Owen Bonnici | Ekosistema robusta ta’ innovazzjoni

Il-Gvern irid ikun l-ixprun u l-entità li tqarreb il-fondi – kemm nazzjonali u kemm Ewropej – lejn ir-riċerkaturi

Sabiex pajjiżna jkompli jirnexxi mhux biss fil-preżent, imma anke fil-futur, irridu nibnu ekosistema robusta ta’ innovazzjoni.

Il-kelma ekosistema tfisser sistema interkonnessa fejn kulħadd jilgħab il-parti tiegħu u jaqdi rwol importanti.  Fejn tidħol ir-riċerka u l-innovazzjoni hemm diversi “players” li jridu jilagħbu flimkien u jiġbdu ħabel wieħed - l–Industrija li toħloq ix-xogħol u l-karrieri u tkabbar il-ġid, l-Università ta’ Malta li għandha tradizzjoni b’saħħitha ħafna ta’ riċerka, l-MCAST li fl-aħħar snin bdiet toħloq ukoll in-nukleu tagħha ta’ riċerka applikata u vokazzjonali, ir-riċerkaturi nfushom u l-klassi politika li trid toħloq ambjent seren ta’ kunsens u qbil nazzjonali sabiex dan is-settur jiffjorixxi.

Il-Gvern naturalment irid ikun l-ixprun u l-entità li tqarreb il-fondi – kemm nazzjonali u kemm Ewropej – lejn ir-riċerkaturi.

Jekk jirnexxielna nibnu u nsaħħu din l-ekosistema robusta ta’ innovazzjoni jien ma għandix dubju li pajjiżna se jkompli jirnexxi, se jkompli jirreġenera ruħu u jsaħħaħ u jkabbar niċeċ importanti ħafna li jrendu xogħol tajjeb u ta’ kwalità.

 Din il-ġimgħa żort il-kumpanija internazzjonali Carlo Gavazzi fejn stajt nara l-ħidma li ssir mill-ħaddiema tat-taqsima tar-Riċerka u l-Iżvilupp fi ħdan l-istess kumpanija sabiex tniedi b’mod kontinwu soluzzjonijiet teknoloġiċi u innovattivi li jagħmlu tant differenza għall-aħjar lis-setturi tal-industrija li joperaw fiha.

***

Il-kumpanija Carlo Gavazzi hija eżempju ċar u b’saħħtu ta’ kif ir-riċerka u l-innovazzjoni fis-settur privat hija ċ-ċavetta għal iktar kompetittività, ħolqien ta’ impiegi ġodda u tkabbir ekonomiku.  Fatt li lili laqatni hafna hu li t-tim tar-Riċerka u l-Iżvilupp ta’ din il-kumpanija jammonta għal 15% tat-total tal-ħaddiema kollha u huwa maghmul kemm minn irgiel u kemm minn nisa li hija ħaġa tajba ħafna.

Il-prodotti li joħorġu minn din il-kumpanija huma kkreati, żviluppati, manifatturati u ttestjati kollha lokalment.  Laqatni hafna l-punt li l-kumpanija tikkollabora ħafna mal-Università ta’ Malta u l-MCAST għal taħriġ tal-istaff u l-apprentistat u anke fuq il-prodotti nfushom u  riċentament ipparteċipat fi programmi offruti minn diversi entitajiet, inkluż il-Kunsill Malti ghax-Xjenza u t-Teknologija (MCST), bħala għajnuna għar-ricerka u l-izvilupp tal-prodotti tagħhom.  Ħadt gost nisma’ l-esperti jkellmuni dwar l-isfidi li jiltaqgħu magħhom anke fejn jidħol aċċess għal ċertu apparat importanti ħafna.

Il-kumpanija, li twaqqfet Malta fl-1978, hija responsabbli mis-‘Switches’ product line portfolio bil-klijenti ewlenin tagħhom huma kumpaniji li jimmanifatturaw prodotti għall-ventilazzjoni, l-arja kkundizzjonata, l-ippakkjar, u għall-ikel u x-xorb.  It-taqsima tar-riċerka u l-iżvilupp fi ħdan din il-kumpanija, twaqqaf lura fl-1998.  

Hemm diversi innovazzjonijiet li ħarġu mingħand il-kumpanija Carlo Gavazzi u din il-kumpanija rebħet diversi premji għall-innovazzjonijiet li hija wettqet.  Ħadt gost niltaqa’ mal-Inginier Noel Micallef, General Manager tal-kumpanija, u l-Inginier Roger Galea li hu l-Manager tar-Ricerka u l-Innovazzjoni fejn bil-mod tant akkoljenti tagħhom, dawruni mad-diversi sezzjonijiet fil-binja tagħhom fiż-Żejtun u huma t-tnejn nies tal-affari tagħhom ħafna.  Fit-taħdita li kelli magħhom, jien tkellimt mill-inqas u smajt ħafna ghax ridt nitgħallem mingħand nies ta’ dan il-kalibru li l-innovazzjoni u r-riċerka hija fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.

Biex pajjiżna jibni ekosistema robusta ta’ innovazzjoni, hu krucjali li l-istudenti tagħna jersqu lejn l-oqsma STEM - xjenza, teknologija, inginerija u matematika -  sa minn età zgħira. Aħna min-naħa tagħna qed ninċentivaw kemm nistgħu s–suġġetti STEM sabiex ngħollu l-profil tagħhom u nħajru iktar tfal u żgħażagħ jersqu lejn dawn is-setturi.

Din il-ġimgħa, nidejna l-ewwel edizzjoni tal-Premji Nazzjonali għax-Xjenza, Teknoloġija, l-Inġinerija u l-Matemika li qed insejħulhom STEM.  Dan l-avveniment se jkunu ospitat fiċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza.

L-aqwa professjonisti f’Malta se jiġu ppremjati, rikonoxxuti u onorati għall-kontribut li taw fil-qasam tagħhom tas-suggetti STEM u b’hekk lis-soċjetà b’mod ġenerali. Dawn il-premji huma frott l-inizjattiva tal-iSTEM Engagement Working Group immexxi minn Esplora.

Il-Kategorijii tal-Premji Nazzjonali STEM għandhom l-għan li jonoraw u jirrikonoxxu lil dawk il-persuni u entitatjiet li bis-saħħa tal-espressjoni personali tagħhom, qajmu aktar għarfien dwar il-pilastri STEM kemm lokalment kif ukoll f’ċerti każijiet barra minn xtutna.

Għall-fini ta’ dawn il-premji, is-suġġetti STEM ikopru x-xjenzi tal-ħajja, ix-xjenzi fiżiċi, il-matematika, l-IT, l-inġinerija u x-xjenza ambjentali.

Preżenti għat-tnedija kien hemm ukoll il-kollega tiegħi, ic-Chairperson tal-Kullegg Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija Dr Jeffrey Pullicino Orlando.  Qbilt ma’ dak li qal Jeffrey meta saħaq li hemm nuqqas ta’ ħiliet f’ċerti industriji, partikolarment fil-qasam ta’ STEM. U huwa hawn, fejn dawn il-premji se joħolqu entużjażmu ġdid fejn permezz ta’ dawn il-miżuri bħal Premji Nazzjonali STEM, il-Working Group qed jilgħab rwol importanti sabiex iqanqal l-interess tal-pubbliku fix-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Inġinerija u l-Matematika, u b’hekk jgħin li jindirizza dan il-fenomenu. Tajjeb ngħidu li dawn il-premijiet se jkunu qed jiġu mogħtija kull sentejn u ċ-ċerimonja qed isservi tajjeb ħafna bħala pjattaforma li tirrikonoxxi u tonora l-ħidma impekkabbli u bla heda tal-professjonisti li jaħdmu fil-qasam ta’ STEM – li jvarjaw mill-edukazzjoni, l-ekonomija u s-soċjetà.

Il-Premji Nazzjonali STEM se jingħataw għall-kategoriji li jmiss:

Best Primary Class Teacher for Inspiring Children in STEM, Best Secondary School Teacher for Contribution to STEM, Lifetime Contribution to STEM,  Young Researcher, Engaged Researcher, Women in STEM,  STEM Ambassador, Best STEM Employer, Best STEM Community Project u Best STEAM Project (People’s Choice). 

Dawk li huma interessati li jinnominaw lilhom innifishom jew lil xi ħadd tal-għażla tagħhom, għandhom jagħmlu dan sal-15 ta’ Frar 2021 permezz tal-formola online fuq is-sit tal-Esplora.

Barra minn hekk, infakkar ukoll li l-Esplora qed jesibixxi wirja ta’ posters dwar professjonisti fil-qasam STEM. Din il-wirja se tkun miftuħa għall-pubbliku minn Jannar sa Marzu. Apparti din il-wirja, ġew prodotti wkoll serje ta’ 4 videos u ktejjeb diġitali li jiffukaw fuq professjonisti STEM. Dawn jistgħu jitniżżlu b’xejn minn fuq esplora.org.mt.

Din il-ħidma kollha qed issir biex pajjiżna jkompli jirnexxi u nħallu futur aħjar lil uliedna u ulied uliedna.

More in Politika