Minn Ottubru 1920 sal-lum. 100 sena ta' storja tal-Partit Laburista (1)

Il-Partit Laburista din is-sena jagħlaq 100 sena ta' eżistenza:  Mit-twaqqif tiegħu fl-1920 b'£25 minn 12-il persuna, il-battalji ta' Mintoff mal-Ingliżi u mal-Arċisċof Gonzi sal-elezzjoni tal-Mexxej u Prim Ministru preżenti Robert Abela.  Il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lejn dawn il-100 sena mal-awtur tal-ewwel Volum tal-Istorja tal-Partit Laburista, Francis Galea, hekk kif din il-ġimgħa ħareġ it-tieni volum tal-istess ktieb

L-eks Prim Ministri Dom Mintoff u bilqiegħda ħdejh Pawlu Boffa
L-eks Prim Ministri Dom Mintoff u bilqiegħda ħdejh Pawlu Boffa

1  - Il-Partit Laburista huwa tradizzjonalment id-dar naturali tal-fqir u l-emarġinat.  Kif - kemm wara l-gwerra u maż-żmien - esebixxa dan u offra protezzjoni u dinjità lill-fqir, fuq livell ta' policy, fil-Gvern u l-Oppożizzjoni l-Partit Laburista? 

Il-Partit Laburista twieled bl-isem ta’ Camera del Lavoro fil-15 ta’ Ottubru 1920 b’£25 li ħarġu mill-but 12-il pijunier ġejjin minn kull qasam tal-ħajja, iżda l-aktar, ħaddiema tal-id. Wara dan il-grupp biddel l-isem għal Labour Party Club, iffurmaw kumitat u bdew jiltaqgħu ta’ spiss u qatgħuha li jikkontestaw l-elezzjoni ġenerali wara li ngħatajna l-Kostituzzjoni. Sa fl-ewwel manifest elettorali għall-elezzjoni tal-1921, imxew fuq il-motto – Xogħol u Fiduċja. Parti integrali fil-manifest kienet tgħid hekk: “Biex jirnexxilha li ġġib għall-aħjar l-istat tan-nies tax-xogħol, l-Għaqda fi ħsiebha tieħu nteress fil-politika tal-pajjiż u tfittex li jkollha, jekk jista’ jkun, fil-Kunsill, min jirrappreżentaha.” 

Irridu niftakru li bħala kolonja Malta għaddiet minn tbatijiet kbar tiddependi minn għajnuniet żgħar mill-Imperu Ingliż. Ħadd ma kien iħaqqaqha mal-Ingliżi biex jgħinuna finanzjarjament. Mill-bqija, il-parti l-kbira tad-dħul kienu l-pagi tal-ħaddiema tat-Tarzna u nies oħrajn li kienu jaqilgħu xi ħaġa mill-kummerċ tal-bastimenti Ingliżi fil-Port il-Kbir. Tħalli għal dan, fil-parti l-kbira tal-irħula n-nies kienu bdiewa, xi ftit tas-sengħa li jaħdmu għal rashom u l-bqija lavranti bla skola.Tant, li anke waqt l-Ewwel Gwerra Dinjija, fl-1917 kellna strajk fit-Tarzna u s-sitwazzjoni baqgħet sejra għall-agħar sa ma l-poplu rvella fil-jiem tas-7 ta’ Ġunju 1919.

Biex jiġġieled dan il-faqar il-Partit Laburista beda jinsisti li għandu jkollna l-edukazzjoni obbligatorja – għax b’hekk il-pajjiż seta’ jiġġieled kontra l-injoranza, l-illitteriżu u l-faqar fiżiku. Mingħajr skola l-futur tal-Malti deher destinat li jibqa’ jsefter u jbaxxi rasu għal dak kollu li jgħidu l-kolonjalisti Ingliżi. Terġa’ min ma kienx jaf jikteb jew jaqra lanqas biss kellu dritt jivvota. Il-Partit wiegħed ukoll li jħeġġeġ l-industriji żgħar biex jikbru u jħajjar negozji ġodda.  Iżda fuq kollox wiegħed li jinsisti ħa jonqsu t-taxxi ndiretti li kienu qed ikattru l-faqar u jidħlu aktar taxxi diretti. Naturalment, l-element konservattiv tal-partiti l-oħrajn kollha, fosthom in-Nazzjonalisti u l-Kostituzzjonali bl-ebda mod ma riedu jaraw dan it-tibdil. Barra minn dan, fis-snin għoxrin jekk ħaddiem ikorri jew ma jkunx jiflaħ jaħdem aktar kellu jgħix fuq il-karita tan-nies. Għalhekk, il-Partit tal-Ħaddiema wiegħed li jintroduċi benefiċċju għall-korriment, pensjonijiet u jinsisti biex tiddaħħal Liġi li Tirregola l-Kera bit-tama li jrażżan il-faqar u jonqsu t-tlaleb mit-toroq.

2 - Fil-ktieb tiegħek u lilhinn:  Liema sfumaturi - storikament - ħadet ir-relazzjoni bejn il-Partit Laburista u dak li llum jissejjaħ l-establishment.  Jiġifieri x'inhi u kif kienet ir-relazzjoni tal-Partit Laburista mal-klassi tan -negozjanti?  Mal-Avukati u l-Ġudikatura?  Mal-klassi għolja u l-borgeżija?  Mal-Knisja/il-Kurja?

Għalkemm kif għedna l-pijunieri kienu fil-parti l-kbira ħaddiema tal-id, magħhom insibu benestanti bħall-aħwa Bencini u l-Kurunell William Savona, iben ir-riformista Sigismondo. Imbagħad, bi tħejjija għall-elezzjoni żdiedu professjonisti oħrajn, fosthom l-Avukati Pier G. Frendo u Paolo Borg Grech flimkien mal-Ispiżjar Leone Portelli li t-tlieta kienu fost seba’ li ġew eletti f’isem il-Partit Laburista.

Ġara iżda li kellna bosta tixwix kontra l-Partit Laburista għax dan ried ibiddel il-mod tal-ħajja kif kienu jafuha. Kienu jqisu kull kelma li tintqal, u fl-1921 f’Ħaż-Żebbuġ waslu biex jikkundannawh għax kelliem Laburista qal li l-ħaddiem kellu jaqta’ l-ktajjen li kienu jxekkluh. Minn hawn il-Partit kellu jdaħħal saċerdot fil-laqgħat tal-Eżekuttiv. 

Kif raw li l-Partit Laburista tella’ seba’ deputati minn 32 siġġu fl-ewwel żewġ elezzjonijiet raw kif inawruh minn ġewwa. Fl-ewwel elezzjoni qalgħu l-kwistjoni tas-salarji ta’ dawk fis-Senat meta kienu jafu li l-Partit Laburista kien kontra. U b’hekk deputat telaq minħabba din ir-raġuni u baqa’ indipendenti waqt li ieħor ingħaqad mal-Partito Democratico Nazionalista ta’ Enrico Mizzi.

Fl-elezzjoni tal-1924 reġgħu attakkawh minn ġewwa u minn l-istess numru ta’ deputati reġgħu tilfu tnejn. Dawn kienu l-Kanonku Carmelo Bugelli u s-Sur Salvu Zammit Hammet li ngħaqdu mal-Unione Politica Maltese. Fl-elezzjoni ta’ wara meta l-Partit Laburista daħal f’Kompakt mal-Kostituzzjonali ta’ Lord Strickland, il-Partit Laburista kellu biss tlitt deputati, u l-knisja ċappsitu bid-dnub il-mejjet.

Fl-elezzjoni tal-1932 il-Partit Laburista kellu biss lit-tabib Pawlu Boffa jirrappreżentah fl-Assemblea. Għalhekk, il-ġlieda tas-sistema qadima li dejjem ħakmet lill-pajjiż kompliet bil-battalja tagħha sabiex toqtol lill-Partit Laburista darba għal dejjem. Dan deher ċar sena wara fl-1933 meta ħaddmu l-Liġi tas-Sedizzjoni li biha arrestaw u tellfu l-impjieg lil sitt Laburisti żgħażagħ. Tant li l-ġuri tagħhom kienu jirreferu għalih bħala l-Ġuri tal-Ħomor. U bil-knisja tikkundanna mal-bqija tal-ġerarkija u l-establishment ta’ dak iż-żmien li l-Partit Laburista huwa soċjalist, komunist u ta’ kulur aħmar.

Agatha Barbara - l-ewwel President mara
Agatha Barbara - l-ewwel President mara

3 - Il-Partit Laburista kien ta l-vot lill-mara:  Min kienu dawk in-nisa li fl-istorja tiegħu servew ta' eżempju ħaj tal-avvanzi u l-emanċipazzjoni tal-mara?

B’risq ir-rappreżentanza tan-nisa u d-dritt tal-vot tkellmu biss il-Partit Laburista u l-General Workers’ Union fl-Assemblea Nazzjonali tal-1946 waqt id-diskussjonijiet għal Kostituzzjoni ġdida. Imbagħad daħlu wkoll is-Sinjorina Mabel Strickland billi kienet is-segretarja ta’ missierha u kellha wkoll l-istamperija tal-Progress Press, kif ukoll l-Għaqda tan-Nisa li fost ta’ quddiem insibu lil Josephine Burns Debono u Helen Buhagiar. Minkejja li dawn it-tnejn ikkontestaw l-elezzjoni tal-1947, kienet biss is-Sinjorina Agatha Barbara li ġiet eletta, u baqgħet tiġi eletta f’kull elezzjoni ta’ wara sal-1981. Fl-1955 kienet l-ewwel Ministru mara u serviet bħala Ministru fil-leġislatura tal-1971 u 1976. Imbagħad, fi Frar 1982 okkupat l-għola kariga fil-pajjiż billi kellha tkun ukoll l-ewwel mara bħala President tar-Repubblika ta’ Malta. Żgur li s-Sinjorina Barbara kienet mudell għal nisa oħra sabiex ma jaqtgħux qalbhom u jidħlu fid-dinja dominata mir-raġel.

Fl-elezzjoni tal-1950 ġiet eletta s-Sinjorina Mabel Strickland. Iżda jibqa’ l-fatt li l-aktar element favur in-nisa dejjem kien fi ħdan il-Partit Laburista. Tul iż-żmien ikkontestaw u ġew eletti Fanny Attard Bezzina li kienet fil-parlament ma’ żewġha, Evelyn Bonaci, Cettina Darmania Brincat, Carmen Sant li wkoll kienet ma’ żewġha fil-parlament, Marlene Farrugia(Pullicino), Rita Law, Helena Dalli, Justyne Caruana, Deborah Schembri, Julia Farrugia Portelli, Rosianne Cutajar u Marie Louise Coleiro Preca. Is-Sinjura Coleiro Preca kienet ukoll Ministru u fl-2014 saret it-tieni mara bħala President tar-Repubblika ta’ Malta.

Barra dawn nonqsu jekk ma nsemmux ukoll il-nisa li rnexxilhom jirbħu siġġu fil-Parlament Ewropej li fosthom insibu lil Marlene Mizzi, Miriam Dalli u Josianne Cutajar li hija l-ewwel mara Għawdxija li rnexxilha tirbaħ f’din it-taqtiegħa.

Jekk inħarsu lejn partiti oħrajn fosthom il-Partit Nazzjonalista nsibu vakum kbir tant li l-ewwel mara li rnexxilha tidħol fil-parlament Malti kienet is-Sinjura Anne Agius Ferrante li telgħet permezz ta’ elezzjoni każwali nhar il-11 ta’ Diċembru 1980 wara l-mewt tan-nutar Ġorġ Borg Olivier fuq il-11-il Distrett. Imbagħad kellhom jistennew sal-1987 meta ġiet eletta s-Sinjura Giovanna Debono li kellha tistenna sal-2003 biex inħatret Ministru flimkien mas-Sinjura Dolores Cristina.

Ma noħduha xejn bi kbira kif u għaliex il-mara baqgħet maqtugħa lilhinn mis-soċjeta`. Meta baqgħet imċaħħda mill-vot ma kellha l-ebda drittijiet għajr milli ssefter fil-kċina u fid-dar waqt li trabbi familja. Postha ma kienx  fil-pjazza u l-każini u lanqas tattendi xi mass meeting. Sa minn ċkunithom il-bniet bilkemm kienu jintbagħtu l-iskola, waqt li s-soċjeta` tal-irġiel żammitha mgeżwra u moħbija fil-ħwejjeġ u xi għonnella. Waħidha l-mara ma setgħetx tbarri dawn id-drawwiet u kostumi mudlama u tikseb il-ħelsien jekk mhux bl-għajnuna ta’ politika ta’ integrazzjoni. Fil-fatt, anke dawk il-ftit li bdew joħorġu jaħdmu tqiesu bħala msieken, u l-paga tagħhom baqgħet ferm inqas minn tar-raġel sas-snin sittin tas-seklu li għadda.

Kawża ta’ din is-sistema u l-ambjent fqir li nżammu fih, ħafna nisa l-aktar fl-inħawi tal-Port il-Kbir spiċċaw jaqgħu għall-prostituzzjoni l-aktar bil-preżenza tas-suldati u baħrin fil-gżejjer tagħna. 

L-eks PM Dom Mintoff u warajh Sammy Meilaq
L-eks PM Dom Mintoff u warajh Sammy Meilaq

4 - L-ewwel snin ta' Mintoff kienu turbolenti ħafna għall-pajjiż:  X'sehem ta l-Partit Laburista u Mintoff fis-snin 50?  U x'effett kellu dan fis-snin ta' wara?

Id-dħul tal-perit Mintoff fil-politika Maltija ħoloq xenarju ġdid. Bis-snin ta’ studju fl-Ingilterra, dan iż-żgħażugħ ġie lura f’pajjiżu b’moħħ miftuħ u b’ideat avvanzati tletin sena aktar minn dawk lokali. Mimli ħeġġa ried jgħaġġel iġib il-bidla f’moħħ il-Maltin. Għalhekk daħal fil-politika biex ibiddel u jneħħi l-għamad mimli għanqbut minn quddiem għajnejn il-politiċi. Għalhekk ingħaqad fil-Partit Laburista għax fih ra art għammiela fejn seta’ jxettel ħsibijietu.

Bħala Ministru tax-Xogħlijiet u Rikostruzzjoni, kif ukoll imrobbi f’Bormla u l-belt Valletta, fl-1947 mill-ewwel ħaseb x’ried isir ħa jibda jerfa’ lill-poplu mill-miżerji tal-gwerra u l-istat mudlam li nżamm fih. Għalhekk, beda biex inaddaf il-mandraġġ tal-belt fejn in-nies kienet tgħix qisha fniek ġo gorboġ żgħir. Fehem ukoll li l-kolonjalisti Ingliżi ma setgħux jibqgħu jagħsru lill-ħaddiem Malti qisu lumija u jarmuh. Sadanittant, il-Partit Laburista ried jibda jwettaq dak li wiegħed u fl-1948 għall-ewwel darba f’pajjiżna daħħal il-Pensjoni tax-Xjuħ biex min jirtira mix-xogħol ikun jista’ jkompli jgħix ħajja diċenti. Il-Prim Ministru t-tabib Boffa mill-ewwel intebaħ bit-talenti ta’ dan iż-żagħżugħ determinat u għalhekk għażlu biex jitla’ Londra jitkellem dwar il-Marshall Aid ħalli jġib trattat finanzjarju aħjar lejn pajjiżna. Xirfet it-tama li b’dawn il-flus mhux biss Malta mfarrka terġa’ tinbena wara t-tieni gwerra dinjija, iżda riedu jkunu l-mezz li bih tistejqer l-ekonomija li tibda tagħti l-frott ħalli l-pajjiż ma jibqax jiddependi biss mill-ħniena tal-impjiegi mas-servizzi Ingliżi.

Iżda d-determinazzjoni u r-ras iebsa tal-perit Mintoff ħolqot terremot sħiħ kemm fil-Partit Laburista kif ukoll fil-Partit Nazzjonalista u l-knisja Maltija. Meta wasal biex ta l-ultimatum lill-Ingliżi, il-Prim Ministru Boffa ħass piż kbir. Il-Partit Nazzjonalista għaraf li f’dak il-mument seta’ jiġbed it-tapit minn taħt saqajn il-Prim Ministru, u f’kor sħiħ flimkien mal-kleru beda jingħad li l-perit Mintoff ried ikeċċi lill-Ingliżi u jġib lir-Russi u l-komuniżmu f’pajjiżna. Kawża ta’ dan id-diżgwid, il-perit Mintoff, supperv li ma jbaxxix rasu fin-negozjati li ġie fdat imexxi mal-Gvern Ingliż, irriżenja minn Ministru.

L-1949 kellha tkun is-sena li fiha wara li għall-ewwel darba l-Partit Laburista kellu l-Gvern f’idejh, inħolqot il-firda biex f’temp ta’ ftit xhur kellna l-Partit Laburista tal-perit Mintoff u l-Partit ta’ Boffa. Il-Konferenza Ġenerali għażlet lill-perit Mintoff bħala mexxej u għalkemm baqgħu miegħu ħames deputati biss, waqt li keċċiet lit-tabib Boffa li baqa’ jmexxi Gvern ta’ Minoranza.

Il-qawwa tal-perit Mintoff bħala Kap tal-Oppożizzjoni kompliet tispikka sal-1954 meta f’temp ta’ ftit aktar minn tlitt snin f’pajjiżna kellna tliet elezzjonijiet. Elezzjoni wara l-oħra l-Partit Laburista kompla jikber għal 11-il deputat, imbagħad 14, u terġa’ fl-1953 għal 19-il deputat. F’dak iż-żmien l-Assemblea Leġislattiva kienet tilqa’ fiha 40 deputat.

Fl-elezzjoni ta’ Frar 1955 il-Partit Laburista ħareġ rebbieħ meta b’maġġoranza ta’ 20,000 vot kiseb 23 siġġu fl-Assemblea u kellu mill-ġdid għat-tieni darba l-Gvern f’idejh. Il-perit Mintoff mill-ewwel beda jwieżen lill-ħaddiem iż-żgħir meta ta żidiet fil-pagi u flimkien mal-General Workers’ Union immexxija minn Reggie Miller iġġieled biex il-ħaddiema mas-Servizzi Ingliżi jingħataw pagi bħal dawk tal-ħaddiema Ingliżi.
Għalhekk beda tiela’ u nieżel Londra biex iġib trattat finanzjarju tajjeb bit-tama li jindustrializza l-pajjiż, isaħħaħ l-industrija tat-turiżmu u ma nibqgħux niddependu biss mill-ħniena tal-Ingliżi bħala gżira-fortizza. Ried ukoll idaħħal fl-imħuħ tal-poplu li aħna nazzjon u m’għandniex nibqgħu b’rasna baxxuta u nħossuna nferjuri quddiem il-barrani. Il-perit Mintoff ried li jiftaħ il-bibien ħalli l-ħaddiema Maltin u Għawdxin ikollhom aktar opportunitajiet ta’ xogħol, u ż-żgħażagħ jitħarrġu ħa jiksbu l-impjiegi ewlenin maħtufa mill-Ingliżi f’pajjiżna, Mill-banda l-oħra ried li bħall-Ingliżi jkollna s-servizzi soċjali kollha li jerfgħu lill-ħaddiem u l-familja tiegħu meta jimrad jew ikollu jirtira mix-xogħol.

Għalhekk, fl-1956 daħħal żewġ liġijiet, monument għal pajjiżna: l-Att dwar l-Assistenza Nazzjonali u l-Att dwar l-Assikurazzjoni Nazzjonali. Permezz ta’ dawn, il-ħaddiema ġew mitluba biex mill-paga tagħhom, li sa dak iż-żmien żdiedet b’mod sostanzjali, jħallsu kontribuzzjoni żgħira u din igawdu minnha f’każ ta’ mard, diżgrazzja, telf ta’ mpjieg jew meta persuna tirtira mix-xogħol. Assistenza soċjali u medika bdiet tingħata b’xejn fl-isptarijiet u kliniċi tal-Gvern u wkoll bħala benefiċċju lil persuni vulnerabbli u li jbatu minn ċerti kundizzjonijiet mediċi.
Biex isaħħaħ u jassigura dawn is-servizzi, il-Partit Laburista ntroduċa l-Liġi tat-Taxxa fuq id-Dħul li qanqlet kwistjonijiet kbar fil-pajjiż li kien imdorri, l-aktar is-sinjuri, il-professjonisti kif ukoll il-kleru, jaħarbu t-taxxi u allura jemmnu f’taxxi indiretti li jinġabru mill-ħwejjeġ li jixtri l-poplu biex jiekol, anke l-ħobż. Meta l-Prim Ministru ra li ma jistax jasal bil-kelma t-tajba mal-Gvern Ingliż, anke meta talab biex niġu Integrati mal-Ingilterra, beda jfittex triq oħra. L-għajta tiegħu lill-Ingliżi saret – Jew magħkom u bħalkom, jew mingħajrkom. U minn hawn qamu l-irwiefen kollha għaliex l-alleati konservattivi u medjokri tal-pajjiż ma ridux it-taqlib u l-bidla mfassla fil-moħħ progressiv u rivoluzzjonarju tal-perit Mintoff.

Il-ktieb ta' Francis Galea
Il-ktieb ta' Francis Galea

(...ikompli)

 

More in Politika