Owen Bonnici | Aktar minn 50 miżura għall-ftuħ tal-iskejjel

Aħna lkoll għandna nifhmu u napprezzaw ukoll li sakemm COVID-19 tkun xi ħaġa tal-passat, irridu naddattaw għal din in-normalità l-ġdida

Wara l-pubblikazzjoni tal-pariri u linji gwida lis-settur edukattiv għall-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel Primarji u Sekondarji f’Malta, maħruġa mill-Ministeru għas-Saħħa, u skond dawn il-pariri u linji gwida, id-Direttorati għall-Edukazzjoni flimkien mal-iskejjel qed jimplimentaw aktar minn 50 miżura relatati mal-loġistika u l-operat tal-iskejjel għall-ftuħ mill-ġdid fit-28 ta’ Settembru, bħal għada ġimgħa. 

Nibda billi nfakkar li l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa kienet ċara fl-istqarrija tagħha li t-tfal għandhom imorru l-iskola taħt salvagwardji speċifiċi li għandhom l-għan li jimminimizzaw ir-riskju ta’ infezzjoni mill-COVID-19.

Ma bdejniex naħdmu l-bieraħ. Imma sa’ minn meta kellna nagħlqu l-iskejjel mal-feġġa ta’ din il-pandemija, skattaw diskussjonijiet bejn dawk kollha involuti f’dan is-settur biex naraw it-triq ‘il quddiem. Biex naraw li t-triq ‘il quddiem tkun waħda li bħala prijorità tħares u tissalvagwardja s-saħħa ta’ uliedna u tal-edukaturi tagħna. Dejjem fuq pariri li waslulna mill-awtoritajiet kompetenti fuq stħarriġ xjentifiċi.

Intant, wara dawn il-miżuri hemm tim kbir li qed jaħdem biex jara li dawn ikunu implimentati u mħarsa. Għalina, l-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel huwa importanti għal uliedna, daqs kemm hija importanti s-saħħa u s-siġurtà tal-edukaturi u tal-istudenti.

Qed inżommu lil kulħadd aġġornat b’din l-informazzjoni bl-aktar mod wiesa’ possibbli, b’komunikazzjoni diretta lil dawk konċernati u wkoll qed intellgħu l-informazzjoni fuq il-midja soċjali tal-Ministeru tagħna. Dawn l-aġġornamenti qed jiġu ppubblikati kuljum bil-għan li l-pubbliku jinżamm infurmat, pass pass, dwar l-iżviluppi kollha li qed iseħħu fl-iskejjel qabel ma jerġgħu jinfetħu.

Il-Pjan ta’ Implimentazzjoni jirrifletti l-miżuri bbażati fuq evidenza xjentifika kif ippubblikati fil-pariri u linji gwida għas-settur edukattiv għall-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel primarji u sekondarji f’Malta.

Huwa importanti li jkun emfasizzat li dan il-pjan huwa linja gwida għall-Amministrazzjoni tal-Iskejjel għall-ftuħ mill-ġdid, u dan huwa aġġustat kif xieraq biex jirrifletti r-realtajiet u l-ħtiġijiet tal-iskejjel b’mod individwali. Dan qed ngħidu għaliex kulħad jaf li l-iskejjel tagħna m’humiex infassla fuq mudell wieħed, u kollha għandhom il-partikolaritajiet tagħhom. Allura il-bżonn tal-addattament għal kull skola b’mod individwali. 

Insemmi wkoll li qabel il-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel, il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol kien qed iwettaq ukoll Risk Assessment fl-iskejjel kollha.

Tajjeb li ngħid li qed inħallu lil kull ġenitur fil-libertà li jiddeċiedi jekk jibgħatx lit-tfal l-iskola. Imma tajjeb ukoll li ngħid li l-WHO tat parir li t-tfal għandhom jintbgħatu l-iskola.

Ir-ritorn ta’ uliedna fl-iskejjel hija responsabbiltà kollettiva, u lkoll għandna r-responsabbiltajiet tagħna. Aħna lkoll għandna nagħmlu l-parti tagħna. Huwa rrakkomandat li l-iskejjel jimpenjaw ruħhom u jħeġġu lil kulħadd kemm fl-iskola u kemm fil-komunità biex tkun ipprattikata mġieba preventiva.

Sar ħafna xogħol f'dawn ix-xhur li għaddew biex ikun żgurat li l-istituzzjonijiet edukattivi jerġgħu jibdew bil-miżuri meħtieġa. Erġajna bdejna ċ-Childcare, SkolaSajf u l-eżamijiet nazzjonali. Sadanittant ippubblikajna l-linji gwida msemmija hawn fuq għall-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel wara konsultazzjoni estensiva mal-partijiet interessati kollha. U nassikura li se nżommu ma’ dawn il-linji gwida biex niżguraw li nipprovdu ambjent b’riskju l-aktar minimu possibbli.

Il-miżuri jibdew mis-social distancing u l-iġjene personali - il-ħasil tal-idejn regolarment u bl-użu ta' sanitizer. Il-miżuri ewlenin jinkludu li jiġi żgurat li t-temperatura tittieħed mill-ġenituri qabel it-tfal jitilqu mid-dar u għal darb'oħra nieħdu ħsieb aħna wkoll mal-wasla tat-tfal l-iskola. Filfatt qabel ma jidħlu fil-bini tal-iskola, kulħadd se titteħdidlu t-temperatura u kulħadd irid juża s-sanitizer għal idejh.

Ħadna ħsieb li naraw li d-dħul tat-tfal fl-iskejjel, u l-ħruġ tagħhom mill-iskejjel, kif ukoll il-ħinijiet tal-breaks, kull skola għandha tieħu ħsieb li tqassamhom b’tali mod li ma jaħbtux kollha flimkien.  Din qiegħdin nagħmluha biex kemm jista’ jkun ma nħalltux tfal flimkien u l-kuntatt ikun mill-inqas, imma dan se nagħmluħ b’bilanċ li ma jikkawżawx tbatija żejda lill-ġenituri li jkollhom żewġt itfal jattendu l-istess skola, iżda fi gruppi ta’ snin differenti. Se tingħata l-attenzjoni kollha biex il-proċess meta l-istudenti jidħlu fl-iskejjel u fi tmiem il-ġurnata tal-iskola ikun kemm jista’ jkun pulit u organizzat.

Persuni mhux awtorizzati mhumiex permessi li jidħlu fl-iskola, studenti, staff, edukaturi u ħaddiema ora awtorizzati biss huma permessi fil-bini tal-iskola. L-ebda ġenitur jew kustodju legali m’hu se jitħalla fl-iskola fi kwalunkwe ħin. 

L-iskejjel kollha ġew mgħammra b’sinjali u posters biex jiffaċilitaw il-miżuri.

Apparti d-distaza bejn l-imwejjed kemm tal-istudenti nfushom u wkoll bejn l-istudenti u l-għalliema, kull fejn possibbli, l-istudenti u l-edukaturi għandhom jibqgħu fl-istess grupp, u dan il-grupp għandu jibqa’ kostanti u bl-osservanza wkoll tad-distanza soċjali. B'mod partikolari m'għandux ikun hemm kuntatt bla bżonn bejn l-istudenti, jew bejn studenti u edukaturi u staff ieħor. Kull meta jkun possibbli laqgħat fiżiċi għandhom jiġu evitati u sostitwiti b'alternattivi li jkunu mingħajr kuntatt fiżiku.

Dawn huma l-aktar ewlenin, ovvjament flimkien mat-tindif regolari u diżinfettar, speċjalment ta’ postijiet komuni. Fuq kollox, it-tindif tal-uċuħ u t-tindif tal-postijiet jibqgħu miżura importanti biex jiġu żgurati kundizzjonijiet iġjeniċi fil-ġlieda kontra t-tixrid ta’ COVID-19, b’ċerti żoni mnaddfa sew fuq bażi frekwenti.

Imma nħeġġeġ lil kulħadd biex iżur is-siti uffiċjali tal-midja soċjali tal-Ministeru fejn qed intellgħu informazzjoni estensiva.

Qegħdin insegwu l-linji gwida maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa. Naturalment hemm diffikultajiet imma permezz tal-kooperazzjoni ta’ kulħadd dan kollu nistgħu nagħmluh u nsegwuh.

Għaddej xogħol kbir fuq il-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel biex ulienda u ulied uliedna jkunu jistgħu jkomplu l-edukazzjoni tagħhom f'ambjent li jimminimizza r-riskju.

Aħna lkoll għandna nifhmu u napprezzaw ukoll li sakemm COVID-19 tkun xi ħaġa tal-passat, irridu naddattaw għal din in-normalità l-ġdida. Bl-għajnuna u l-kooperazzjoni ta’ kulħadd nistgħu niżguraw li nibqgħu nwasslu edukazzjoni ta' kwalità għolja filwaqt li nipprovdu ambjent fejn ir-riskju jkun minimizzat kemm jista’ jkun.

Nirringrazzja u nuri apprezzament mill-qalb lil dawk kollha li qed jagħtu l-aħjar tagħhom għall-ġid tat-tfal u l-istudenti tagħna!

More in Politika