Carmel Cacopardo | Għal darb’oħra: konsultazzjoni finta

Bid-dokumenti moħbija ma ssirx konsultazzjoni! Minkejja li ilu mwiegħed 4 snin, dan il-proċess konsultattiv ftit li xejn jikkonsulta. Jonqos fl-iktar ħaġa essenzjali: ma jagħtix informazzjoni. Għaldaqstant hu proċess finta

Ġie ppubblikat dokument konsultattiv dwar il-qalba għall-karozzi tal-elettriku. Dokument li hu intitolat  “Towards Cleaner Vehicles on Our Roads”, bl-Ingliż, għax il-Malti f’dawn iċ-ċirkustanzi hu mwarrab mill-Gvern ukoll!

Minkejja li dan il-proċess konsultattiv kien imħabbar kważi 4 snin ilu, f’Settembru 2017, l-informazzjoni fid-dokument konsultattiv hi skarsa. Dan jagħmel din il-konsultazzjoni waħda finta. Dan hu sintomatiku ta’ Gvern li fejn jidħlu materji ta’ transport kontinwament jibgħat sinjali konfliġġenti! 

Id-dokument konsultattiv jirrikonoxxi l-ovvju meta jgħid li l-emissjonijiet fl-arja riżultat ta’ karozzi u nġenji oħra żdiedu bi 86% matul il-perjodu 1990-2018. Id-dokument iżda jinjora l-fatt li dan hu fil-parti l-kbira riżultat tal-investiment massiv fl-infrastruttura tat-toroq, li fil-parti l-kbira tal-każi ma kinitx meħtieġa. Għenet biex żdiedu l-karozzi fit-toroq. 

Il-qalba għall-karozzi li jaħdmu bl-elettriku hi pass ‘il quddiem. Bla dubju riżultat ta’ hekk se jonqsu l-emissjonijiet mill-karozzi. Imma għandu jingħad li l-emissjonijiet iktar milli jonqsu se jiċċaqalqu mit-toroq lejn is-sors tal-elettriku li ser jintuża! Meta nafu li l-Gvern għandu l-ħsieb li jinstalla t-tieni interconnector bejn Malta u Sqallija hu ċar li parti minn dawn l-emissjonijiet se jmorru 80 kilometru lejn it-tramuntana, fi Sqallija, bil-bqija jmorru Delimara. Mhux ċar kif dan ser jirrifletti ruħu fil-prezz li nħallsu għall-elettriku għax id-dokument konsultattiv hu sieket għal kollox dwar dan. 

Id-dokument konsultattiv jagħmel sewwa li jiġbed l-attenzjoni li l-ħiliet meħtieġa biex wieħed jieħu ħsieb u jsewwi karozzi li jaħdmu bl-elettriku hu differenti minn dawk meħtieġa għall-karozzi li nużaw illum. Jiġbed ukoll l-attenzjoni li jinħtieġu investimenti sostanzjali biex tinbena l-infrastruttura meħtieġa b’mod partikolari għal fejn il-karozzi jieħdu l-elettriku meħtieġ (iċ-charging points). Id-dokumenti imma, jonqos milli jindirizza nuru ta’ punti ta’ kontroversja li jeħtieġu li jkunu diskussi permezz ta’ dan il-proċess konsultattiv. 

Ma hemm l-ebda dubju li l-konsum tal-petrol u d-dijżil se jonqos sostanzjalment bħala riżultat ta’ dan kollu. Ir-rata li biha dan jonqos se jiddependi mill-mod kif l-elettrifikazzjoni tat-toroq tipproċedi tul il-perjodu ta’ tranżizzjoni. Fid-dawl ta’ dan għalfejn ma ġiex imħabbar moratorju dwar pompi ġodda tal-petrol li dwarhom għad hemm numru ta’ applikazzjonijiet pendenti? Minkejja li hu ċar li dawn ma hemmx iktar ħtieġa għalihom, id-dokument konsultattiv huwa konvenjentement sieket, anke dwar dan. B’hekk jinkoraġixxi pressjoni żejda u mhux meħtieġa fuq il-proċess tal-ippjanar.

MiIl-bejgħ tal-petrol u d-dijżil il-pajjiż idaħħal ammont mhux żgħir ta’ taxxi li bħala riżultat tal-elettrifikazzjoni tat-toroq se jonqos gradwalment b’mod li fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni jasal sa kważi żero. Id-dokument ta’ konsultazzjoni ma jagħtina l-ebda informazzjoni dwar dan. Kif se jkun sostitwit dan l-ammont sostanzjali ta’ dħul?  Il-flus nieqsa ser jiġu mill-proċess ta’ elettrifikazzjoni nnifsu jew se jiġu minn x’imkien ieħor?  L-ammonti involuti mhumiex żgħar. Fil-fatt l-estimi tad-dħul tal-Gvern għas-sena 2021 jindikaw dħul ta’ €154 miljun minn taxxi fuq petrol u dijżil. Il-Gvern kif se jikkumpensa għal dan in-nuqqas ta’ dħul? Da parti tad-dokument ta’ konsultazzjoni hemm skiet assolut dwar dan. 

Id-dokument konsultattiv  jirreferi wkoll għal żoni ta’ emissjonijiet baxxi (Low Emission Zones) imma m’għandux il-kuraġġ li jippreżenta proposti speċifiċi għad-diskussjoni. Huwa essenzjali li tul il-proċess ta’ tranżizzjoni, minn issa sa meta t-toroq tagħna jkunu ġew sostanzjalment elettrifikati, gradwalment nidentifikaw dawn iż-żoni ta’ emissjonijiet baxxi. Fihom għandu jkun ipprojibit l-aċċess għall-karozzi li jużaw il-petrol u d-dijżil biex b’hekk nibdew ingawdu l-benefiċċju ta’ arja nadifa, grazzi għall-elettrifikazzjoni. Anke hawn id-dokument konsultattiv ifalli għax ma jagħmel l-ebda proposta.  

Id-dokument jirreferi għal żewġ studji li saru dwar l-elettrifikazzjoni tat-toroq. Imma dawn baqgħu moħbija: ma qalulniex x’fihom. Bid-dokumenti moħbija ma ssirx konsultazzjoni! Minkejja li ilu mwiegħed 4 snin, dan il-proċess konsultattiv ftit li xejn jikkonsulta. Jonqos fl-iktar ħaġa essenzjali: ma jagħtix informazzjoni. Għaldaqstant hu proċess finta.

More in Politika