Carmel Cacopardo | Ħbieb tan-natura ... b’subgħajhom fuq il-grillu

B’mod redikolu, meta Bernard Grech iltaqa’ ma’ rappreżentanti tal-kaċċaturi, l-FKNK, huwa iddeskriva lill-kaċċaturi u lin-nassaba bħala ħbieb tan-natura. Il-ħbieb tan-natura ma jkunux armati!   

Il-ġimgħa li għaddiet, l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ħatar il-kelliema tal-Oppożizzjoni (Shadow Cabinet), fosthom kelliemi għall-kaċċa u l-insib. Mexa fuq il-passi tal-Gvern u ssepara din ir-responsabbiltà minn dik ambjentali, fejn hu postha. 

B’dan il-pass, il-Partit Nazzjonalista ukoll tana messaġġ ċar li anke hu jiġu jaqa’ u jqum mir-responsabbiltajiet ambjentali tal-pajjiż. Il-kaċċa u l-insib għandhom ikunu regolati skond id-Direttiva Ewropeja dwar l-Għasafar.  

Il-Gvern qiegħed kontinwament attent li jbiegħed il-kaċċa u l-insib mill-istrutturi regolatorji ambjentali biex jasserixxi l-kontroll politiku. Il-Unit dwar l-Għasafar fl-2013 inqala’ mill-qafas regolatorju ambjentali. L-ewwel tqiegħed fil-Ministeru responsabbli mill-agrikultura u issa spiċċa fil-Ministeru għal Għawdex. 

Il-Partiti fil-Parlament huma ċari fil-messaġġ tagħhom: il-kaċċa u l-insib, għalihom mhux meqjusa ambjent, imma jarawhom biss f’termini ta’ voti.  

Il-kaċċa u l-insib għandhom ikunu regolati f’qafas regolatorju ambjentali, speċifikament bħala parti minn strateġija realistika dwar il-biodiversità. Din hi raġuni ewlenija għalfejn nopponu bil-qawwa l-kaċċa fir-rebbiegħa. Għax hu fir-rebbiegħa li n-natura jkollha l-possibilità li tistejqer u tirriġenera ruħha. Jekk mhux ser tieqaf il-kaċċa tal-għasafar fir-rebbiegħa tibqa’ tikber il-ħsara lill-biodiversità. Din hi verità ambjentali bażika li iktar ma tkun aċċettata minn kulħadd, aħjar.  

NET TV nhar l-Erbgħa irrapporta li Edwin Vassallo inħatar bħala l-kelliemi tal-PN fil-Parlament dwar il-ħarsien tad-delizzji tradizzjonali. Għax il-PN, bħall-Labour, iħarsu lejn il-kaċċa u l-insib tal-għasafar esklussivament f’termini ta’ voti. Għad m’għandhomx idea dwar l-impatti ambjentali li qed jinjoraw. 

B’mod redikolu, meta Bernard Grech iltaqa’ ma’ rappreżentanti tal-kaċċaturi, l-FKNK, huwa iddeskriva lill-kaċċaturi u lin-nassaba bħala ħbieb tan-natura. Il-ħbieb tan-natura ma jkunux armati!   

Minn meta ‘l hawn il-ħbieb tan-natura jisplodu l-għasafar fl-ajru jew jaqfluhom f’gaġeġ?  

Huwa ċar li Bernard Grech u l-PN li hu jmexxi, għadu mħawwad fejn jikkonċerna l-ambjent. Mhiex xi ħaġa ġdida din!  Tfisser biss li l-PN għadu ma tgħallem xejn minn dak li għadda minnu f’dawn l-aħħar snin. Billi jilgħaq lill-kaċċaturi u lin-nassaba mhu ser jasal imkien. 

F’qasam fejn diversi għadhom jippretendu li jagħmlu li jridu kont nistenna li Bernard Grech jappoġġa lil dawk li qed jinsistu għal regolamentazzjoni rigoruża tal-kaċċa. Kliemu, sfortunatament, jinkoraġixxi lil dawk li jabbużaw, inkluż lil dawk li jiġu jaqgħu u jqumu minn l-għasafar protetti. Għandu jifhem ukoll li l-perjodu ta’ tranżizzjoni dwar l-insib kif imfisser dettaljatament fit-trattat li bih Malta issieħbet fl-EU ilu li skada.  Dan ifisser li l-insib suppost li ilu li spiċċa minn Malta. Il-kummenti ta’ Bernard Grech, għaldaqstant jinkoraġixxu attività illegali. Is-saltna tad-dritt, Dr Grech, tapplika għall-kaċċa u l-insib ukoll! 

F’Jannar 2017, predeċessur ta’ Bernard Grech ippubblika l-politika ambjentali tal-PN fi ktejjeb intitolat “Kwalità tal-Ħajja Aħjar”.  F’dan id-dokument ma ssibx referenza għall-kaċċa u għall-insib. Id-dokument jiddiskuti l-biodiversità f’termini ġenerali u jemfasizza li f’Malta l-ekosistemi mhux imħarsa u l-biodiversità qed tiddgħajjef kontinwament.  L-appoġġ tal-PN lill-kaċċa u l-insib (bħalma jagħmel il-Labour) hu attakk frontali kontra l-biodiversità. Hemm bżonn li jiġu f’sensihom.  

L-insib diġa hu illegali. Anke l-kaċċa jeħtieġ li tkun imrazzna u mhux tkun inkoraġġita. 

Ambjentalment il-PN għadu lura ħafna. 

More in Politika