Carmel Cacopardo | Il-perit-żviluppatur

Carmel Cacopardo huwa ċ-Chairperson tal-Alternattiva Demokratika

Il-mewt ta’ Miriam Pace midfuna taħt ir-radam li sa ftit qabel kien jifforma d-dar tagħha f’Santa Venera ħasad lill-pajjiż. Waqgħet dar oħra, imma din id-darba l-industrija tal-kostruzzjoni ma kkawżatx biss ħsara imma wasslet ukoll għall-qtil ta’ persuna. Għax it-tejatrin ta’ Ian Borg, Joseph Muscat u Sandro Chetcuti, wara l-inċidenti tas-sajf li għadda kien nissel l-impressjoni falza li kollox kien taħt kontroll. Imma dan, sfortunatament mhux il-każ. 

Huwa ġustifikabbli li l-industrija tal-kostruzzjoni kollha titqiegħed taħt il-lenti, għal darba oħra kif ukoll għal kemm-il darba jkun hemm bżonn. Dan jinkludi li tkun eżaminata l-imġiba tal-periti. 

Bħala riżultat tad-dibattitu pubbliku li għaddej ġie osservat li l-perit inkarigat mix-xogħol problematiku f’Santa Venera għandu interessi oħra, lil hinn minn interess professjonali fix-xogħol ippjanat. Huwa ukoll azzjonist fil-kumpanija li applikat għal permess u li f’Jannar inħarġilha mill-Awtorità tal-Ippjanar il-permess PA6459/19. Jirriżulta li dan il-perit għandu f’ismu 10% tal-ishma fil-kumpanija li f’isimha ħareġ il-permess tal-iżvilupp:  MCZMC Developers Limited. Għandu interess li jara li l-investiment li għamel jirrendi. 

Id-dibattitu dwar jekk huwiex etikament korrett li perit ikollu interess fi proġett ta’ żvilupp li hu inkarigat minnu li jmur lil hinn minn interess professjonali mhux wieħed ġdid. Ilu għaddej kemm f’Malta kif ukoll lil hinn minnha. 

Il-Kodiċi dwar l-Imġiba għal dawk fil-pussess ta’ warrant biex jipprattikaw ta’ periti fil-gżejjer Maltin jifforma parti minn skeda annessa ma’ regolamenti intitolati Regolamenti dwar il-Kamra tal-Periti.   

L-iskeda hi msejħa Kodiċi dwar l-Imġiba Professjonali. Kienet oriġinalment imfassla fl-1969 imma ġiet emendata fl-2010. Il-Kodiċi b’mod ċar ifisser li Perit f’Malta “ma għandux jokkupa, jassumi jew xjentement jaċċetta kariga li fiha l-interess tiegħu jkun kontra d-dmirijiet professjonali tiegħu.” (regolament numru 1). Iżid jipprovdi li Perit “jirċievi rimunerazzjoni biss bid-drittijiet professjonali tiegħu li jitħallsu mill-klijenti tiegħu u/jew bis-salarju tiegħu li jitħallas mill-prinċipal tiegħu. Hu ma jkunx jista’ jieħu rimunerazzjoni minn riżorsi oħra relattiva għax-xogħol u għad-dmirijiet fdati lilu.” (regolament numru 2) 

Dan ifisser b’mod mill-iktar ċar li Perit ma jistax jinvolvi ruħu fl-investimenti dwar propjetà inkella bħala żviluppatur ta’ proprjetà li dwarha jkollu involviment professjonali. Id-dħul tiegħu għandu jiġi unikament mix-xogħol professjonali u mhux minn qligħ ġej minn negozju jew żvilupp ta’ proprjetà. Fi kliem sempliċi u li jinftiehem id-dħul tal-perit għandu jkun mis-servizz li hu jagħti u mhux billi jieħu sehem fl-ispekulazzjoni tal-art u l-bini.

Minħabba li tul is-snin ħadd ma għamel xejn dwar dawn il-periti żviluppaturi hemm min illum iqis li dawn huma żvilupp aċċettabbli

Minkejja dan, xi qarrejja bla dubju għandhom esperjenza differenti. Uħud ikunu sorpriżi meta huma u jaraw proprjetà li jkunu interessati biex jixtru jiskopru li l-persuna li żviluppat din il-proprjetà u li qed tfittex li tbigħilhom tkun ukoll il-perit inkarigat mix-xogħol. Filwaqt li fil-parti l-kbira tal-każi ma jinqala’ xejn straordinarju, fil-każi fejn jinqalgħu problemi n-nies tħossha skomda targumenta ma’ perit-żviluppatur. Meta jinqalgħu l-argumenti dwar il-proprjetà żviluppata minn perit-żviluppatur, il-perit ma tantx issibu għax hu l-iżviluppatur li jkun fuq quddiem ifittex li jispjega u jiġġustifika dwar id-difetti fil-proprjetà. Għax in-nies tirrikorri għand il-perit bħall-ewwel arbitru tekniku bejna u l-iżviluppatur, ħafna drabi anke jekk huwa jkun il-perit tal-iżviluppatur stess. Imma meta l-perit u l-iżviluppatur ikunu l-istess persuna dan ma jistax isir. Għax il-perit ma jagħtix biss servizz lill-klijent tiegħu imma b’mod indirett iservi wkoll lil kull min ikun affettwat minn dan l-istess servizz.

Uħud minn dawn il-periti żviluppaturi huma magħrufa filwaqt li oħrajn jinħbew wara kumpaniji inkella wara sħab fin-negozju. 

Għad m’għandi l-ebda tweġiba għal mistoqsija bażika: għalfejn qed ninjoraw l-osservanza ta’ etika professjonali bażika b’mod li nwasslu messaġġ li wara kollox, li xejn mhu xejn, u li dan kollu hu mġiba “normali” u aċċettabbli?

Il-Kamra tal-Periti forsi tista’ tipprovdi tweġiba għal dan. Sa mit-twaqqif tagħha 100 sena ilu, il-Kamra tal-Periti kellha r-responsabbiltà li jgħarbel u fejn neċessarju jieħu passi dwar il-prattiċi professjonali tal-periti. 

Sa fejn naf jien, s’issa, ma jirriżulta minn imkien li ttieħdu xi passi dwar il-periti żviluppaturi.   

Meta jirriżulta kunflitt ta’ interess jeħtieġ li nindirizzaw bla dewmien il-kawża ta’ dan il-kunflitt. Li ma nieħdu l-ebda azzjoni jfisser illi s-sitwazzjoni li tkun inħolqot qed tiġi meqjusa bħala li hi riżultat ta’ mġiba aċċettabbli. 

Għax illum xejn mhux xejn.

Minħabba li tul is-snin ħadd ma għamel xejn dwar dawn il-periti żviluppaturi hemm min illum iqis li dawn huma żvilupp aċċettabbli. Għax għal dawn ir-regoli dwar l-imġiba etika hu djuq żejjed, ħela ta’ żmien u burokrazija żejda. Proprjament red tape! 

Dan hu fejn naslu meta s-soċjetà tagħna tiżviluppa f’waħda amorali. 

More in Politika