Carmel Cacopardo | Lil hinn mir-rapport tal-KPMG dwar l-industrija tal-kostruzzjoni

Il-progress ma jitkellilx bil-bini, bit-toroq jew bin-numru ta’ karozzi li ma jispiċċaw qatt

Kif mistenni, ir-rapport tal-KPMG dwar l-industrija tal-kostruzzjoni jpinġi stampa sabiħa tal-industrija. Dan minkejja li l-awturi tar-rapport jikkonċedu li l-informazzjoni fir-rapport faċli tintuża biex biha tasal għal konklużjonijiet ferm differenti minn tagħhom. 

Jiena eżaminajt ir-rapport biex nara kemm dan jitkellem dwar numru ta’ affarijiet importanti bħall-iżvilupp esaġerat (over-development), ir-riċiklaġġ tal-iskart tal-kostruzzjoni, l-ambjent u l-klima. Kien ikun importanti kieku konna infurmati dwar il-veduti tal-industrija tal-kostruzzjoni dwar dawn il-materji u oħrajn.  Imma ftit li xejn hemm kummenti dwarhom, skont l-awturi tar-rapport.  

Ma jiena bl-ebda mod sorpriż li l-KPMG ma qalulna xejn fir-rapport dwar l-iżvilupp esaġerat jew ir-riċiklaġġ tal-iskart tal-kostruzzjoni. Dan ovvjament juri, għal min għadu ma ndunax, li l-industrija  la jidhrilha li hemm żvilupp esaġerat u lanqas ma għandha ebda interess fir-riċiklaġġ tal-iskart tal-kostruzzjoni. Kif diġà spjegat f’artiklu riċenti tiegħi (ILLUM 22 ta’ Settembru 2019: Sħab ma’ min iħammeġ), l-industrija tal-kostruzzjoni ma għandha l-ebda interess li tirriċikla l-iskart li tiġġenera hi stess, meta dan ikun possibbli: interessata biss li jkollha fejn tarmi l-iskart tagħha b’mod issussidjat. 

Hi tħammeġ u int tħallas. KPMG jaqblu ma’ dan?

Fir-rapport tal-KPMG hemm żewġ referenzi għall-ambjent. L-ewwel referenza hi dwar in-nuqqas  ta’ użu ta’ materjal sensittiv ambjentalment fil-bini u jenfasizza li dan ma jsirx ħtija tal-konsumaturi li ma jinteressahomx! It-tieni referenza hi dwar l-għaqdiet ambjentali u tisfidhom biex il-proposti li jagħmlu jkunu realistiċi! 

L-awturi tar-rapport jinsistu li dawn is-suġġerimenti mhux biss għandhom ikunu realistiċi imma għandhom jirrikonoxxu li mhuwiex realistiku li twaqqaf il-kostruzzjoni u l-iżvilupp. 

KPMG qed jgħixu fis-sħab għax kieku forsi kienu jirrealizzaw li l-ambjentalisti ilhom żmien twil iressqu proposti li l-gvernijiet kontinwament jinjoraw għax il-gvernijiet moħħhom biss f’kif jinkoraġixxu iktar bini a spejjeż tal-kwalità tal-ħajja tagħna.  Ikkunsidraw pereżempju l-eżerċizzju tar-razzjonalizzazzjoni, approvat fl-2006 imma li l-impatti tiegħu għadna nħossuhom kuljum f’kull rokna ta’ dawn il-gżejjer. Il-ħsara li saret, u li għadha qed issir, mill-Gvern id f’id mal-iżviluppaturi, hi waħda enormi. Imma, dwar dan, skiet komplet mingħand KPMG. 

It-tibdil fil-klima, skont ir-rapport ta’ KPMG, qisha ma teżistix, għax fir-rapport ma hemm l-ebda referenza għaliha. Dan ovvjament ifisser li l-industrija tal-kostruzzjoni mhix interessata fil-materja. 

M’aħniex qed nistennew lill-awturi tar-rapport ta’ KPMG jispjegawlna kif l-industrija tal-kostruzzjoni ħarbtet pajjiż bi żvilupp esaġerat u l-pretensjoni tagħhom li aħna, il-bqija, inħallsu d-djun ambjentali tagħhom.  

Il-ġungla tal-konkos li qed tiżviluppa madwarna qed tifgana. L-industrija tal-kostruzzjoni kontinwament trid iktar art għal żvilupp li donnu ma jintemm qatt. 

L-industrija la jidhrilha li hemm żvilupp esaġerat u lanqas ma għandha ebda interess fir-riċiklaġġ tal-iskart tal-kostruzzjoni

L-industrija tal-kostruzzjoni hemm bżonn li tiġi f’sensiha. Ilkoll jeħtieġilna nifhmu, qabel ma jkun tard wisq, li dan il-bini li għaddej kullimkien mhux sostenibbli u li l-progress ma jitkejjilx bil-bini, bit-toroq jew bin-numru ta’ karozzi li ma jispiċċaw qatt. 

Il-kwalità tal-ħajja tagħna għandha titkejjel bl-ispazji miftuħin li jippermettulna li niskopru mill-ġdid l-għeruq naturali tagħna fil-ħajja naturali li l-urbanizzazzjoni bla limitu qed teqred ftit ftit. 

L-industrija tal-kostruzzjoni hi determinata li tisfrutta dan il-mument fejn qed titħalla tagħmel prattikament dak li trid: tibqa’ għaddejja b’bini bla limitu sakemm li jimla kull ċentimetru possibbli, inkluż il-baħar fuq skala li jħabbatha ma' Dubaj! Dik hi l-viżjoni. 

Imma għada jasal, għal kulħadd mhux biss għal dawk li jridu jisfruttaw is-sitwazzjoni llum li tippermettilhom iħaxxnu bwiethom bi ħsara għall-komunità kollha. Nittama li meta jasal jibqgħalna l-enerġija u l-kapaċità li nsewwu l-ħsara enormi li qed issir lil kulħadd.

More in Politika