Editorjal | Adrian Delia, il-VGH u l-bżonn li l-PN jaħtaf iċ-ċans!

Qatt daqs illum il-Partit Nazzjonalista m'għandu jieħu ċ-ċans - We take the Chance kienu jkantaw l-attivisti Nazzjonalisti fid-90ijiet - u kulħadd għandu jagħmel l-ispazju biex il-PN jieħu dan iċ-ċans

Taħsbu forsi t-tlieta li huma: x'għandhom x'jaqsmu u kif inhuma relatati?  Faċli. 

Ir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-kuntratt mal-Vitals Global Healthcare mal-Gvern għall-konċessjoni ta' tliet sptarijiet - li dwaru l-ILLUM għamlet sommarju għal dawk kollha (probabilment kulħadd)  li ma qarawx ir-rapport  - jikxef l-iskopijiet ħżiena li kien hemm wara dan il-proġett li falla milli jilħaq il-miri tiegħu minn kumpanija li Alla jbierek ġiet iffurmarata sitt ijiem qabel tefgħet ir-rikjesta għall-proposti għall-proġett li kien se jiswa miljuni kbar.  Imma allajbierek din il-kumpanija li lanqas Headquarters m'għandha u li ma nafux min huwa l-Ultimate Beneficiary Owner tagħha, li għandu indirizz fil-British Virgin islands (post ieħor qisu l-Panama f'termini ta' ġurisdizzjoni finanzjarja) u li r-rapport ta' vijabbilità dwarha l-NAO isejjaħ bħala "fqir" - ingħatat tliet sptarijiert pubbliċi għal 99 sena. 

L-istorja kulħadd jafha issa.  Kulħadd jaf li m'għamlu xejn, taw bonus lilhom infushom u meta fallew, minn wara dahar in-nies biegħu l-konċessjoni li huma ma kinux irrispettaw it-termini tagħha, lil xi ħadd ieħor.  Issa jkollna konferma mill-Awditur li qabel biss ħarġet ir-Rikjesta għall-Proposti  - kien diġa' ġie ffirmat ftehim bejn il-Gvern u dawk li kienu wara l-VGH għall-istess proġett.  Qisu ftehmt li x-xogħol se nagħtih lilek minn qabel u mingħajr sejħa pubblika - imbagħad għamilt teatrin sħiħ għat-taparsi se niftaħ proċess ġust ta' għażla ta' tenders biex niddeċiedu lil min se nagħtu l-proġett! 

Adrian Delia tkellem diversi drabi dwar il-VGH u kull darba li tkellem kellu raġun, m'hemmx fejn iddur.  Dan kuntratt jinten seba' pesti.  Meta tela' l-Qorti Adrian Delia fuq dan il-ftehim u qal li għandu jitwaqqa' kellu raġun - issa l-Awditur stess qal dak li qal Delia. 

Ladarba jaf illi oppożizzjoni magħquda qaqoċċa biss tista' toffri alternattiva denja u b'saħħitha għall-Partit Laburista u ladarba jaf ben fatt li kemm idum hu Kap - sena, sentejn jew sebgħa - il-partit ma jista' qatt ikun magħqud, mela għandu jwarrab

Imma allura la ngħata raġun għaliex xorta nemmnu li Adrian Delia, issa kif żvolġew l-affarijiet, għandu jitlaq?  B'xi vendetta personali?  Għax nippreferu lil ta' kontrih?  Għax huwa bniedem kattiv jew ħażin?  Xejn minn dan, anzi nemmnu li Delia huwa bniedem twajjeb iżżejjed għall-politika u żgur li din il-gazzetta li nafu li jsegwi, dejjem tatu raġun meta kien hemm bżonn u meta kellu raġun. 

Il-każ tal-VGH u nuqqasijiet oħrajn tal-Gvern preżenti hija r-raġuni għaliex għandu jikkunsidra sew il-pożizzjoni tiegħu.  Ladarba jaf li l-pożizzjoni tiegħu, issa li ġie sfiduċjat minn żewġ organi importanti tal-PN, qed tikkomprometti mhux biss lill-partit imma wkoll lill-Oppożizzjoni u s-saħħa li din tiġġieled lill-Gvern fuq oxxenitajiet bħall-VGH, pero wkoll fuq punti oħrajn, għandu jwarrab.  Ladarba jaf illi oppożizzjoni magħquda qaqoċċa biss tista' toffri alternattiva denja u b'saħħitha għall-Partit Laburista u ladarba jaf ben fatt li kemm idum hu Kap  - sena, sentejn jew sebgħa - il-partit ma jista' qatt ikun magħqud, mela għandu jwarrab.  Ladarba d-dubji li kien hemm u għad hemm fuqu, anke jekk ħafna inqas sejri minn xi kuntratt bħal tal-VGH, qed jimminawlu l-kredibilità fil-ġlieda kontra affarijiet bħall-kuntratt tal-VGH, mela għandu jwarrab.  Ladarba jaf illi bih bħala Kap sezzjoni minoritarja imma kruċjali ta' votanti Nazzjonalisti - sejħilhom elitisti, sejħilhom establishment, sejħilhom li trid, huma votanti kruċjali għall-PN - se jibqgħu d-dar jekk jibqa' hu Kap, minkejja oxxenitajiet bħall-VGH, mela għandu bżonn iwarrab. Ladarba jaf illi li jżomm mal-kariga tiegħu tista' fil-futur mhux 'il bogħod tippreġudika lill-Partit Nazzjonalista aktar milli diġa' ppreġudikatu għax joħorġu aktar fatti, chats u stejjer dwaru li hemm verità fihom, mela għandu jwarrab. 

Hija kważi klixè llum li ngħidu illi l-pajjiż jeħtieġlu oppożizzjoni b'saħħitha.  Din il-gazzetta temmen li l-pajjiż mhux oppożizzjoni b'saħħitha għandu bżonn imma Gvern prospettiv, bl-Ingliż nafuh aħjar bħala Government-in-waiting!

In-Nazzjonalisti kienu jkantaw 'Nieħdu Ċans' (We take the Chance tad-duo Modern Talking) fid-90ijiet. Qatt daqs illum il-PN m'għandu jieħu ċ-ċans biex jerġa jinbena. U kulħadd - kemm ta' kontra Delia pero' anke Adrian Delia nnifsu - għandu jagħmel l-ispazju neċessarju

Illum huwa ċar li Adrian Delia, għandu kemm għandu raġun fuq kwistjonijiet li jirrigwardaw korruzzjoni u anke forsi meta jitkellem fuq ċerti kwistjonijiet soċjali, ma jista' qatt jifforma dak il-gvern prospettiv li l-pajjiż għandu bżonn u li l-Gvern preżenti għandu bżonn ukoll, ħalli jibqa' "in check". 

Tistaqsu; Imma jekk jinbidel Delia l-PN se jirbaħ mill-ewwel?  Se jikseb lura eluf ta' voti u ġenerazzjonijiet li tilef?  Ir-risposta - ovvjament - hija le.  Imma Ruma ma inbnietx f'jum. 

Il-PN jixraqlu ċ-ċans. Iċ-ċans li jibda mill-ġdid.  iċ-ċans - anke jekk il-frott idum ma jinqata' - li jerġa jingħaqad.  In-Nazzjonalisti kienu jkantaw 'Nieħdu Ċans' (We take the Chance tad-duo Modern Talking) fid-90ijiet. Qatt daqs illum il-PN m'għandu jieħu ċ-ċans biex jerġa jinbena. 
U kulħadd - kemm ta' kontra Delia pero' anke Adrian Delia nnifsu - għandu jagħmel l-ispazju neċessarju u jitlef postu jekk hemm bżonn, biex il-PN jieħu iċ-ċans u jerġa jqum fuq saqajh.

More in Politika