.png)
Carmelo Cacopardo | Switch għal-lista l-griża
Robert Abela ħa deċiżjoni li bħala riżultat tagħha Rosianne Cutajar hi issa definittivament barra mill-Kabinet
.png)
Nhar it-Tnejn li għadda, fil-Parlament, il-Kumitat Permanenti dwar l-Standards fil-Ħajja Pubblika beda’ jeżamina ir-rapport K/032 dwar il-Membru Parlamentari Laburista Rosianne Cutajar. Ir-rapport jeżamina is-sottomissjonijiet li rċieva l-Kummissarju dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler dwar in-nuqqas ta’ Cutajar li tiddikjara dħul tagħha hi u timla l-formola dwar id-dikjarazzjoni tal-assi meta kienet għadha Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Ġustizzja.
Ir-rapport ta’ 45 paġna tal-Kummissarju Hyzler hu akkumpanjat minn żewġ volumi addizzjonali bix-xhieda li fuqha Dr Hyzler fassal id-deliberazzjonijiet u l-konklużjonijiet tiegħu. Hemm ukoll it-tielet volum li mhux aċċessibli għal skrutinju pubbliku. Dan it-tielet volum fih statements tal-bank tal-membru parlamentari Qormija flimkien mac-chats tagħha fuq Whatsapp ma Yorgen Fenech, is-suspettat moħħ wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Il-Prim Ministru Robert Abela ħa deċiżjoni li bħala riżultat tagħha Rosianne Cutajar hi issa definittivament barra mill-Kabinet, tal-inqas f’dawn l-aħħar xhur tal-leġislatura. Iżda għadha qed tinsisti li mhux ser twarrab minn membru tal-Parlament. Qalet li fi ħsiebha tibqa’, anke jekk il-Partit Laburista, s’issa, għad ma ikkonfermax jekk hux ser tkun kandidata u dan in vista tar-rapport dwar l-iStandards fil-Ħajja Pubblika taħt konsiderazzjoni.
Biex jiddefendi lil Cutajar il-Prim Ministru Abela, b’mod li jevita li jikkommetti ruħu iżżejjed, qal li kulħadd għandu jkun trattat l-istess, mingħajr diskriminazzjoni!
Bla dubju Rosianne Cutajar tħoss li ġiet ittrattata ħażin, kemm kemm mhux b’mod inġust! Għalfejn din il-pressjoni kollha biex tisparixxi mill-ħajja pubblika meta min ammetta pubblikament li evada t-taxxa spiċċa elett Kap tal-Oppożizzjoni? Il-ħajja u l-politika f’Malta xejn m’huma ġusti!
Bernard Grech u Rosianne Cutajar qegħdin fuq l-istess livell fl-imġieba etika tagħhom, imma s’issa huma trattati b’mod differenti.
Għalfejn, nistaqsi, l-Opposizzjoni Parlamentari ma tapplikax l-istess kriterji lit-tnejn li huma? Meta l-Oppożizzjoni tinsisti li Rosianne Cutajar għandha terfa’ r-responsabbiltà politika għal għemilha kif imfisser fir-rapport tal-Kummissarju Hyzler qed tagħmel sewwa. Għaliex mela ma tkunx konsistenti u tapplika l-istess kriterji għall-mexxej tagħha li dwaru l-investigazzjoni ilha lesta?
Bħal Rosianne Cutajar, Bernard Grech ħaqqu daqqa ta’ sieq għal barra. Dak hu t-trattament ugwali li jixraqilhom. Il-preżenza tagħhom it-tnejn fil-ħajja pubblika hi kontribut ċar għall-preżenza ta’ Malta fil-lista l-griża tal- FATF!
Therese Comodini Cachia u Karol Aquilina kienu preċiżi meta emfasiżżaw li r-rapport ta’ George Hyzler jeħtieġ li jkun approvat bla dewmien jekk irridu nwasslu l-messaġġ li qed naħdmu bis-serjetà biex Malta ma tibqax fuq il-lista l-griża tal-FATF. Nittama li xi darba jifhmu illi meta jkollok persuna li hi evasur tat-taxxa li jistenna li jkun il-Prim Ministru alternattiv fi ftit taż-żmien ieħor, dan ma tantx hu ta’ għajnuna biex nitbegħdu minn din il-lista l-griża. Għadu possibli anke issa li nkunu konsistenti jekk irridu!
Il-ħtieġa li jkollna mġieba aħjar fil-ħajja pubblika mhiex switch li tixgħelu jew titfiegħ fil-mument li nidħlu fil-ħajja pubblika. Tapplika għal kulħadd, dejjem. Mhux biss waqt li aħna attivi fil-ħajja pubblika imma saħansitra sa minn qabel ma jibda l-involviment tagħna.
Għal din ir-raġuni ngħarblu n-nomini tal-kandidati u l-ħatra tal-uffiċjali minn qabel. Għax m’għandniex nistennew lil min kien jiġi jaqa’ u jqum dwar kif iġib ruħu qabel ma jidħol fil-politika ser jaqbleb is-switch għal imġieba aħjar, hekk kif jidħol fil-politika.
Dan il-każ għandu jservi ta’ żveljarin.