Carmel Cacopardo | It-turiżmu wara l-pandemija: ħtieġa ta’ doża qawwija ta’ realtà

Jekk tfittex fid-dokument dwar l-agri-turiżmu inkella dwar l-eko-turiżmu, ma issib xejn. Dan iwassal għall-konklużjoni inevitabbli li l-istrateġija mhiex waħda dwar it-turiżmu iżda iktar dwar il-lukandi

 Ġiet ippubblikata strateġija dwar it-turiżmu għall-għaxar snin li ġejjin, intitolata  Recover, Rethink, Revitalise. Bħas-soltu d-dokument hu bl-Inġliż. Il-Malti huwa injorat mill-ġdid! Din hi strateġija li timmira lejn titjib fil-kwalità imma ma tippruvax tindirizza l-fatt li n-numru ta’ sodod kiber iżżejjed.

Fis-sajf tal-2019, Tony Zahra, President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Restoranti (MHRA) kien ħareġ twissija: li n-numru ta’ turisti li qed jaslu kien wisq. Kien emfasizza li l-pajjiż ma jiflaħx għal numru daqshekk kbir ta’ turisti. Zahra kien qed jiddefendi l-interessi tas-sidien tal-lukandi li hu jirrappreżenta. 

L-istrateġija proposta targumenta favur turiżmu fl-istess livell li kellna qabel ma faqqgħet il-pademija. Imma tirrikonoxxi ukoll li dan mhux ser ikun faċli li jintlaħaq. Jekk tfittex fid-dokument dwar l-agri-turiżmu inkella dwar l-eko-turiżmu, ma issib xejn. Dan iwassal għall-konklużjoni inevitabbli li l-istrateġija mhiex waħda dwar it-turiżmu iżda iktar dwar il-lukandi.

Id-dokument jgħidilna li l-aħjar xenarju sal-2030 jindika żieda fin-numri tat-turisti mit-2.75 miljun li waslu fl-2019 għal ċifra ta' bejn it-3 miljuni u 3.2 miljun turist fis-sena. Dan jiġġenera talba annwali ta’ madwar  21 miljun lejl.  L-istrateġija tinfurmana li meta wieħed iqis kemm is-sodod liċenzjati kif ukoll dawk ippjanati jasal għal konklużjoni li ser ikun hemm il-problemi għax madwar 40 fil-mija tas-sodod ser ikunu vojta. Il-pożizzjoni tkun ħafna agħar jekk dawk li jipprovdu sodod mingħajr ma huma liċenzjati jkunu ikkunsidrati ukoll.

Dan jindika li l-industrija tat-turiżmu ser tkunilha diffiċli li tirkupra għax issa trid iġġorr ukoll il-piż u l-impatt tal-permessi ta’ żvilupp bla bżonn li ħarġu tul dawn l-aħħar snin. In partikolari dan hu effett tal-logħob kontinwu bir-regoli dwar l-għoli permissibli ta’ lukandi u l-flessibilità esaġerata fl-ippjanar tal-użu tal-art.

Dan ma jwassalx għal titjib fil-kwalita li l-istrateġija qed timmira għaliha fit-turiżmu. It-taħwid fl-ippjanar tal-użu tal-art issa qed jeffettwa lit-turiżmu ukoll. Mhux ta’ b’xejn li dak li kien CEO tal-Awtorità tal-Ippjanar issa hu s-CEO tal-Awtorità tat-Turiżmu. Hi forma ta’ ġustizzja poetika: min għandu responsabbiltà għas-sitwazzjoni li żviluppat issa qiegħed fil-pożizzjoni li jrid jiffaċċja l-konsegwenzi.

U issa fejn sejrin? 

L-awturi tal-istrateġija huma konxji li hemm il-possibilità ta’ soluzzjonijiet oħra imma dawn imaqdruhom. Tul dawn l-aħħar xhur kien possibli li jkun eżaminat ir-rwol tat-turiżmu fil-kuntest soċjo-ekonomiku Malti.  Il-pandemija tal-Covid-19 wasslet għal tnaqqis sostanzjali fil-moviment tal-persuni, ħajja inqas mgħaġġla, tnaqqis tal-emissjonijiet u tnaqqis ta’ bosta aspetti oħra negattivi li dwarhom it-turiżmu hu identifikat bħala l-kontributur ewlieni.  

Kuntrarjament għal dak li tipprova tgħid l-istrateġija, mhux simplistiku l-argument ta’ dawk li jidhrilhom li għandna nqisu u nikkalibraw mill-ġdid l-industrija tat-turiżmu.  Attività turistika mnaqqsa tkun ta’ benefiċju għall-pajjiż għax ikun inqas iffullat u dan b’benefiċċju kemm għar-residenti kif ukoll għal dawk li jiġu jżuruna.  Huwa ovvju li attività turistika mnaqqsa twassal  għal kontribuzzjoni mnaqqsa tat-turiżmu lejn l-ekonomija tal-pajjiż. Imma min-naħa l-oħra tnaqqas ukoll l-impatti ambjentali u soċjali fuq il-pajjiż kollu. Dawn huma impatti li ħafna drabi jinħbew inkella jintefgħu fuq ħaddieħor. Għax l-ispejjeż li irridu nerfgħu mhumiex biss dawk ta’ natura finanzjarja imma wkoll dawk ambjentali u soċjali.  

Xi xhur ilu ktibt dwar it-turistofobia, terminu maħluq mill-antropologu Katalan Manoel Delgado. Terminu li jindika taħlita ta’ stmerrija, nuqqas ta’ fiduċja u tmaqdir tat-turiżmu. L-iskuntentizza soċjali assoċjat mal-inkonvenjent maħluq minn żieda fit-turiżmu ma tistax tibqa’ tkun injorata. 

Fost l-affarijiet li qed jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ din il-biża mit-turiżmu hemm il-pressjonijiet soċjali u l-impatti ambjentali (kemm skart b’mod ġenerali kif ukoll il-kontribut għal attività esaġerata tal-industrija tal-kostruzzjoni), konġestjoni tat-traffiku, storbju, it-theddida tat-telf tal-identità kulturali u konflitti soċjo-kulturali.

It-triq ta’ irkupru mill-impatti tal-pandemija Covid-19 hi opportunità unika biex dawk involuti fl-ippjanar tat-turiżmu jieħdu nota ta’ dan kollu u jagħtu kaz tar-realtajiet ta’ madwarna. Sfortunatament min fassal l-istrateġija qed jipprova jaħrab mir-realtà!

More in Politika