Owen Bonnici | 'Aħna, in-nies'

Huwa kruċjali ħafna li kulħadd jiġbed ħabel wieħed u josserva dak li qed jgħidu l-awtoritajiet tas-saħħa biex inkunu nistgħu nimxu ‘l quddiem bħala pajjiż

"Aħna n-nies" hija l-ewwel frażi li tiltaqa' magħha hekk kif tibda taqra l-Kostituzzjoni tal-Istati Uniti tal-Amerika.  Din hi Kostituzzjoni differenti minn Kostituzzjonijiet oħrajn għaliex l-imħuħ warajha kienu ddeċidew li jwelldu xi ħaġa ġdida u differenti mill-mudell "klassiku" biex ngħidulu hekk ta' Westminster.
 
Il-ħolma Amerikana hi ħolma ta' poplu ġdid, f'art ġdida u allura dak iż-żmien riedu jużaw mudell ġdid ta' kif ifasslu l-Kostituzzjoni tagħhom.
 
Il-kunċett li dan hu dokument li ġej min-nies hu kunċett sabiħ immens.  U dan hu l-mod kif jien inħobb inħares lejn il-politika fejn in-nies jibagħtu lil uħud minnhom biex jirrappreżentawhom, jitkellmu għalihom u jieħdu d-deċiżjonijiet għan-nom tagħhom fid-diversi fora.
 
Jien eżempju klassiku u ċar ta' dan li qed ngħid.  Twelidt u trabbejt fin-nies u l-aqwa kwalifika l-għandi hi li jien wieħed minn dawk li bagħtuni nirrappreżentahom fil-Kamra tad-Deputati.
 
Jien assolutament ma naqbilx ma' min irid ipinġi l-idea li aħna n-nies m'aħniex kapaċi nieħdu d-deċiżjonijiet tagħna u mmexxu lilna nfusna.  Bħallikieku biex nimxu 'l quddiem bħala pajjiż aħna għandna bżonn nitmexxew minn klikka ta' teknokratiċi u burokratiċi għax aħna n-nies ma aħniex kapaċi.  Assolutament ma naqbilx.
 
Anzi, fil-ħajja politika tiegħi sibt ruħi ħafna drabi nikkumbatti pariri ta' teknokratiċi li jkunu sbieħ ħafna fuq il-karta imma li jkunu fallimentari għaliex jinsew kompletament lin-nies.  Il-populiżmu mhux tajjeb, imma t-teknokratiżmu hu ħażin ukoll.  L-aħjar triq hi dik tar-realpolitik, politika tajba ibbażata f'doża kbira ta' realiżmu.
 
 
+++
 
Huwa kruċjali ħafna li kulħadd jiġbed ħabel wieħed u josserva dak li qed jgħidu l-awtoritajiet tas-saħħa biex inkunu nistgħu nimxu ‘l quddiem bħala pajjiż.
 
Jien nemmen li l-Prim Ministru Robert Abela mexxa bl-aħjar mod f’ċirkostanzi difficli immens ta’ pandemija dinjija.  Kull ma trid tagħmel hu li tqabbel dak li għamilna Malta ma’ dak li qed isir fil-bqija tal-Ewropa u d-dinja.  Il-Prim Ministru Abela ħa ħsieb is-saħħa tan-nies imma anke l-għixien tan-nies.
 
Ħa ħsieb is-saħħa tan-nies għax ra li f’pajjiżna s-saħħa tkun fuq quddiem hekk kif tfaċċat il-pandemija.  Ħa ħsieb l-għixien tan-nies għax wieżen il-postijiet tax-xogħol ta’ ħafna u ħafna nies.
 
Hu importanti li ma ndawrux il-kwistjoni tal-pandemija f’ballun politiku.  Il-poplu assolutament dan ma jridux u nappella għall-maturità politika.  Minflok ejja nappellaw biex nobdu l-gwida tal-awtoritajiet tas-saħħa pubblika sabiex inkunu nistgħu nimxu ‘l quddiem.
 
Jien nemmen li aħna għandna l-kredenzjali kollha biex lil pajjiżna, hekk kif tgħaddi l-pandemija, ma nġibuhx “sempliċiment” għal kif konna qabel dħalna fil-pandemija, imma nġibuh verżjoni aħjar.  U hu għalhekk li qed nagħmlu l-ko-ordinazzjoni tal-istrateġija għal wara l-covid-19 sabiex inkunu nistgħu nagħmlu lil pajjiżna aħjar u iktar reżiljenti f’dinja mibdula.
 
++++
 
Jien bniedem li meta kont żgħir kont ażmatiku ħafna.  Niftakar lil missieri jqajjimni f’nofs ta’ lejl, jeħodni Raħal Ġdid, ilibbsuli maskla u nieħu n-nifs miċ-ċilindri.  Meta kont fil-break tal-iskola niġri ġirja mal-bqija tat-tfal sħabi kont naqta’ nifsi u nilheġ b’mod li nwerwer lil sħabi u lill-għalliema.
 
Dan affettwani ħafna.  Missieri kien jippriedkali ħafna biex nitgħallem nieħu l-inhalers.  Kien ikolli tnejn, wieħed blue u wieħed kannella u kont inġorrhom miegħi kullimkien.  Il-blue kellu togħma ħażina ħafna imma kien jgħinni mmens meta kont naqta’ nifsi.  Il-kannella kien jgħinni biex nipprevjeni milli naqta’ nifsi.
 
Għalhekk nitlobkom ma tlumunix meta ngħid li noħlom li xi darba ngħixu f’Malta li fl-arja ma nwaddbux il-karbonju l-ħin kollu.  L-exhaust li nwaddbu fl-arja mill-karozzi u ċ-ċmieni industrijali li jwaddbu l-karbonju huma affarijiet li nixxennaq ħafna li għada pitgħada ma narawhomx iktar.
 
Diġà kien pass importanti ħafna li mill-HFO qlibna għall-gas u żmantellajna l-power station tal-Marsa li niftakarha timla kullimkien bit-trab iswed is-south tal-pajjiż partikolarment il-Fgura.  Issa rridu nkunu ambizzjuzi u nitkellmu fuq kif innaqqsu kemm jista’ jkun il-karbonju li nipproduċu u nissostitwuh b’affarijiet innovattivi u nodfa, bħalma hi l-enerġija li ġejja min-natura.
 

More in Politika