Noti mil-Loki ta’ Big G’s
Show mill-isbaħ fejn il-pubbliku nfexx f’daħqa wara l-oħra għal ċajt spontanju u diversi drabi b’ton sarkastiku.
Il-ġimgħa l-oħra kelli l-opportunità li nattendi għal “kunċert (mhux kunċert) ta’ Jamie Cardona” – Noti mil-Loki ta’ Big G’s.
Show mill-isbaħ fejn il-pubbliku nfexx f’daħqa wara l-oħra għal ċajt spontanju u diversi drabi b’ton sarkastiku.
Jamie Cardona kien ferm kapaċi jinterpreta diversi karattri u jaqleb faċilment minn karattru għal ieħor li kienu involuti fi storja ta’ divertiment f’Paceville; imma l-istorja tinvolvi aktar minn hekk – tirrigwarda aspetti ta’ kuljum: il-friefet li jkollna fl-istonku hekk kif niltaqgħu ma’ xi ħadd li jolqotna, id-diqa li ngħaddu minnha meta relazzjoni tispiċċa, il-valur tal-ħbiberija sinċiera, u d-diversi konflitti li nistgħu ngħaddu minnhom, inklużi mumenti fejn idejjaqna dak li naraw quddiemna fil-mera u oħrajn li ġielijagħmlu l-qawmien ta’ kull filgħodu tedjanti u iebes.
Laqtitni immens l-abiltà kbira ta’ Jamie li jaqleb minn karattru kollu ferħ u enerġija li jdaħħaq bla waqfien għal karattru b’ton malinkoniku li kapaċi jdaħħal in-nies f’qoxrithom. Din hija kapaċità kbira ta’attur li jirnexxilu jittrasporta l-pubbliku fil-vjaġġ tal-protagonist.
Aspett ieħor li laqatni ferm kienu l-pupazzi (ipprovduti minn Teatru Anon) li jirrappreżentaw l-istonku, il-pulmun, il-qalb, u ta' aktar prominenza kien l-organu, li hafna drabi nafuħ bħala ‘il-moħħ’ wara kull raġel – id-dudina! Din kienet abbiltà brillanti ta’ kif dawn id-diversi karattri żewqu l-prestazzjoni bl-interventi tagħhom u nneħħilhom il-kappell tal-biċċa xogħol li jkollhom li jirreċtaw b’kostum li trid iġġorr il-ħin kollu u jgħatti kważi l-ġisem kollu. Hija biċċa xogħol kbira biex il-movimenti tal-pupazzi jaqblu ma’ dak li kien qed jingħad minn Jamie stess, peress li Jamie interpreta l-vuċijiet ta’ dawn ukoll.
Ma nistax nonqos insemmi l-aspett mużikali u l-aspett awdjoviżiv li kienu wkoll organizzati b’mod ferm professjonali. L-operaturi tal-kamera kienu ferm diliġenti u taw sehemhom anke b’mod interattiv u kreattiv fuq il-palk.
Prosit lit-tim kollu involut f’din il-produzzjoni (inklużi dawk ta’ wara l-kwinti), speċjalment lid-diretturi u l-produtturi kollha involuti li tawna serata oriġinali u memorabbli mimlija b’talent lokali. Prosit ukoll lill-isponsors kollha involuti li għenu biex tittella’ produzzjoni brillanti bħal din – is-sapport ta’ dawn in-nies huwa utli ferm biex inkomplu nsaħħu u ninkoraġġixxu t-talent lokali fil-mużika u l-arti drammatika.
