Carmel Cacopardo | Riforma tal-kera: ma tistax tistenna aktar

'Illum il-ġurnata kważi kulħadd jaċċetta li l-kirjiet ta’ qabel 1995 huma sfida kbira. Importanti iżda, issa, li naffrontaw din l-isfida. Għax ir-riforma tal-kera ma tistax tistenna iktar!'

Tul is-snin, gvern wara l-ieħor baqgħu lura milli jbiddlu mill-qiegħ il-liġijiet dwar il-kera. L-emerġenza li ġġustifikat ir-restrizzjonijiet oriġinali twalet wisq u żdiedu bosta restrizzjonijiet addizzjonali tul is-snin. Id-deċiżjonijiet kritiċi tal-ogħla Qrati f’Malta u Strasburgu ilhom jinġemgħu.

Ma nistgħux narmu r-riformi tal-1995 u l-2008, avolja sar ftit f’kull każ u dan il-ftit tħalla hemm mingħajr ma nbnew iktar riformi fuqu. Kienu passi żgħar ‘il quddiem imma tħalla jgħaddi wisq żmien mingħajr ma sar xejn iktar. Gvern wara l-ieħor baqgħu lura. Kollha ittamaw li l-problema se tissolva waħedha biż-żmien. 

Iż-żmien iżda ftit isolvi problemi ta’ din ix-xorta.  Id-dewmien fisser biss li l-problema saret akbar u batew bosta. It-tbatija tagħhom setgħet tittaffa, kieku kellna gvernijiet iktar sensittivi u proattivi tul is-snin.

Huwa fid-dawl ta’ dan kollu li l-proposta tal-Gvern li jindirizza l-kirjiet ta’ qabel l-1995, 9,700 kirja, hi proposta politika kuraġġuża u responsabbli.  Bil-proposta li saret, il-Gvern tal-lum se jerfa’ fuq spallejh in-nuqqas ta’ azzjoni tal-gvernijiet kollha li ġew qablu: kollha, kemm ħomor kif ukoll blu.  

Il-partit li mmexxi jien, tul is-snin, ikkampanja b’mod attiv speċifikament kontra din l-inġustizzja: ġustizzja għas-sidien flimkien ma ħarsien adegwat tal-inkwlini vulnerabbli.  

Sal-mument li qiegħed nikteb għad ma ħariġx l-abbozz ta’ liġi li jlaħħam il-proposta politika li tkellmu dwarha l-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes.  

Il-proposti kif imfissra s’issa huma, fil-fehma tiegħi, aċċettabbli fil-prinċipju. Imma għad irridu naraw id-dettalji tagħhom. Dan ikun jista’ jsir meta jiġi ppubblikat l-abbozz ta’ liġi li jimplimenta dak propost. Nistenna li mal-abbozz ta’ liġi jkunu ppubblikati wkoll l-istudji li saru, studji li nifhem li għandhom jikkwantifikaw ukoll l-ispiża li se tidħol għaliha l-kaxxa ta’ Malta. Għandna bżonn dibattitu matur, u biex dan isir hu meħtieġ li l-istudji u r-riċerka li saret ikunu pubbliċi: dan jgħin biex id-diskussjoni politika li trid issir tkun waħdha li tagħmel il-ġid.  

Il-proposta, kif imfissra minn Abela u Galdes, hi ibbażata fuq żewġ punti fundamentali. Tfittex li tħares kemm lill-inkwilini kif ukoll lis-sidien. 

Il-ħarsien tal-inkwilini jintlaħaq billi jkun assigurat li l-vulnerabbli, f’kull ħin, ikollhom garanzija ta’ saqaf fuq rashom: dak li għandhom illum inkella alternattiva għalih ipprovdut mill-akkomodazzjoni soċjali. Din hi fil-fatt proposta tranżitorja li tapplika  għad-9,700 kirja ta’ qabel l-1995 li ġew identifikati. 

Hi wkoll restrizzjoni fuq is-sidien. Imma hi kontrobilanċjata bil-metodu ta’ kif tkun ikkalkulata l-kera dovuta li se titħallas mill-istat, kollha jew in parti, skont il-vulnerabilità tal-inkwilin. Dan il-metodu, li ġie introdott bir-riforma tal-2008, diġà ġie aċċettat mill-Qrati tagħna, b’mod ġenerali, bħala li jwassal għal kera ġusta u raġonevoli. 

Il-mod kif tinħadem il-kera dovuta huwa ta’ importanza fundamentali.  Din issa mhijiex dipendenti kompletament fuq is-suq, imma hu propost li tkun limitatat sa 2% tal-valur tal-propjetà. Dan ifisser, u nittama li hu l-każ, li hemm min tgħallem mill-iżball oħxon li sar meta l-kirjiet ta’ wara l-1995 kienu ġew liberalizzati kompletament!    

Ir-riforma proposta se tindirizza problema soċjali, li ilha takkumula, billi talloka spiża finanzjarja sostanzjali ta’ miljuni ta’ euro kull sena biex ir-riforma tkun tista’ tiġi implimentata. 

S’issa, kienu s-sidien infushom li ssussidjaw il-kirjiet ta’ qabel l-1995. Dan meta wħud mis-sidien għandhom bżonn l-għajnuna huma stess! Huwa għalhekk xieraq li l-għajnuna meħtieġa issa tingħata direttament mill-komunità, permezz tal-istat, u dan  fi spirtu ta’ solidarjetà nazzjonali.

Illum il-ġurnata kważi kulħadd jaċċetta li l-kirjiet ta’ qabel 1995 huma sfida kbira. Importanti iżda, issa, li naffrontaw din l-isfida. Għax ir-riforma tal-kera ma tistax tistenna iktar!

More in Politika