Owen Bonnici | Innovazzjonijiet fil-kultura

Dan il-Gvern qiegħed jinvesti b’mod dirett fis-settur kulturali u dan il-proġett se jkollu rwol intrinsiku biex iwassal l-istorja tagħna fid-djar Maltin u Għawdxin

Is-settur kulturali tagħna huwa, kif dejjem ngħid, wieħed vast. Fil-ħidma tal-ministeru, għalhekk, dejjem nistudjaw x’inhuma l-aħjar modi kif dan is-settur inżommuh ħaj u wkoll indaħħlu fih innovazzjonijiet studjati biex nagħmluh dejjem aktar interessanti u wkoll, inressquh aktar lejn iċ-ċittadin, li hija fuq kollox waħda mill-prijoritajiet tagħna.

Ħabbarna fil-fatt xi ħaġa differenti mis-soltu. Konna ilna naħsbu u nippjanaw kif se nolqtu lill-ġenerazzjoni żgħira biex inrawmu fihom l-imħabba lejn l-istorja tagħna. U dan huwa propju dak li ħabbart ftit tal-jiem ilu. Storja Animalta.

Permezz ta’ Animalta, li hija serje li se tippreżenta l-istorja ta’ Malta b’mod animat u innovattiv, bla dubju l-mod kif se tkun ippreżentata din is-sensiela se tqanqal iktar lit-telespettaturi biex jitgħallmu iktar dwar l-istorja u l-wirt kulturali tal-gżejjer Maltin. Għandha tkun popolari mhux biss maċ-ċkejknin, imma ma’ dawk ta’ kull età!

Proġett ieħor ta’ Heritage Malta, li hija parti mill-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali li flimkien ma’ Reciprocal, li qed jieħdu ħsieb il-produzzjoni bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Malti għall-Arti taħt l-inizjattiva Kultura TV se nibdew naraw din is-sensiela propju minn għada t-Tnejn fuq ONE.

Ibbażata fuq seba’ episodji qosra ta’ madwar 25 minuta, kull episodju se jipprovdi narrattiva dwar karattru partikolari, grupp ta’ persuni, jew perjodu. Is-sensiela se titratta sitt stejjer li sawru l-istorja Maltija, mill-bini tat-tempji preistoriċi iktar minn 5,000 sena ilu sal-ħakma Franċiża fis-snin 1798-1800. L-episodji huma bbażati fuq dawn it-temi: 7,000 sena ta’ storja; il-bennejja tat-tempji; il-kummerċjanti Feniċi; in-Nawfraġju ta’ San Pawl, in-Normanni, l-attakki mill-Ottomani; u l-irvellijiet kontra l-Franċiżi.

Heritage Malta ppubblikat ktieb tat-tpinġija li jinsab għall-bejgħ mill-ħwienet ta’ Heritage Malta biex jikkumplimenta din is-sensiela bl-isem ta’ Colouring history – Malta and Gozo through the ages. Immirat għal tfal żgħar, minbarra li jieħdu pjaċir ipinġu, il-ktieb jinkludi wkoll deskrizzjoni qasira dwar l-istorja tas-sitt stejjer li fuqhom hija bbażata s-sensiela Storja Animalta. L-entità Heritage Malta qed tagħmel kisbiet biex tagħmel il-wirt u l-istorja tagħna aktar disponibbli lill-pubbliku b’modi innovattivi, fosthom il-passaporti tal-kbar u tal-istudenti. 

Dan il-Gvern qiegħed jinvesti b’mod dirett fis-settur kulturali u dan il-proġett se jkollu rwol intrinsiku biex iwassal l-istorja tagħna fid-djar Maltin u Għawdxin.

***

Ħadt gost ukoll ninawgura esebizzjoni interessanti ferm. 

AMuSE (Artistic Multi Sensorial Experience) huwa l-ewwel proġett taħt il-kappa tal-programm Ewropa Kreattiva li qatt ingħażel għal kofinanzjar mill-Kummissjoni Ewropea li qed jitmexxa minn organizzazzjoni Maltija – is-Soċjetà Maltija għall-Arti. Il-proġett ilu għaddej diversi snin u beda fl-2017 meta s-soċjetà ressqet il-proposta tagħha bl-ideat ta’ kif jista’ jseħħ il-programm artistiku. Dan ix-xahar AMuSE se jasal fi tmiemu bi tliet avvenimenti ewlenin – kunċert interattiv, spettaklu ta’ daqq sinkronizzat tal-qniepen tal-knejjes u wirja tal-arti kollettiva bis-sehem ta’ sittax-il artist/a emerġenti lokali u Ewropej.

 Bħala Gvern qed inkomplu nsaħħu l-pjattaformi kulturali għall-benefiċċju ta’ professjonisti fix-xena artistika permezz ta’ inizjattivi u ta’ opportunitajiet. AMuSE żgur se jservi bħala eżempju għall-organizzazzjonijiet kulturali u għall-entitajiet lokali biex jipparteċipaw bħala msieħba prinċipali fi proġetti futuri tal-Ewropa Kreattiva.

Kemm jien sodisfatt li l-ħidma tal-Ministeru mhux biss qed twassal għal bidliet li tmisshom, b’għadd ta’ miżuri f’kull qasam imma din il-ħidma qed twassal ukoll għal għarfien u rikonoxximent, mhux biss għall-ministeru, imma wkoll għal dawk kollha li jaħdmu b’għaqal u b’impenn u jagħmlu parti mill-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali

 Din il-wirja finali tal-proġett AMuSE tikkonsisti f’kostellazzjoni ta’ xogħlijiet artistiċi li nħolqu mis-sittax-il artist li qed jipparteċipaw fil-proġett matul ir-residenzi artistiċi li saru fl-aħħar sentejn fit-tliet pajjiżi Ewropej imsieħba – l-Associazione Le Terre dei Savoia (l-Italja), il-Hanze University of Applied Sciences (l-Olanda) u d-Dusetos Cultural Centre (il-Litwanja). 

 Il-wirja se ddum għaddejja matul ix-xahar ta’ Ottubru kollu f’Palazzo de La Salle il-Belt.

***

Nagħlaq billi ngħid kemm jien sodisfatt li l-ħidma tal-Ministeru mhux biss qed twassal għal bidliet li tmisshom, b’għadd ta’ miżuri f’kull qasam imma din il-ħidma qed twassal ukoll għal għarfien u rikonoxximent, mhux biss għall-ministeru, imma wkoll għal dawk kollha li jaħdmu b’għaqal u b’impenn u jagħmlu parti mill-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.

Ninsabu fil-ġimgħa ddedikata għas-servizz pubbliku b’diversi attivitajiet li ġew organizzati taħt it-tema Lejn Servizz ta’ Eċċellenza.  Kburi li l-ħidma ta’ diversi uffiċjali pubbliċi li jagħtu l-massimu tagħhom taħt it-tmexxija tas-Segretarju Permanenti tal-Ministeru Johan Galea, ġiet rikonoxxuta għall-akbar numru ta' miżuri ta' simplifikazzjoni implimentati fl-2018, għall-aktar Ministeru li ppjana ħidmietu sew, żamm mal-pjani u implimenta l-akbar numru ta' miżuri.

Grazzi lil dawn il-ħaddiema li mingħajrhom aħna ma nistgħux inwettqu dak kollu li nagħmlu!

Owen Bonnici huwa l-Ministru tal-Ġustizzja, Kultura, u Gvern Lokali

More in Politika