda l-agħar tal-pandemija. Qed jirreferu għal dawk fost l-ex-impjegati tagħhom li kienu tterminawlhom l-impieg hekk kif l-impatti tal-pandemija bdew jagħfsu.  

Wara li ttrattaw lill-uħud mill-impjegati tagħhom ħażin issa qed jippretendu eżenzjonijiet mit-taxxa biex bihom iħajru lil min jiġi lura ħa jimlew il-postijiet vojta li hemm.  Tnaqqis ta’ taxxa?  Daqsxejn diffiċli biex tikkwalifika jekk tkun imħallas bil-karawett, b’kuntratt li bih l-lanqas biss taf kemm ser taħdem matul il-ġimgħa: kuntratt magħruf bħala zero-hour contract. Jekk diġa ma tkunx tħallas taxxa, xi tridhom inaqqsulek? 

Il-fatt li qed jitilqu l-ħaddiema mill-industrija tat-turiżmu jindika kemm il-kundizzjonijiet tax-xogħol, inkluż il-pagi fl-industrija, mhux tajba, ta’ l-inqas għal uħud. Kieku kienu tajba ħadd ma hu daqshekk baħnan li ħa jitlaq. Ma jkun hemm bżonn l-ebda karrotta biex tiġbidhom lura lejn impieg tajjeb. 

Apparti ħlas sura ta’ nies huwa essenzjali li jispiċċaw dan it-tip ta’ kuntratti li bihom ma jkollokx idea kemm ser taħdem. BħaIa partit dan ilna ngħiduh imma il-Labour fil-Gvern ma jidhirx li dan jinteressah. 

L-industrija tat-turiżmu ilha tirċievi kull xorta ta’ għajnuna u riżorsi tul is-snin. Dan mit-taxxi li nħallsu lkoll kemm aħna. Mhux biss sussidji imma ukoll deċiżjonijiet amministrattivi, inkluż regoli tal-ippjanar imfassla biex tgħin lill-industrija tat-turiżmu għad-detriment tal-komunità residenzjali. Dejjem iridu iżjed! 

Fl-2019, ġew Malta viċin it-3 miljun turist. Numru kbir li jitfa’ piz mhux żgħir fuq l-infrastruttura tal-pajjiż. 

Bil-Covid forsi tgħallimna kemm hu żball li xi settur partikolari tal-ekonomija jkunu jiddependu minnu ħafna nies. Fost il-lezzjonijiet hemm bżonn nifhmu l-ħtieġa li nnaqqsu d-dipendenza tagħna fuq it-turiżmu biex l-ewwel darba li l-moviment bejn il-pajjiżi jkun problematiku, nħossu d-daqqa inqas. 

Id-daqqa li jmiss qegħda wara l-bieb: l-impatti kkawżati mit-tibdil fil-klima. 

Il-ġimgħa l-oħra l-Kummissjoni Ewropea ħabbret sensiela ta’ inizjattivi biex il-mira ta’ karbonju żero sal-2050 tintlaħaq. Il-Kummissjoni identifikat numru ta’ miżuri biex sal-2030, tarġa intermedja, tinlaħaq mira ta’ tnaqqis ta’ 55 fil-mija tal-gassijiet serra. 

Inizjattiva minnhom hi dwar taxxa fuq il-fjuwil li jintuża fl-avjazzjoni. Inizjattiva ta’ din ix-xorta jkollha l-iskop li l-prezz tat-titjiriet bl-ajru jkun jirrifletti l-ispejjes kollha li jkun hemm fit-titjira, ikluż dawk ikkawżati bl-emmissjonijiet.  Dan iwassal biex jew tinġabar taxxa minn fuq dawk li jivvjaġġaw bl-ajru inkella li jkunu użati iktar mezzi alternattivi ta’ transport u b’hekk il-ħlas tat-taxxa jkun evitat legalment, għax jonqsu l-impatti. 

Fl-Ewropa kontinentali l-ferrovija ħafna drabi hi alternattiva tajba għall-ivvjaġġar bl-ajru mhux biss għax hi ġeneralment effiċjenti imma fuq kollox għax tiġġenera inqas impatti ambjentali.  Fil-każ tagħna, iżda din l-alternattiva hi limitata fl-użu.  Dan bla dubju jżid l-ispiża tal-vjaġġ bl-ajru u inevitabilment fin-numru ta’ turisti: kemm dawk li jiġu f’Malta kif ukoll ta’ Maltin li jmorru banda oħra. 

Il-fatt li l-kompetituri ewlenin tagħna jlaqqtuha bl-istess mod ma tantx hu ta’ konsolazzjoni għall-industrija tat-turiżmu. 

Il-Ministru Miriam Dalli matul il-ġimgħa ħabbret li Malta tistenna li tkun trattata bħala kaz speċjali u dan billi aħna niddependu mill-avjazzjoni! Probabbilment li jekk naħdmu bil-għaqal, nistgħu ninnegozjaw kundizzjonijiet raġjonevoli inkluż, possibilment, xi eċċezzjonijiet. Imma fl-aħħar għandna nifhmu li dawn il-miżuri, anke jekk iweġġgħu, huma fl-interess tagħna ukoll. 

Bħall-istati gżejjer kollha, Malta, kif ukoll il-komunitajiet mal-kosta, jridu jiffaċċjaw uħud mill-agħar impatti tat-tibdil fil-klima: l-għoli tal-livell tal-baħar. Il-klima tiġi taqa’ u tqum mill-kaz speċjali tagħna, jew mill-ekonomija. Tibqa’ għaddejja minn fuqna kif għamlet ma’ ħaddieħor. In-natura ma tużax deskriminazzjoni! 

Ta’ min iżomm quddiem għajnejh li l-parti l-kbira tal-infrastruttura turistika tagħna hi mal-kosta, inkella viċin ħafna tagħha. Dan ifisser li tibdil fil-livell tal-baħar ikollu impatt fuq din l-infrastruttura. Jekk it-tibdil ikun sostanzjali dan iħarbat ukoll il-komunitajiet tagħna mal-kosta, li mhumiex ftit. 

Tajjeb li naħsbu dwar dan, għax it-turiżmu qiegħed f’salib it-toroq. Jeħtieġ li jitgħallem il-lezzjonijiet tal-Covid u jaddatta ruħu bi tħejjija għall-impatti tat-tibdil fil-klima. 

Dan hu l-futur tat-turiżmu, u mhux l-ezenzjoni mit-taxxa. 

More in Politika