Minn meta twieldet il-Camera Del Lavoro. 100 sena ta' storja tal-Partit Laburista (2)

F'din it-tieni parti mill-intervista dwar l-istorja tal-Partit Laburista ma' Francis Galea nagħtu ħarsa lejn il-kunflitti ta' Mintoff mal-Ingliżi u s-sehem li lagħbu persuni bħal Mabel Strickland u l-Arċisqof Mikiel Gonzi.  Galea jwieġeb dwar il-Mexxejja Laburisti u l-bidla fid-dehra ... 

( ... ikompli mill-ġimgħa l-oħra.  Tistgħu taqraw l-ewwel parti hawnhekk)

5 - Il-Partit Laburista kien jissejjaħ il-Partit tal-Ħaddiem, liema dejjem kienu l-akbar alleati medjatiċi u oltrè tal-Partit Laburista?  Kif għenu fil-kisbiet tal-partit matul is-snin? U liema kienu l-akbar avversarji - mill-ġdid medjatiċi u oltrè, tal-Partit Laburista?

Lejn it-tmiem tas-snin ħamsin meta l-perit Mintoff ra li l-Gvern Ingliż ma ried bl-ebda mod jilħaq ftehim għal trattat finanzjarju, irriżenja minn Prim Ministru. It-28 ta’ April 1958 ġie dikjarat Jum ta’ Luttu Nazzjonali. It-toroq u l-ħwienet spiċċaw baħħ u kważi ħadd ma mar xogħol waqt li t-tfal ma marrux skola. Xi ftit karozzi tal-linja li ppruvaw jaħdmu twaqqfu minn dawk li kienu fit-toroq jaraw biex l-istrajk ikun suċċess. Xi persuni attakkaw u ħarqu għases tal-Pulizija fosthom f’Ħaż-Żabbar, iż-Żejtun u Bormla. Sadanittant il-comandos Ingliżi u pulizija Maltin immexxija mill-Kummissarju Vivien De Gray kien ilhom jimbxu lill-Maltin u f’dan il-jum bdew isawtu lil kull min jiġi quddiemhom.

L-Arċisqof Gonzi għamel il-maqlub ta’ dak li għamel ftit qabel il-President u Arċisqof Makarios ta’ Ċipru. Ħareġ jikkundanna liż-żgħażagħ Laburisti u tal-General Workers’ Union li mill-banda l-oħra bdew jittellgħu l-Qorti u jeħlu sentenzi ta’ ġimgħat ħabs. Fil-pajjiż kellna diżordni kbira, iżda l-perit Mintoff malajr talab lin-nies biex jinġabru f’darhom. Issa, ladarba l-Ingliżi ma riedux jafu bi ftehim jew integrazzjoni, il-Mexxej Laburista ħareġ bl-għajta għall-Indipendenza.

Hawn, il-ġurnali ta’ Strickland House wara li kienu kontra l-Partit Nazzjonalista u jgħajruh Partit Saħta ta’ Malta dawru l-kanuni kollha fuq il-Partit Laburista filwaqt li komplew jinċensaw lill-Gvern Ingliż. L-istess għamel il-ġurnal tal-kurja Leħen is-Sewwa li kompla jpinġi lill-perit Mintoff u lil-Laburisti bħala ħomor u komunisti.

L-awtur tal-ktieb Francis Galea u ħdejh l-eks PM Joseph Muscat
L-awtur tal-ktieb Francis Galea u ħdejh l-eks PM Joseph Muscat

F’din is-sitwazzjoni l-perit Mintoff għażel it-triq ta’ konfrontazzjoni u attakka lill-Arċisqof Gonzi bħala kompliċi mal-Gvern Ingliż meta kompla jilqa’ l-istedina tal-Gvernatur u jattendi għall-bibiti li jorganizza. B’hekk reġa’ beda jitwieled mill-ġdid konflitt bejn iż-żewġ naħat li b’konsegwenza ta’ hekk inħolqot problema ta’ kwistjoni politikoreliġjuża. Is-sitwazzjoni baqgħet sejra għall-agħar u l-Gvern Ingliż iddikjara stat ta’ emerġenza u razzan id-dimostrazzjonijiet u l-meetiings pubbliċi. L-istorja irrepetiet ruħha u l-pajjiż reġa’ beda għaddej minn ġrajjiet bħal dawk tal-Konti Strickland fl-1929.

F’pajjiżna reġgħet bdiet tinħass il-firda bejn il-klassi tas-sinjuri u l-klassi tal-ħaddiema. Il-ħajja kompliet togħla u l-pagi baqgħu kif kienu. Fit-Tarzna bdew jingħataw is-sensji, u l-poplu ma kellu sigurta` ta’ xejn. Fil-15 ta’ April 1959 ġiet revokata l-Kostituzzjoni u l-Gvern Ingliż beda jmexxi l-pajjiż b’id iebsa u sawwar Kunsill tal-Gvern li fih iddaħħlu erba’ pupazzi Maltin biex taparsi l-poplu għandu rappreżentanza. 
Sadanittant il-Partit Laburista kompla jaħdem u jikkomunika ma’ pajjiżi tal-Commonwealth speċjalment dawk li ħadu jew waslu biex jieħdu l-indipendenza kif ukoll mal-Għaqda tan-Nazzjonijiet Uniti. Dan bit-tama li jtella’ l-kwistjoni prekarja ta’ Malta fl-aġenda tagħhom u jintervjenu mal-Gvern Ingliż.

Din is-sitwazzjoni kompliet saħħet il-kamp Laburista. Minkejja li l-Partit ma setax ikompli juri s-saħħa tiegħu fil-meetings, xorta baqa’ jorganizza laqgħat fil-magħluq, u jiċċelebra Jum il-Ħaddiem fil-grawnd tal-Gżira. Tant il-Partit kellu riżultati tajbin li f’dan il-perijodu ssaħħet l-Għaqda tan-Nisa fi ħdanu filwaqt li twieldet ukoll il-Brigata Laburista.

Min-naħa tal-partiti politiċi l-oħrajn, Mabel Strickland baqgħet għaddejja bil-politika li tfaħħar l-għemejjel tal-Gvernatur waqt li tgħajjar lill-perit Mintoff u lill-partitarji Laburisti. Il-Partit Nazzjonalista kien kwiet u ftit li xejn ta  reazzjoni għalkemm fil-parlament kien qabel mal-Break with Britain Resolution imressqa mill-perit Mintoff. Iżda fl-istess waqt, il-qawwa tal-perit Mintoff tant beżżgħet lill-Gvern Ingliż u lill-knisja, li dawn bdew jimbuttaw persuni oħrajn biex jidħlu fix-xena politika.

L-ewwel wieħed kien l-Av. Herbert Ganado li wara li attakka lill-Kap Ġorġ Borg Olivier u ma rnexxilux ineħħiħ, waqqaf il-Partit Demokratiku Nazzjonalista. Wara, is-Sur Toni Pellegrini telaq il-Partit Laburista u ħareġ bil-Partit tal-Ħaddiema Insara. Imbagħad kien imiss lill-Kap tal-Ħabs George Ransley li fforma l-Partit Demokratiku Nisrani. Uħud minn dawn bdew joħorġu l-ġurnal tagħhom u l-mira dehret li riedu jgħixu taħt id-dell tal-knisja u jattakkaw bla rażan u spiss anke bl-aktar mod baxx lill-Partit Laburista.

L-Arċisqof Gonzi ma' Mintoff
L-Arċisqof Gonzi ma' Mintoff

6 - Kif tiddeskrivi l-effett ta' Pawlu Boffa, Dom Mintoff, Karmenu Mifsud Bonnici, Alfred Sant u Joseph Muscat kemm fuq il-Partit Laburista, imma wkoll l-effett li dawn it-tliet mexxejja politiċi kellhom fuq il-Partit Nazzjonalisita u l-avvenimenti li seħħew fih matul is-snin?

Kull mexxej Laburista, tħalli għall-ewwel tnejn meta l-Partit kien għadu żgħir u fit-twelid tiegħu, kollha saru Prim Ministri. Saru mexxejja tal-poplu Malti u Għawdxi bl-għajta li jgħożżu, ifaħħru u jiġġieldu għal Malta f’kull sitwazzjoni u ma’ kulħadd. Iżda minbarra l-imħabba lejn pajjiżna l-ħames mexxejja u Prim Ministri, mit-tabib Boffa sal-Avukat Robert Abela dejjem poġġew fuq quddiem mhux biss l-interessi ta’ Malta, iżda fuq kollox l-interessi tal-poplu ħaddiem u ħawtiel Malti.

L-eks Prim Ministri Dom Mintoff u bilqiegħda ħdejh Pawlu Boffa
L-eks Prim Ministri Dom Mintoff u bilqiegħda ħdejh Pawlu Boffa

Meta nħarsu lejn dawn il-persunaġġi naraw li t-tabib Boffa wennes il-Partit fl-agħar żminijiet, u minkejja t-theddid kollu, irnexxilu jżomm it-torċa Laburista tixgħel. Wara t-tieni gwerra dinjija t-tabib Boffa mgħejjun minn Reġġie Miller reġa’ saħħaħ il-Partit biex ħa l-Gvern f’idejh u beda jdaħħal l-ewwel pensjonijiet f’pajjiżna. Jgħinuh kellu ħassieba u intelletwali xellugin fosthom Ġuże` Orlando, Moses Gatt u John F. Marks.

Warajh niltaqgħu mal-perit Mintoff ħabrieki biex idaħħal ir-riformi meħtieġa kemm fil-Partit kif ukoll fil-Pajjiż. Il-perit Mintoff ħadem bis-sħiħ biex il-Partit dejjem ikollu l-ġurnal tiegħu sa wasal biex fl-eqqel żmien tas-snin sittin, irnexxilu jkollu l-istamperija tal-Freedom Press. Huwa wettaq tibdil siewi biex Malta ssir Stat Ħieles meta fit-13 ta’ Diċembru 1974 Malta saret Repubblika b’Kostituzzjoni ġdida ta’ Malta Maltija. Bħala riformatur, lill-perit Mintoff narawh bħala l-bniedem li b’kuraġġ kbir ressaq liġijiet siewja, u wħud minnhom li jiswew bosta flus, basta dawn imorru b’risq il-ħaddiema biex itejbilhom ħajjithom. Irridu niftakru wkoll li l-perit Mintoff daħħal miżuri akbar fis-snin sebgħin speċjalment il-bonus lill-ħaddiema kollha, l-allowance tat-tfal u l-pensjoni lil persuni b’diżabilita` fiżika jew mentali. Din kienet waħda mill-akbar opri tal-ħniena u sfida fil-pajjiż għaliex sa dak iż-żmien kull min kellu tfal b’diżabilita` kien jaħbihom u ma joħroġhom qatt minn daru.

Karmenu Mifsud Bonnici
Karmenu Mifsud Bonnici

Permezz ta’ dan il-benefiċċju dawn it-tfal ġew irreġistrati u bdew jirċievu ħlas kull ġimgħa, u ħafna minnhom inħarġu minn djarhom u anke bdew jattendu skejjel u workshops li nfetħu apposta għalihom. Il-perit Mintoff laħaq il-quċċata tal-mira tiegħu fil-31 ta’ Marzu 1979 meta l-aħħar baħrin u suldati Ingliżi telqu minn xtutna u sirna tassew ħielsa.

Warajh kellna lill-Mexxej Karmenu Mifsud Bonnici li wara sentejn u nofs Prim Ministru, għadda biex imexxi l-Partit mill-bankijiet tal-Oppożizzjoni. Irridu niftakru li fi żmienu l-Av. Mifsud Bonnici daħħal riforma kbira fl-iskejjel li kellna oppożizzjoni kbira kontra tagħha, minkejja li l-effetti tagħha għadhom jitgawdew sa llum. Meta fl-Oppożizzjoni, dan il-mexxej irnexxilu jżomm il-Partit sod u magħqud fil-waqt li t-tjubija u l-kariżma tiegħu żammew lill-partitarji mimlija tama jaħdmu għal żmien aħjar. Hawn irridu nqisu li l-Gvern Laburista kien ilu 15-il sena fil-Gvern, u għadda minn attakki kiefra u nies imsawta kif ħareġ ir-riżultat tal-elezzjoni tal-1987.

Kellna mbagħad lil Dr Alfred Sant li sar mexxej fl-1992 u rebaħ l-ewwel elezzjoni ġenerali li kkontesta fl-1996. Huwa ħadem bis-sħiħ biex il-Partit Laburista jkollu mezz ta’ komunikazzjoni b’saħħtu u qawwi li jasal fid-djar tan-nies permezz ta’ Super One TV waqt li saħħaħ ukoll l-Amministrazzjoni tar-Radju. Huwa kien protagonist biex jagħlaq il-Maċina li kienet isservi bħala Kwartieri Ġenerali u nbnew Kwartieri ġodda u moderni għaż-żmien li konna fih, fil-Ħamrun. Fi żmienu wkoll beda kull nhar ta’ Ħadd joħroġ il-ġurnal Laburista KullĦadd. Kawża tal-konflitt li nqala’ bejnu u l-perit Dom Mintoff dwar il-yacht marina tal-Birgu u l-Baġit li kien qed jiġi ppreżentat, huwa mar għal elezzjoni bikrija fl-1998.

Joseph Muscat
Joseph Muscat

Wara li l-Partit Laburista dam fl-Oppożizzjoni bejn l-1998 sal-2013, daħal imexxi l-Partit Dr Joseph Muscat li wara ħames snin fl-Oppożizzjoni rebaħ l-elezzjoni bl-għajta ta’ Malta tagħna Lkoll. Sena wara sena Dr Muscat daħħal riformi siewja u kontroversjali, fosthom tal-Ugwaljanza u tal-LGBTIQ. Saru riformi kbar fil-pensjonijiet, u nġieb ħafna investiment barrani. Fil-ħidma tiegħu baqa’ jissemma għal-liġijiet ġodda fosthom tal-Finanzjament tal-Partiti u t-tneħħija tal-Preskrizzjoni biex membri parlamentari jibqgħu dejjem responsabbli għal għemilhom. Huwa reġa’ rebaħ l-elezzjoni tal-2017 bl-akbar numru ta’ voti li qatt intrebħet elezzjoni f’pajjiżna filwaqt li fi żmienu dejjem intrebħet il-maġġoranza f’kull elezzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali.

F’Jannar 2020 laħaq Mexxej tal-Partit l-Av. Robert Abela li mill-ewwel beda biex ħa deċiżjonijiet iebsa billi nbidlu s-sistemi ta’ kif jinħatru l-ġudikatura, l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija. Huwa ħa pożizzjoni u deċiżjonijiet iebsa mal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-immigrazzjoni irregolari. Sfortunatament wara biss xahrejn bħala Prim Ministru, Malta bħall-bqija tad-dinja ntlaqtet bil-pandemija Covid 19, u l-kontinwita` li kien qed jaħdem fuqha l-Prim Ministru kellha tiffoka fuq problemi oħrajn. Fi ftit xhur kellhom isiru tliet mini baġits ta’ miljuni kbar sabiex jiġu salvati l-impjiegi, u jingħataw sussidji lill-industriji u lill-ħaddiema li jitilfu x-xogħol. B’determinazzjoni qawwija u bl-aktar mod kalm u meqjus il-Gvern għadu jiffoka fuq il-ġlieda kontra l-pandemija, sa ma forsi jiġi żviluppat il-vaċċin li jista’ jnaqqas l-effetti koroh tagħha.

7 - L-immaġini tal-partit inbidel maż-żmien.  Fil-qasir tista' tgħaddi lill-qarrejja minn analiżi tiegħek tal-immaġini tal-partit  (Armi, messaġġi .... ) u kif din inbidlet minn Mintoff għal Alfred Sant u mill-ġdid imbagħad għal Muscat? 

Ma poġġejtx bilqiegħda nikteb l-istorja tal-Partit Laburista bħalma qed inwieġeb il-mistoqsijiet li qed tagħmilli. Qabel dawn iż-żewġ volumi ktibt kotba oħrajn fuq il-Partit Laburista jew personaġġi Laburisti. Jiena u għaddej bir-riċerka dejjem kont niltaqa’ u niġbor il-materjal l-aktar siewi, fosthom il-programmi elettorali tal-Partit Laburista. Meta kelli dawn miġbura, bdejt nimla bejn programm u ieħor jew aħjar bejn elezzjoni u oħra l-ġrajjiet li seħħew u kif u ’lfejn kien sejjer il-Partit Laburista. Fiż-żmien ta’ qabel l-elezzjoni tal-2013 kont tellajt madwar tnejn u għoxrin programm fuq Radju ONE bejn l-10.00 u nofsillejl, u li fih konna nilqgħu telefonati mingħand is-semmiegħa. Il-programm kien jippreżentah Jesmond Zammit Marmara. Fil-fatt l-iskript ta’ dawn il-programmi għaddejthom lil Mark Farrugia biex fuqhom ħadem il-programmi dwar il-100 Sena tal-Partit Laburista li qed jixxandru bħal issa fuq ONE TV.

Meta bdejt naħdem fuq l-ewwel volum tal-Istorja tal-Partit Laburista li ħareġ fl-2017 tajt ħarsa lejn dawk il-persuni li bil-ħsibijiet u l-ħidma tagħhom wasslu fl-imħuħ il-ħtieġa ta’ Partit tal-Ħaddiema fil-gżejjer Maltin. Dan sa ma wasalt għall-ħidma tal-Assemblea Nazzjonali u l-kisba tal-Kostituzzjoni. Imbagħad dħalt biex nara l-ħidma tal-Partit Laburista kif ukoll ta’ partiti oħrajn li ħadu sehem fl-elezzjonijiet ġenerali mill-1921 bit-telfiet tal-Kostituzzjoni u l-introduzzjoni tal-Kunsill tal-Gvern kull meta ħadulna l-Kostituzzjoni. Naraw il-Partit li minn Camera del Lavoro morna għal Partit tal-Ħaddiema u Partit tax-Xogħol, sa ma aktar tard sar magħruf bħala Malta Labour Party, jew Partit Laburista. 

Matul iż-żmien, il-Partit Laburista bidel l-arma, emenda u tejjeb l-istatut u xi ideat jew direzzjoni permezz tal-maġġoranza tal-Eżekuttiv Nazzjonali. Il-Konferenza Ġenerali Annwali dejjem kienet u baqagħet meqjusa bħala l-għola istituzzjoni tal-Partit, tant li wara kull elezzjoni l-Mexxej stess ikun irid jersaq quddiem id-delegati f’Konferenza Ġenerali Straordinarja biex japprova jew jiddiżapprova. Dan kollu juri li sa minn twelidu l-Partit Laburista kien u baqa’ l-aktar partit demokratiku u miftuħ għan-nies fil-gżejjer ta’ Malta u Għawdex.
 

Il-maktur tat-torċa (l-antik) fl-isfond tat-Tritoni
Il-maktur tat-torċa (l-antik) fl-isfond tat-Tritoni

More in Politika