Owen Bonnici | Il-karrieri tar-riċerkaturi tagħna huma għeżież għalina

Għalina l-inizjattivi futuri tal-UE dwar karrieri fir-riċerka għandhom ikunu kkoordinati u mfassla id f’id mal-Istati Membri, bi ħsieb dwar l-ispeċifikazzjonijiet nazzjonali u bil-għan li tiġi evitata l-frammentazzjoni

Waqt Kunsill Informali tal-Ministri tar-Riċerka tal-Unjoni Ewropea, kelli l-opportunità nuri fil-miftuħ li Malta tappoġġja bis-sħiħ id-dibattitu dwar il-karrieri fir-riċerka madwar l-Ewropa.

Għalina l-inizjattivi futuri tal-UE dwar karrieri fir-riċerka għandhom ikunu kkoordinati u mfassla id f’id mal-Istati Membri, bi ħsieb dwar l-ispeċifikazzjonijiet nazzjonali u bil-għan li tiġi evitata l-frammentazzjoni.

Bħala Ministru għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-ko-ordinazzjoni tal-istrateġija għal wara l-Covid-19 ser inkun qed nisħaq bis-sħiħ li l-qafas ta’ politika wiesgħa inklussiva u mġedda għaż-Żona Ewropea ta’ Riċerka għall-karrieri tar-riċerkaturi tagħna għandha tħares lejn iż-żieda fl-għarfien tal-ħiliet u l-kompetenzi, itejjeb l-iskambji bejn l-industrija u l-akkademja, issaħħaħ is-servizzi ta’ sostenn u zżid il-possibbiltà ta’ opportunitajiet ta’ taħriġ.

L-Istrateġija Nazzjonali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni li wasslet sal-2020 uriet biċ-ċar, bħala waħda mill-prijoritajiet, il-ħtieġa ta’ investiment fir-riċerkaturi kif ukoll il-punt li tindirizza b’mod effettiv opportunitajiet u karrieri għal dawn il-professjonisti.

Wara s-sena 2020, din baqgħet prijorità għal pajjiżna.  Għalhekk, sar it-twaqqif għall-ewwel darba tal-Ministeru għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Koordinazzjoni tal-Istrateġija Post Covid-19 f’pajjiżna kien pass għaqli li sar bi ħsieb u b’viżjoni mill-Gvern preżenti. Tajjeb insemmi li Ministeru ta’ din ix-xorta jinsab kważi f’kull pajjiż, u kien meħtieġ tassew f’pajjiżna għaliex permezz tal-innovazzjoni u r-riċerka nistgħu wkoll noħolqu ekonomija robusta u sostenibbli.

Irridu naraw kif nidraw b’politika li tagħti sapport lill-mobbiltà u l-porgressjoni tal-karriera fir-riċerka. Malta teħtieġ toħloq opportunitajiet li jippermettu lir-riċerkaturi jibqgħu f’art twelidhom u tehtieg li taghti mobbilita' shiha lir-ricerkaturi taghna biex izommu bhala bazi lil pajjizna. Dan iktar u iktar fid-dawl tal-isfidi ta’ dik li tissejjaħ ‘brain drain’ meta persuni validi u li studjaw, jitilqu minn pajjiżna biex ifittxu opportunità aħjar f’artijiet oħra u ċ-ċirkolazzjoni żbilanċjata tal-għarfien fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka. Dan ġara bis-saħħa f’pajjiż mhux ‘il bogħod minna fl-Italja u ma nixtiqux li jikber f’pajjiżna wkoll. Irrid nżommu r-riżors uman marbut ma' pajjiżna għall-ġid tas-soċjetà Maltija. 

Malta qed tappoġġja wkoll il-proposta biex tissaħħaħ u tigi riveduta l-Karta (Charter) Ewropea għar-Riċerkaturi, il-Kodiċi tal-Kondotta u l-Pjattaforma EURAXESS fejn ir-regoli u l-proċeduri kurrenti tal-Karta (Charter) u l-Kodiċi m’humiex żviluppati biżżejjed u għandha ssir evalwazzjoni tal-effettività u l-vijabilità taż-żewġ strumenti.  B'mod partikolari ahna qed nghidu li ghandha ssir analizi u eżami ta' l-istat attwali ta’ l-affarijiet, l-isfidi u d-diffikultajiet, il-pjattaformi nazzjonali tagħhom u r-rabtiet tagħhom u l-aċċess għall-punt ta’ kuntatt ċentrali tal-EURAXESS.

Barra minn hekk, din il-ġimgħa wkoll kelli l-opportunità nipparteċipaw f'konferenza virtwali flimkien mal-bqija tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea responsabbli mir-Riċerka dwar it-tnedija ta' “Horizon Europe” taħt il-Presidenza Portugiża tal-Kunsill tal-Ministri.

Dan huwa l-aktar programm ambizzjuż ta’ R&I fl-Unjoni Ewropea; għalhekk l-ikbar programm tax-xorta tiegħu mad-dinja kollha. It-tnedija ta’ dan il-programm, timmarka l-bidu tal-Kunsill Innovattiv Ewropew sabiex l-innovazzjonijiet jiġu aċċellerati abbażi ta’ teknoloġiji avvanzati, u t-tisħiħ tal-start-ups l-aktar promettenti u l-SMEs f’ġenerazzjoni ġdida ta’ kumpaniji ewlenin fid-dinja, li joperaw mill-Ewropa.

Aħna nemmnu li meta tinvolvi l-partijiet interessati fid-deċiżjonijiet tal-politika, it-tranżizzjoni meħtieġa se tkun aktar immotivata. Nistgħu nikkapitalizzaw fuq is-saħħa u l-kapaċitajiet ekonomiċi tal-pajjiż u l-investimenti fl-R&I jistgħu jinħolqu bi ħsieb u viżjoni lejn proġetti infrastrutturali sostenibbli li jrawmu t-trasformazzjoni ekoloġika u diġitali.

Malta hija interessata f’ħidma konġunta fl-oqsma tar-rickerka u l-innovazzjoni bejn is-settur pubbliku u s-settur privat b’viżjoni ekoloġika u ambjentali kif ukoll diġitali, relatati ma' Enerġija Nadifa, Oċean Nadif, SME Innovattivi, livell għoli ta’ IT u aktar, fejn mill-fatt biss li  nkunu parti minn dawn l-attivitajiet tal-R&I, pajjiżna jkun jista’ jgħin ruħu u javvanza aktar bħala pajjiż modern, avant garde u bi ħsieb favur l-ambjent.

Nenfasizza bis-sħiħ, li l-Gvern Malti jemmen fis-sostenn mill-Unjoni Ewropea lejn kull stat membru irrispettivament mid-daqs tal-pajjiż, biex jimplimenta s-sinerġiji bejn il-‘Missions’ u l-attivitajiet u politika speċjalizzata, kif ukoll l-investiment iffinanzjat bħala parti mill-pjan ta’ irkupru u reżiljenza.

L-investimenti fl-R&I għandhom iseħħu fil-livelli kollha, u f'format inklussiv, sabiex il-bidla ma tħallu lil ebda pajjiż jaqa' lura. Ir-Ricerka u l-Innovazzjoni, bla dubju, jgħinuna nirrikonċiljaw it-tkabbir ekonomiku u l-produttività mal-kwalità tal-ħajja u s-saħħa pubblika, b'importanza wkoll għall-ħarsien tal-ambjent ekoloġiku.

Insellem lill-ħabib tiegħi Joe Micallef Stafrace.

Fl-aħħar nett nixtieq insellem lill-ħabib kbir tiegħi Dr. Joe Micallef Stafrace li ħalliena propju nhar il-Ġimgħa 29 ta’ Jannar fl-għomor ta’ 87 sena. "Stafrac" kif kulhadd kien isejjahlu kien ħabib kbir tiegħi. Dejjem tani pariri siewja u ġenwini. Kien maħbub u rrispettat minn kulħadd, anke mill-kamp politiku differenti li kien iħaddan.

Kien Laburist, imma qabel kollox, kien Malti li ħadem bis-sħiħ għat-titjib fis-soċjetà Maltija li ngħixu fiha. Xhieda ta’ dan huma l-bosta kitbiet u eloġji li saru mhux biss fil-gazzetti imma wkoll fuq il-mezzi tal-midja soċjali minn personalitajiet u  pubbliku differenti. Kien elett fil-Parlament għal 3 leġislaturi sħaħ; 1962, 1966 u dik tal-1971 u serva bhala Ministru ghal xi zmien.

Sa ftit ilu, Joe kien għadu saħansitra jikteb fil-gazzetti u spiss kien icempilli. B’għożża nsellimlek Joe u nirringrazzjak talli kont eżempju ta’ politiku ġentlom li dejjem irrispettajt  u rrispettawk lura.

More in Politika