Carmel Cacopardo | Central Link: Politika ta' trasport li ma tħarisx fit-tul
Il-konġestjoni tat-traffiku mhux ser insibu tarf tagħha billi nwessgħu t-toroq jew permezz ta’ proġetti massiċċi fl-infrastruttura tat-toroq - Cacopardo
Il-problemi tas-saħħa li nħabbtu wiċċna magħhom minħabba piż żejjed mhux ser jissolvew jekk inwessgħu l-qalziet jew jekk inħollu ċ-ċinturin. Jeħtieġilna, fost oħrajn, li noqogħdu iktar attenti dwar x’nieklu! L-istess jgħodd għat-toroq tagħna: il-konġestjoni tat-traffiku mhux ser insibu tarf tagħha billi nwessgħu t-toroq jew permezz ta’ proġetti massiċċi fl-infrastruttura tat-toroq. Nistgħu naslu jekk nindirizzaw dak li qed jikkawża l-konġestjoni, jiġifieri n-numru ta’ karozzi fit-toroq tagħna.
L-oppożizzjoni għall-proġett Central Link mhix dwar is-siġar. Is-siġar, simbolu ta’ ambjent ħaj, huma dettall importanti fil-proġett. Dwarhom, bla ebda dubju, Infrastruttura Malta ser tagħmel ħafna propaganda billi twiegħed li ser iżżidhom u mhux tnaqqashom, avolja l-pjanti tal-proġett, f’diversi stadji kienu jindikaw xort’oħra! Kif qed tagħmel bħalissa fir-reklami fuq it-televixin. L-oppożizzjoni għall-proġett hi prinċipalment immotivata minn implimentazzjoni ta’ politika dwar it-trasport li ma tħarisx fit-tul. Politika li tinjora dak li qed jikkawża l-konġestjoni tat-traffiku u tiffoka esklussivament fuq l-effetti. Jekk nibqgħu nevitaw dak li qed jikkawża l-konġestjoni tat-traffiku u minflok nibqgħu ffukati fuq l-effetti, is-soluzzjonijiet li jidhru li jkunu nstabu ser ikunu ta’ natura temporanja.
L-istudju dwar l-impatt ambjentali (EIA) tal-proġett Central Link jikkunsidra sitt xenarji differenti: minn Xenarju 0 sa Xenarju 5. Ix-Xenarju 0 huwa definit bħal li ma tagħmel xejn, filwaqt li l-ħames xenarji l-oħra jinvolvu alternattivi differenti ta’ interventi fuq l-infrastruttura tat-toroq. Li ma tagħmel xejn ifisser li kollox jibqa’ kif inhu u b’mod partikolari li ma jkunx hemm interventi fuq l-infrastruttura tat-toroq.
L-oppożizzjoni għall-proġett hi prinċipalment immotivata minn implimentazzjoni ta’ politika dwar it-trasport li ma tħarisx fit-tul. Politika li tinjora dak li qed jikkawża l-konġestjoni tat-traffiku u tiffoka esklussivament fuq l-effetti Carmel Cacopardo
L-inkarigu ta’ Infrastruttura Malta hu limitat għal interventi fuq l-infrastruttura tat-toroq. Allura l-awturi tal-istudju dwar l-impatti ambjentali (EIA) bla dubju ma ħassew l-ebda ħtieġa li jikkunsidraw jekk hemmx utilità li tikkunsidra kif il-konġestjoni tat-traffiku tista’ tkun indirizzata permezz ta’ sensiela ta’ interventi u inizjattivi politiċi ffukati u implimentati fuq perjodu ta’ żmien raġonevoli. Il-Gvern diġà ħa numru ta’ passi pożittivi f’dan ir-rigward billi offra diversi inċentivi intenzjonati biex iħajru persuni ġejjin minn setturi differenti biex jagħmlu użu minn mezzi alternattivi ta’ mobilità. Inizjattivi li jikkonċernaw kemm alternattivi ta’ transport fuq l-art kif ukoll fuq il-baħar. Kif ġie mħabbar, hemm ukoll ippjanat li t-trasport pubbliku jkun b’xejn għal kulħadd u dan biex ikun imħajjar l-użu ikbar tiegħu. Ittieħdu diversi inizjattivi oħra inkluż dik li tipprovdi transport b’xejn għat-tfal tal-iskejjel kollha, proposta intenzjonata biex tindirizza t-traffiku fit-toroq fl-iktar sigħat kritiċi. Dan hu kollu tajjeb u huwa bażi tajba biex b’mod realistiku nindirizzaw il-konġestjoni tat-traffiku fit-toroq tagħna mingħajr ma jkun hemm ħtieġa għal interventi drastiċi fl-infrastruttura tat-toroq.
X’inhu l-impatt ambjentali antiċipat ta’ dan kollu, u possibilment ta’ iktar ukoll? Ma hemm xejn dwar dan fl-istudju dwar l-impatt ambjentali (EIA).
Il-Pjan Nazzjonali dwar it-Trasport jemfasizza li d-distanza medja li nivvjaġġaw bil-karozzi privati f’Malta hi ta’ 5.5 kilometri kif ukoll li 50% ta’ dawn il-vjaġġi ma jdumux iktar minn kwarta. Dan, ovvjament iwassal għall-konsiderazzjoni importanti li jekk ikollna transport pubbliku fuq livell lokali u reġjonali li jkun organizzat sewwa nistgħu nkunu iktar effettivi biex nindirizzaw dan il-moviment ta’ karozzi u dan b’vantaġġi ambjentali sostanzjali. L-istudju dwar l-impatti ambjentali dan kollu ma jgħid xejn dwaru, minkejja li jekk nagħtu kas tiegħu nistgħu nnaqqsu b’mod sostanzjali n-numru ta’ karozzi mit-toroq tagħna mingħajr il-ħtieġa ta’ interventi fuq l-infrastruttura!
Studji dwar it-trasport madwar id-dinja jindikaw li proġetti maġġuri fl-infrastruttura tat-toroq dejjem jispiċċaw biex iżidu t-traffiku. Il-proġett Central Link mhux ser ikun eċċezzjoni Carmel Cacopardo
X’sehem jista’ jkollha t-tassazzjoni ambjentali biex tkun mgħejjuna bidla fl-attitudi ta’ dawk li jistgħu jindirzzaw il-ħtiġijiet tal-mobilità tagħhom b’mod raġonevoli mingħajr l-użu ta’ karozza privata?
Ix-Xenarju 0 li jikkunsidra l-impatti ambjentali li jirriżultaw mingħajr interventi fuq l-infrastruttura dan kollu jinjorah. Dan ifisser li l-istudju dwar l-impatti ambjentali mhux komplet għax ma jikkunsidrax l-alternattivi realistiċi kollha li jista’ jkollhom impatt fuq il-konġestjoni tat-traffiku. Dan hu f’kuntrast mar-regolamenti applikabbli li jemfasizzaw li studji ta’ din ix-xorta għandhom ikunu dettaljati biżżejjed biex jgħarblu l-potenzjal tal-alternattivi. Dan jirrifletti ħażin fuq ir-rwol regolatorju tal-Awtorità dwar l-Ambjent u r-Riżorsi, għax ifisser li xogħolha m’għamlitux sewwa. Għalhekk, forsi, kien inkwetat il-Professur Victor Axiaq li b’mod stramb ma lissinx kelma waqt is-seduta pubblika tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar li fiha vvota favur il-proġett!
Il-miri fit-tul tal-Pjan Nazzjonali tat-Trasport huma ċari: li jonqsu l-karozzi mit-toroq tagħna. Dan jiffaċilità l-mobbilità bl-użu ta’ alternattivi sostenibbli bħat-trasport pubbliku, iċ-ċikliżmu, il-mixi u anke permezz ta’ transport bil-baħar fil-portijiet tagħna.
Studji dwar it-trasport madwar id-dinja jindikaw li proġetti maġġuri fl-infrastruttura tat-toroq dejjem jispiċċaw biex iżidu t-traffiku. Il-proġett Central Link mhux ser ikun eċċezzjoni u allura ser imur kontra d-direzzjoni ġenerali tal-Pjan Nazzjonali tat-Trasport li l-Gvern approva fl-2016!
Carmel Cacopardo hu ċ-Chairman ta’ Alternattiva Demokratika.