
Għaxaq Musical Festival 2025
Wieħed mill-aktar avvenimenti stabbiliti u mistennija fis-sajf Malti jasal ukoll

Appuntament importanti ħafna fil-kalendarju mużikali lokali huwa l-Għaxaq Music Festival 2025!
Dan il-festival, li issa sar wieħed mill-aktar avvenimenti stabbiliti u mistennija fis-sajf Malti, kompla jżid fil-popolarità u l-kwalità tiegħu sena wara sena, bil-parteċipazzjoni t’artisti ta’ fama internazzjonali bħal Ronan Keating, Julian Marley, Smokie, Marco Masini, Brit Floyd, The Wailers, u ħafna iktar.
Sena wara sena, dan il-festival jattira eluf ta’ spettaturi Maltin u barranin lejn ir-raħal storiku u pittoresk ta’ Ħal Għaxaq, li għal dawn l-okkażjonijiet jinbidel f’ċentru kulturali vibranti mimli mużika, b’atmosfera unika u sens ta’ komunità. Il-kombinazzjoni ta’ artisti internazzjonali ta’ livell għoli u talent lokali jagħmel minn dan il-festival esperjenza li tgħaqqad il-kwalità artistika mal-ispirtu sħiħ ta’ festa li eventwalment twassal għall-festa ta’ Santa Marija li tigi ċċelebrata nhar il-15 t’Awwissu.
L-ewwel jum – Il-Ħamis 17 ta’ Lulju: ZUCCHERO – Overdose D’Amore World Tour
L-ewwel lejl tal-Għaxaq Musical Festival 2025 jiftaħ b’mod spettakolari bil-headliner internazzjonali Zucchero, il-leġġenda Taljana tal-blues-rock, li se jkun qed iwassal spettaklu mill-aqwa bħala parti mill-“Overdose D’Amore World Tour”. Dan it-tour prestiġjuż bħalissa għaddej b’suċċess kbir madwar l-Ewropa u qed jattira eluf ta’ spettaturi minn madwar id-dinja. Bl-istil uniku tiegħu li jgħaqqad il-blues, ir-rock u l-pop Taljan, Zucchero qed iħalli marka f’kull belt li jżur — u issa wasal il-mument għal Malta biex tesperjenza dan l-ispettaklu mużikali ta’ klassi internazzjonali f’qalb Ħal Għaxaq. Il-pubbliku jista’ jistenna lejla mimlija emozzjoni u enerġija b’hits immortali bħal “Senza Una Donna”, “Baila (Sexy Thing)”, “Diamante” u ħafna aktar.
Qabel ma jitla’ Zucchero fuq il-palk, l-udjenza se tkun milqugħa b’wirja minn Chess Galea, kantanta-awtriċi Maltija b’karriera internazzjonali li bħalissa qed iddur madwar id-dinja mal-Australian Pink Floyd Show. Għal din l-okkażjoni speċjali f’pajjiżha, Chess tingħaqad mal-produttur u kitarist magħruf Peter Borg, f’kollaborazzjoni live ta’ livell għoli li żgur tħalli impatt.
Il-lejla tibda b’sett dinamiku u enerġetiku mid-Dj lokali Pierre Cordina, li se jsaħħan l-atmosfera b’mużika vibranti u enerġija kontaġjuża. Wara l-wirjiet live, l-ispettaklu jkompli b’After Party speċjali li se jara lil DJ Mykill jieħu l-kontroll tal-palk — għal set mużikali eċitanti li jżomm il-festa għaddejja sa tard billejl, f’ambjent uniku taħt is-sema miftuħ ta’ Ħal Għaxaq.
It-tieni jum 2 – Il-Ġimgħa 18 ta’ Lulju: Gipsy Kings by Diego Baliardo – Back to the Origins Tour
It-tieni serata tkompli bil-grupp leġġendarju Franċiż, Gipsy Kings bħala l-headliners tal-lejl — grupp rebbieħ tal-Grammy Award magħruf mad-dinja kollha għall-istil uniku tagħhom li jgħaqqad flamenco, salsa u pop. B’hits bħal “Bamboléo”, “Volare” u “Djobi Djoba”, l-udjenza tista’ tistenna spettaklu sħiħ ta’ ritmu, passjoni u enerġija li se jagħti ħajja lill-grawnd ta’ Ħal Għaxaq.
Qabel, Kurt Calleja u l-band se jippreżentaw kunċert speċjali bit-tema “Kurt Calleja & Friends”, fejn se jingħaqdu miegħu numru ta’ artisti Maltin stabbiliti: Chiara, l-ikona tal-Eurovision; Owen Leuellen, rapper u kant’awtur bi stil distint; il-pop sensation Brooke, kif ukoll Kirsten Graham, vuċi ġdida u promettenti fix-xena lokali. Din il-kollaborazzjoni se toffri spettaklu dinamiku li juri d-diversità u l-għaqda li teżisti fost il-mużika lokali.
Id-Dj Malti Alex Grech se jiftaħ is-serata b’mużika li żgur se tqajjem lil dawk kollha preżenti u tippreparahom għal lejl indimentikabbli ta’ żfin u mużika. Biex nagħlqu l-festival b’ton ta’ festa, DJ Sue se tkompli s-serata b’afterparty mużikali li jżomm l-enerġija għolja sal-aħħar mument u se toħloq finali li ma jintesiex għall-edizzjoni tal-2025.
Il-biljetti għal dawn il-kunċerti qed jinbiegħu b’rata mgħaġġla u jistgħu jinxtraw online permezz ta’ www.showshappening.com. Tfal taħt it-12-il sena jistgħu jattendu b’xejn jekk ikunu akkumpanjati minn adult, ħlief fis-sezzjoni bilqiegħda fejn ikun meħtieġ biljett.
Parti mill-profitti mill-bejgħ tal-biljetti se jiġu mqassma lill-Embrace Diversity Organisation, organizzazzjoni ddedikata għall-appoġġ ta’ tfal u adolexxenti b’diżabilità. Matul is-snin, kważi €200,000 ġew mogħtija lil għaqdiet u organizzazzjonijiet li jaħdmu biex jgħinu lil dawk fil-bżonn.
Għall-konvenjenza ta’ dawk kollha li se jattendu l-avvenimenti, se jkun hemm postijiet tal-parkeġġ assenjati għal kull ġurnata tal-festival. Biex tibqa’ aġġornat dwar l-aħħar avviżi ta’ kull ġurnata, kif ukoll biex tgawdi kontenut esklussiv wara l-kwinti, inħeġġuk iżżur il-paġna uffiċjali tal-Għaxaq Musical Festival fuq Facebook: https://www.facebook.com/ghaxaqmusicfestival.
Titlifx din l-opportunità biex tattendi din l-edizzjoni storika tal-festival li se tinkludi l-aktar lineup prominenti li qatt ġie ospitat f’Ħal Għaxaq!
Il-Għaxaq Musical Festival huwa organizzat bi kburija mill-Għaqda Mużikali Santa Marija ta’ Ħal Għaxaq u jsir taħt il-patroċinju tal-Ministru għall-Kultura u l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta.