Carmel Cacopardo | L-Oppożizzjoni Parlamentari

Carmel Cacopardi huwa ċ-Ċerpersin tal-Alternattiva Demokratika

Il-fatt li l-Gvern ġie sfurzat mill-Kummissjoni Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa biex ma jibqax jikkontrolla l-proċess tal-ħatra ta’ Kummissarju tal-Pulizija huwa żvilupp posittiv fil-proċess demokratiku. Mhux tajjeb kemm meħtieġ imma definittivament inkoraġġanti bħala l-ewwel pass: hemm lok għal titjib sostanzjali fil-proċess.

F’dan il-kuntest, id-deċiżjoni tal-Oppożizzjoni li ma tipparteċipax fis-smiegħ pubbliku hu pass ta’ granċ.   

L-Oppożizzjoni Parlamentari, fi kwalunkwe ġurisdizzjoni demokratika li jixirqilha din id-deskrizzjoni, hi l-mutur favur it-trasparenza u l-kontabilità. L-Opposizzjoni  Parlamentari teżiġi l-ikbar ammont possibli ta’ opportunitajiet biex tkun tista’ tagħmel skrutinju ta’ ħatriet pubbliċi ewlenin.  

Li l-Oppożizzjoni tagħżel illi ma tieħux sehem fl-iskrutinju ta’ ħatra għall-kariga ta’ Kummissarju tal-Pulizija mhuwiex biss każ ta’  opportunità mitlufa. 

Toħloq ir-riskju li jkunu imminati it-talbiet bħala riżultat tal-proċess demokratiku biex ikun hemm skrutinju ikbar tal-ħatriet pubbliċi ewlenin. 

L-Oppożizzjoni Parlamentari Nazzjonalista qed targumenta li mhux aċċettabbli illi l-Kummissarju tal-Pulizija l-ġdid ser ikun soġġett għal sena prova (probation) għax dan iwassal biex hu joqgħod lura u għaldaqstant l-imġieba tiegħu tkun ikkontrollata mill-Gvern. 

Il-preokkupazzjoni ġustifikata tal-Oppożizzjoni hi li jista’ jkun hemm abbuż tal-perjodu ta’ prova da parti tal-Gvern.  Bla dubju, dan ġieli seħħ.  Imma hemm soluzzjoni billi jkun propost illi t-tkeċċja ta’ Kummissarju tal-Pulizija, fi kwalunkwe stadju tkun teħtieġ l-approvazzjoni tal-Parlament. Dan ikun ifisser li l-Ministru tal-Intern ikollu l-obbligu li jispjega lill-Parlament ir-raġunijiet il-għaliex il-Gvern ikun tal-fehma li l-Kummissarju tal-Pulizija għandu jitkeċċa u min-naħa l-oħra l-Kummissarju jkollu d-dritt li jiddefendi ruħu mill-akkużi tal-Gvern. Dan ipoġġi lil kull Gvern f’posizzjoni imbarazzanti u bħala riżultat ta’ hekk ħadd ma jitkeċċa jekk ma jkunx hemm raġunijiet mill-iktar validi biex dan iseħħ.  

Huwa dan, iktar minn kwalunkwe ħaġa oħra, li jista’ jassigura l-ħarsien u l-integrità tal-kariga ta’ Kummissarju tal-Pulizija.

L-Oppożizzjoni qed tinsisti ukoll li l-ħatra ta’  Kummissarju tal-Pulizija għandha tkun soġġetta għall-approvazzjoni ta’ żewġ terzi tal-Parlament. Effettivament l-Oppożizzjoni qed titlob id-dritt ta’ veto fuq kull ħatra li ssir. 

Kien ikun ħafna aħjar kieku d-dibattitu iffoka fuq fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet f’dan il-każ: jiġifieri l-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku  (PSC). Il-PSC twaqqfet permezz tal-Kostituzzjoni tal-1959 bl-iskop li tagħti pariri lill-Prim Ministur dwar ħatriet fis-servizz pubbliku kif ukoll dwar id- dixxiplina ta’ uffiċjali pubbliċi.  

L-artiklu 109 tal-Kostituzzjoni jemfasizza li meta l-PSC tinħatar mill-President tar-Repubblika, huwa jaġixxi fuq il-parir tal-Prim Ministru li jkun ikkonsulta ruħu mal-Kap tal-Oppożizzjoni. 

Mhux aħjar kieku kemm il-Prim Ministru kif ukoll il-Kap tal-Oppożizzjoni ma jkollhomx x’jaqsmu ma dawn l-affarijiet? 

Il-Parlament għandu jikkunsidra bis-serjetà li jneħħihom milli jibqgħu nvoluti f’dan il-proċess. 

Mhux biss fil-każ tal-ħatra tal-Kummissjoni tas-Servizz  Pubbliku imma anke fil-kaz tal-korpi kostituzzjonali kollha.  

Huwa dwar dan li tkun ġustifikata l-ħtieġa taż-żewġ terzi!  Id-deċiżjoni politika tal-PN fil-Parlament li jirrifjuta li jieħu sehem f’dan l-iskrutinju għall-ħatra ta’ Kummissarju tal-Pulizija hi deċiżjoni li tagħmel il-ħsara lill-pajjiż. 

Sa mill-2018 il-Parlament kellu l-possibilità li jagħmel skrutinju ta’ numru ta’ ħatriet pubbliċi. 

 Jekk wieħed jagħti daqqa t’għajn u jara dak li ntqal fil-laqgħat tal-Kumitat Parlamentari dwar il-ħatriet pubbliċi malajr jinduna bil-mod superfiċjali li bih ikunu kkunsidrati dawn il-ħatriet. Oġġezzjonijiet ta’ natura serja dwar il-kompetenza ta’ dawk proposti għall-ħatra jiġu injorati u l-ħatriet ikunu ġeneralment approvati bi ftit li xejn diskussjoni! 

Sfortunatament il-Parlament mhux kapaċi jġiegħel lill-Gvern jagħti kont ta’ għemilu u b’Oppożizzjoni bħala din ftit hemm ċans li s-sitwazzjoni tinbidel.  

More in Politika