Ivan Bartolo | Libsu ġlekk u ħammġuh - Malta ġabuha ġungla!

'Bil-vot tiegħek tikkonfermax  il-manipulazzjoni,  ix-xiri sfaċċat għall-voti,  is-serq, l-inġustizzji u l-qtil ta’ ġurnalista' - Ivan Bartolo, Deputat tal-PN

Il-PM Robert Abela
Il-PM Robert Abela

Hawn min il-kelma “etika” u l-kelma “politiċi” jarawhom jistunaw ma’ xulxin.  Ma nagħti tort lil ħadd, imma ssewwed qalbek li kulħadd jispiċċa fi skutella waħda.     Se nipprova nikteb b’ lingwa li jifhimha kulħadd.    Tiftakru sew meta  konna nitkellmu fuq  xi skandlu, u kienu jgħidulna “ġibu l-provi,  u ibqgħu sejrin għand il-Kummissarju tal-Pulizija.”  Issa meta kollox huwa mpitter fuq it-tila, jgħidulek: “Il-poplu x’ jimpurtah mill-korruzzjoni u mill-qtil ta’ Daphne”.   

Il-poplu jinteressah mill-but. Il-bwiet imtlew, imma mhux ta’ kulħadd. Il-karrottu mdendel  huwa short term, u  min baqa’ lura fil-ħajja, baqa’ fejn kien. Imma sfortunatament fadal min,  jirraġuna b’dan il-mod.   Jara biss dak li jaqbillu.   U għalhekk morna l-baħar.     

Bnedmin ta’ rieda tajba ma jirraġunawx b’dan il-mod u ma jridux ikunu kompliċi, ma’ dan ir-raġunar.    Jeħtieġ li jqumu aktar bnedmin, fosthom anki l-Knisja Maltija li hi obbligata  titkellem fejn tara li m’ hemmx is-sewwa, u mhux tibqa’ siekta, għax irrestawralek in-niċċa.  Fuq kollox qed nitkellmu fuq taxxi ta’ kull wieħed u waħda minnha.   “Intom saċerdoti, għandkom tkunu ta’ eżempju, ma tibżgħu mill-ebda kritika u mill-ebda konsegwenzi”.  Ma nistgħux ngħalqu għajnejna quddiem dan kollu.    Ma nistgħux nħallu skiet taqtgħu b’ sikkina.  Għax l-għamad u s-skiet ikompli jsaħħaħhom.   

Veru li jekk titkellem, jippruvaw isammruk. Veru li joffenduk u jgħajruk, għax it-tabernaklu tagħhom, mhuwiex dak li nsibu f’ nofs il-knejjes tagħna imma t-tabernaklu tagħhom irendi l-cash.   

Imma tinkwetawx! Issa għandna tal-hate speech unit!  Qalulna li m’huma se jħarsu lejn wiċċ ħadd.

Jgħajruk 'traditur ta' pajjiżek' bħalma rajna lill-eks Imħallef  jikteb fuq l-MEPs  Metsola u Casa.   L-ex-Imħallef kiteb li  “Min jiċħad l-art twelidu, miżbla żibel lanqas tridu.” Immaġinani  kieku kelli nispiċċa quddiem dan l-eks mħallef, x’kien jiġri minni!  

L-imġieba ta’ min hu korrott, tispikka kullimkien.   Ftit tal-jiem ilu,  saret mistoqsija supplimentari  mill-kollega tiegħi David Thake fil-Kamra tad-Demokrazija u jiġi Ministru jgħidlek “Ix-xogħol tih lil min jaf jagħmlu u l-oħrajn ħallihom isajru z-zalzett.” 

Malta ġabuha ġungla.   Se nsemmi xi eżempji żgħar ħdejn oħrajn:-

Jeħtieġ li jqumu aktar bnedmin, fosthom anki l-Knisja Maltija li hi obbligata titkellem fejn tara li m’hemmx is-sewwa, u mhux tibqa’ siekta, għax irrestawralek in-niċċa Ivan Bartolo (Deputat PN)

Missier ta’ familja,  bajjad il-faċċata u ġab cherry picker, minħabba li t-triq dejqa  u l-kunsill ma tahx permess  jarma scaffolding.   Imma dak żgħir hux, u nibagħtulu gwardjan lokali wara l-bieb.  Fl-istess lokalita’  taqa’ dar, trabijiet ma’ kullimkien, la xibka u lanqas kellu avviż tal-Planning Authority imwaħħal.  Mhux biss, imma jibda x-xogħol, qabel iż-żmien miftiehem.    Skond x’ int u min int!   

Dwar il-faqar.  Ħloqna konsulenti dwar il-faqar.  Madanakollu l-faqar żdied.  Jiġifieri qed noħorġu l-flus mit-taxxi tagħna, biex jagħtuna  l-pariri dwar il-faqar.  U l-faqar kiber.   Tifhimha din?

Kollox isir biex jiġbru l-voti, saħansitra,  biex javżak li trid tmur tieħu l-vaċċin, fl-avviż issib il-firma tal-Ministru tas-Saħħa.
L-istazzjon Nazzjonali  ixandar  biss dak li jaqbel lil Lejber -  Theddida għad-demokrazija.    Basta qalulna “Ħallu l-istituzzjonijiet jaħdmu.” 

Dwar il-lands.   Gvern Nazzjonalista bejn l-2009-2012) biex isolvi l-problema ta' mijiet ta' sidien li ilhom mill-1981 jgħixu b'konvenju, bnew djar fuq art li għadha tgħajjat lil ħaddieħor.    Gvern immexxi minn Lawrence Gonzi ħallas mal-€5 miljuni lis-sidien misruqa. Dan ifisser 700 familja saret sid ta' darha. 

Gvern ta-Labour, li kien hu li ħoloq din il-pjaga soċjali, fl-aħħar 3 snin għamel tmien familji biss sidien u nefaq biss €500,000.

L-Ombudsman .... dan jiddikjara li l-proċess tal-2016 għal-ogħla tliet karigi fil-Korp tal-Pulizija,  bħala daħk fil-wiċċ.   

Fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, attentati ta’ suwiċidji u 11- il mewta.  L-Awtorita’ tiċħad kontinwament kull allegazzjoni li ħarġet fil-beraħ u li ma tagħmel ġieħ lill-ebda umanita’.

U xtaqt nagħlaq, b’ eżami tal-kuxjenza, lilek għażiż qarrej, avolja kważi llum il-kelma kuxjenza saret kelma tal-passat u rrelevanti.   Il-kejl tiegħek sar flus?  Il-kejl tiegħek sar job mal-Gvern?  Direct order?  Il-kejl tiegħek sar xi ċekk li lanqas taf għalxiex irċevejtu?  Il-kejl tiegħek, … għax xi Ministru jkun stordiek u qallek ….. 'Ara mur ivvota, u l-ġimgħa d-dieħla jkollok dar tal-housing?'

Il-vot hu l-uniku arma li għandek. Bil-vot tiegħek tberikx imġieba immorali.

Bil-vot tiegħek tberikx oxxenitajiet. Bil-vot tiegħek tberikx il-qerq  u l-ħabi li sar hobby. Bil-vot tiegħek tikkonfermax  il-manipulazzjoni,  ix-xiri sfaċċat għall-voti,  is-serq, l-inġustizzji u l-qtil ta’ ġurnalista.

More in Politika