Owen Bonnici | Ħidma ma taqta’ xejn

'Kien b’sodisfazzjon kbir li l-ġimgħa l-oħra  ħababart investiment ta’ €2.3 miljun f’ 5 Skemi ta’ Boroż ta’ Studju għall-2020'

Għaddiet ġimgħa oħra ta’ xogħol li matulha kelli diversi okkażjonijiet u wkoll laqgħat li matulhom komplejna naħdmu biex inkomplu ntejjbu u nsaħħu s-settur edukattiv. Okkażjoni li ħadt gost ferm kienet dik li matulha nidejna diversi boroż ta’ studju. Nidejna wkoll kompetizzjoni li tiċċelebra l-Jum Ewropew tal-Lingwi 2020 u bqajna għaddejjin bil-ħafna xogħol li qed isir bħalissa biex inkomplu ntejjbu l-ambjent tal-iskejjel tagħna.

Ovvjament dan huwa xogħol li jkun għaddej bħala ministeru, għaliex umbgħad fuq livell Nazzjonali, jitkompla x-xogħol ta’ diskussjoni kemm bħala kabinett u wkoll bħala grupp parlamentari li matulhom inkunu magħqudin flimkien bħala tim, iffukati fuq il-hidma taghna ghal pajjiz ahjar!

Laqgħa pożittiva ferm li kelli din il-ġimgħa kienet mal-Eżekuttiv il-ġdid tal-KSU – il-Kunsill Studenti Universitarji. L-ewwel Iltqajt magħhom bħala l-Ministru responsabbli mill-Edukazzjoni umbgħad akkumpanjajt lill-Prim Ministru Dr Robert Abela f’laqgħa li saret fil-Berġa ta’ Kastilja.

F’din il-laqgħa stajt nara kemm il-Prim Ministru għandu għal qalbu l-istudenti tagħna u kkonfermajt is-serjetà u l-preparazzjoni b'saħħitha taż-żgħażagħ li jifformaw it-tmexxija tal-KSU. Kburi bil-ħafna xogħol tajjeb li qed nagħmlu u se nkomplu nagħmlu flimkien!
Ma jistax jonqos li l-istudenti huma fiċ-ċentru tal-ħidma tagħna. L-istudenti huma l-futur tal-pajjiż u huwa għalhekk li dak li nagħmlu llum jirrifletti il-pajjiż ta’ għada. Dan huwa x-xogħol tagħna, li lill-ġenerazzjoni li tiela’ nagħtuha pedament verament sod biex tkun tista’ tibni l-futur tagħha, mhux biss il-futur personali ta’ kull wieħed u waħda mill-istduenti, imma wkoll il-futur tagħna lkoll.

kien b’sodisfazzjon kbir li l-ġimgħa l-oħra ħababart investiment ta’ €2.3 miljun f’ 5 Skemi ta’ Boroż ta’ Studju għall-2020. Permezz ta' din l-opportunità tad-deheb, mijiet ta' studenti se jkunu jistgħu jkomplu bl-istudji Owen Bonnici

Għalhekk kien b’sodisfazzjon kbir li l-ġimgħa l-oħra  ħababart investiment ta’ €2.3 miljun f’ 5 Skemi ta’ Boroż ta’ Studju għall-2020.
Permezz ta' din l-opportunità tad-deheb, mijiet ta' studenti se jkunu jistgħu jkomplu bl-istudji tagħhom u jiżviluppaw aktar l-għarfien, il-ħiliet u l-kapaċitajiet tagħhom. Minbarra li qed nerġgħu nħabbru mill-ġdid l-iskemi ta’ boroż ta’ studju li diġa ħabbarna qabel bħal; l-Endeavour, l-Edukazzjoni Terzjarja (TESS), l-Arti ta' Malta u l-iSport Scholarship, allokajna €500,000 għall-Iskema ta' Scholarship ġdida dwar Studji Veterinarji wkoll. 

Kien ilna nħossu li hemm bżonn iżjed għajnuna u assistenza lil studenti li jieħdu korsijiet fil-Mediċina Veterinarja. U ankè fis-suġġerimenti li kellna qabel l-aħħar baġit, meta tlabna lill-poplu jgħidilna x’jixtieq jara fil-baġit, dan kien suġġett li kien hemm ħafna li talbuh. Bis-saħħa ta’ din il-borża ta’ studju qed nagħmlu propju dan. 

Il-korsijiet li jwasslu għad-Dottorat fil-Mediċina Veterinarja (fil-Livell 7 tal-MQF) s’issa mhumiex disponibbli lokalment. It-tnedija ta’ din l-iskema ġdida ta’ boroż ta’ studju se tippermetti lill-istudenti li jsegwu l-kors għad-Dottorat fil-qasam Veterinarju (fil-Level 7 tal-MQF) biex japplikaw u jingħataw pakkett finanzjarju aktar sodisfaċenti li jkopri t-tul tal-kors kollu sat-tlestija u fl-aħħar mill-aħħar jiggradwaw fil-Mediċina Veterinarja minn Istituzzjoni Rikonoxxuta u b’ċertifikazzjoni fil-livell 7 tal-Qafas Malti għall-Kwalifiki.
€1,000,000 qed jiġu allokati għall-Iskema ta’ Scholarships ta' Endeavour fl-2020. Din l-iskema tappoġġja edukazzjoni terzjarja ta' kwalità tajba u tiżgura li s-suq tax-xogħol Malti jiġi fornut b’individwi tajbin u tiggarantixxi li jkun f'pożizzjoni aħjar biex jikkompeti fuq livell internazzjonali. L-iskema hija mmirata biex tappoġġja lil dawk li qed isegwu din it-triq biex jirnexxu kemm fil-livell ta' edukazzjoni li jiksbu kif ukoll biex jikkontribwixxi b'mod effettiv lejn l-ekonomija.

L-edukazzjoni postgraduate tifforma parti dejjem aktar importanti mill-aġenda ekonomika u soċjali ta' kull pajjiż. Din tipprovdi element ewlieni għall-iżvilupp professjonali kontinwu ta' ħafna individwi.
L-Iskema Endeavour li għandha l-għan li tindirizza l-objettivi diġa msemmija hi parzjalment iffinanzjata mill-Programm Operazzjonali tal-Unjoni Ewropea II - Politika ta' Koeżjoni 2014 - 2020.

€370,000 huma disponibbli għal din l-iskema. Tess hija skema oħra miftuħa  għall-istudenti postuniversitarji, fil-livell 7 tal-MQF u fil-livell 8 tal-MQF. L-iskema għandha l-għan li tipprovdi opportunitajiet ta’ finanzjament għall-istudenti sabiex ikunu jistgħu jsegwu programmi ta’ studju ta’ edukazzjoni għolja u tinkoraġġixxi lill-istudenti iżidu l-livelli ta’ riċerka akkademika.

Se jitqassmu €330,000 permezz tal-Malta Arts Scholarships Scheme. Il-Malta Arts Scholarships Scheme għandha l-għan li tipprovdi aktar opportunitajiet għall-appoġġ lil individwi li għandhom talent eċċezzjonali fil-ħolqien jew il-promozzjoni ta’ professjonisti fl-arti Espressiva. It-teatru, il-mużika, iż-żfin, id-disinn, il-kitba kreattiva, il-film, l-arti viżiva jew kwalunkwe kombinazzjoni tagħhom għandhom jingħataw prijorità. 
Qed isir investiment ta’ €130,000 għall-Iskema tal-Isport. L-isport se jittieħed fil-livell professjonali u jippromwovi l-iżvilupp ta’ atleti bi prestazzjoni għolja li eventwalment se jirrappreżentaw lil Malta f’kompetizzjonijiet internazzjonali. Iż-żieda fl-istatus tal-isport f’Malta mhux biss twassal għal rikonoxximent internazzjonali usa’ b’benefiċċji ekonomiċi pożittivi għall-industrija tat-turiżmu iżda se tinkoraġġixxi wkoll l-prattika regolari tal-isport u l-attività fiżika madwar il-pajjiż li tirriżulta f’titjib ġenerali fis-saħħa u l-benesseri tal-popolazzjoni kollha kemm hi.
Barra minn hekk, se titnieda skema ġdida għaż-żgħażagħ biex jibbenefikaw minn għotja biex jitgħallmu lingwa barranija barra mill-pajjiż hekk kif ikun aktar sikur li jivvjaġġaw, skont l-iżviluppi tal-COVID-19.

Se jitqassmu €330,000 permezz tal-Malta Arts Scholarships Scheme. Il-Malta Arts Scholarships Scheme għandha l-għan li tipprovdi aktar opportunitajiet għall-appoġġ lil individwi li għandhom talent eċċezzjonali fl-arti Espressiva Owen Bonnici

Is-sabiħ fis-settur edukattiv huwa kemm ix-xogħol huwa varjat u jolqot diversi aspetti tiegħu. Attività oħra sabiħa kienet meta flimkien mal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu nidejt kompetizzjoni li tiċċelebra l-Jum Ewropew tal-Lingwi 2020.
Nenfasizza kemm huma importanti l-lingwi barranin fid-dinja moderna tal-lum. Il-lingwi, bħall-qari, jiftħu oriżżonti ġodda u jgħinu fil-komunikazzjoni – kemm huwa sabiħ li tkun kapaċi titkellem b’lingwa oħra apparti mill-ilsien Malti! 

Il-Kunsill tal-Ewropa jorganizza l-Jum Ewropew tal-Lingwi biex jiċċelebra d-diversità lingwistika, jum li  ilu jiġi ċċelebrat mill-2001. Il-motto ta’ din is-sena huwa: Bil-lingwi niskopru d-dinja. Aħna bħala Maltin diġà għandna għalfejn inkunu kburin għaliex għandna lingwa differenti minn ħaddieħor, imma xorta waħda nitgħallmu diversi lingwi oħrajn sa minn ċkunitna. Permezz tal-lingwi ssir komunikazzjoni bejn persuna u oħra u dan huwa s-sabiħ tagħhom u b’hekk inħoss il-ħtieġa li ġurnata bħal din għandha tiġi ċċelebrata b’mod xieraq.
Nistieden lill-familji Maltin u Għawdxin, iċ-ċentri ta’ Skolasajf u klabbs u skejjel oħrajn tas-sajf biex jorganizzaw attivitajiet ħalli juru l-għarfien tagħhom tal-lingwi f’Malta u kull fejn ikunu.

More in Politika