Kunċert imtella’ mis-Soċjetà Filarmonika Pinto Banda San Sebastjan
Dan il-kunċert fl-apert se jisfida l-kapaċità versatili tas-Soċjetà Filarmonika

Is-Soċjetà Filarmonika Pinto Banda San Sebastjan ta’ Ħal Qormi qed tħejji sabiex nhar il-Ħamis 17 ta’ Lulju 2025 ittella’ kunċert bid-direzzjoni ta’ Mro Dominic Darmanin.
Dan il-kunċert fl-apert se jisfida l-kapaċità versatili tas-Soċjetà Filarmonika. Dan għaliex bħala parti mill-festa parrokkjali ta’ San Sebastjan se jittella’ l-kunċert vokali u strumentali u se jinvolvi ’l fuq minn 40 esponent żagħżugħ minn Masquerade Malta.
Il-preparazzjoni għal dan il-kunċert ilhom għaddejjin xhur, hekk kif dan jinvolvi pjanijiet u sfidi loġistiċi biex jittella’ fi triq pubblika. B’hekk, mhux biss il-kunċert jilħaq l-aspettattivi tiegħu kollha sal-anqas irqaqat, iżda l-artisti u l-mużiċisti flimkien ikollhom l-ispazju kollu biex iwasslu serata ta’ livell għoli, b’ħidma konġunta u b’esebizzjoni li żgur se timpressjona.
L-ewwel parti tal-kunċert se tikkonsisti minn innijiet devozzjonali ddedikati lil San Sebastjan fosthom dak magħruf bħala l-Innu l-Kbir ta’ Mro Giovanni Gatt, li kien indaqq għall-ewwel darba minn din il-banda fl-1907. Apparti l-Innijiet, l-ewwel parti tal-Kunċert se tkun tinkludi wkoll siltiet klassiċi tal-Banda, fosthom Poet and Peasant, kompożizzjoni ta’ Franz von Suppé (1819 – 1895), u siltiet oħra kontemporanji u ta’ żminijietna.
It-tieni parti se tkun iddedikata għal mużika aktar popolari bħal dik tal-grupp Queen, tant li hawn se naraw l-involviment ta’ diversi esponenti promettenti fix-xena artistika lokali. F’dil-parti, żgħażagħ u tfal imħarrġa fid-dixxiplini tal-kant, tad-drama u ż-żfin, se jingħaqdu mal-banda biex b’kostumi u b’korjografija mħarrġa, iwasslu kunċert lil hinn minn dak li normalment naraw fil-kunċerti tal-festi.
Dan il-kunċert vokali u strumentali huwa bla ħlas, u se jsir nhar il-Ħamis 17 ta’ Lulju 2025 fi Triq San Sebastjan f’Ħal Qormi fid-9:00 p.m. Fih se jieħdu sehem ukoll it-Tenur Joseph Aquilina, il-kor ta’ Romina Vella, u l-kantanta Kristy Spiteri li din is-sena ġiet fit-tieni post fil-Malta Eurovision Song Contest.