Il-musical ikoniku, Jesus Christ Superstar, se jittella’ f’Dar il-Mediterran f’April li ġej

'It-temi ta’ fidi, fama, tradiment u rivoluzzjoni huma minsuġa ma’ mużika rock li tagħti enerġija qawwija u fl-istess ħin, tqanqal emozzjoni profonda'

FM Theatre Productions jippreżentaw il-fenomenu globali, ir-rock opera Jesus Christ Superstar fuq il-palk ta’ Dar il-Mediterran bejn il-11 u t-13 ta’ April. B’mużika ta’ Andrew Lloyd Webber u lirika ta’ Tim Rice, din il-produzzjoni elettrifikanti hija taħlita splussiva ta’ teatru u rock li ilha tittella’ madwar id-dinja għal aktar minn 50 sena. 

Imfaħħra bħala “must-see” minn The Telegraph, “pure electricity” minn BroadwayWorld, u “musical theatre at its most electrifying” minn The Stage, il-musical jiffoka fuq l-aħħar ġranet ta’ Ġesù mill-perspettiva ta’ wieħed mid-dixxipli tiegħu, Ġuda. It-temi ta’ fidi, fama, tradiment u rivoluzzjoni huma minsuġa ma’ mużika rock li tagħti enerġija qawwija u fl-istess ħin, tqanqal emozzjoni profonda.  

Taħt id-direzzjoni ta’ Chris Gatt din il-verżjoni kontemporanja se tagħti interpretazzjoni friska u tassew eċitanti għal dan il-musical tant maħbub waqt li tibqa’ leali lejn l-istorja u l-mużika tagħha. Fil-kast lokali, Francesco Nicodeme se jaħdem il-parti ta’ Ġesù, flimkien ma’ Sean Borg fil-parti ta’ Ġuda, u Sarah Mercieca bħala Marija Maddalena. Magħhom jingħaqdu kast ta’ atturi-kantanti brillanti li jinkludu lil Raphael Pace, Joseph Zammit, Sean Kamati, Ryan Grech, Jake Curti, u Albert Buttigieg.  

Taħt id-direzzjoni mużikali ta’ Kris Spiteri, din il-produzzjoni fiha kollezzjoni ta’ kanzunetti indimentikabbli bħal “Gethsemane,” “I Don’t Know How to Love Him,” u “Superstar,” b’korjografija dinamika ta’ Sandra Mifsud u Douglas Comley. 

Għal biljetti u aktar informazzjoni żur: www.showshappening.com 

More in Divertiment