Id-49 Edizzjoni ta’ L-Għanja tal-Poplu
Minn Charles Casha sa Laura Brono — l-evoluzzjoni tal-festival

Is-serata finali tal-festival se ssir nhar is-Sibt, 2 ta’ Awwissu 2025, ġewwa l-ambjent storiku u spettakolari ta’ Pjazza Teatru Rjal, fil-Belt Valletta. Din is-sena ġew sottomessi 124 kanzunetta oriġinali u wara proċess ta’ selezzjoni ntgħażlu 16-il finalist li se jippreżentaw xogħlijiet ġodda u varjati, mill-Maltin għall-Maltin.
Il-kantanti finalisti, flimkien mal-Malta Concert Orchestra, qed jagħmlu l-aħħar tħejjijiet għad-49 edizzjoni ta’ L-Għanja tal-Poplu, festival ta’ kanzunetti oriġinali bil-Malti.
Fost is-16 il-finalist hemm Jessica Micallef bid-diska “Qalbi”, Avenue Sky bid-diska “Bħal Aħwa”, Lon Kirkop bid-diska “Astronawta”, Rita Pace bid-diska “Narakom l-Infern”, Anna Azzopardi bid-diska “Tgħid X’Se Nsib”, Mark Cachia bid-diska “Toninu”, Graziella Mifsud Schembri Vella bid-diska “Għad Għandha Erba’ Snin”, Martina Fenech u Ishmael Grech bid-diska “Perla”, Danica Muscat bid-diska “Karbet Ġaħan”, Kayley Cuschieri bid-diska “Ersaq ’l Hawn”, Mark Tonna bid-diska “Moħħi Mistrieħ”, Francesca Zammit bid-diska “Immorru”, Mark Spiteri Lucas u Mark Micallef Costa bid-diska “Skuri u Ċari”, Cherylis bid-diska “Inħobbok Wisq”, Haley bid-diska “Valletta Ġrajjieti”, u Daryl Jaymes bid-diska “Aħfirli”.
Il-festival se jkun ippreżentat minn Debbie Scerri u George Cremona, żewġ figuri magħrufin fix-xena kulturali Maltija. Il-mistieden speċjali tas-serata se jkun Joe Demicoli u qabel jitħabbru r-rebbieħa, Laura Bruno se tinterpreta l-kanzunetta “Għażiża”, rebbieħa ta’ L-Għanja tal-Poplu 2024.
Il-festival beda fl-1973 bħala festival ta’ kanzunetti folk organizzat mill-Youth Travel Circle fil-Belt Valletta. Il-festival kien mezz biex iħajjar awturi u kompożituri joħolqu u jinterpretaw kanzunetti bil-Malti u jinterpretawhom fil-pubbliku. L-għan tal-festival dejjem kien li jinkoraġġixxi l-ħolqien ta’ kanzunetti bl-ilsien Malti.
Il-biljetti għas-serata jistgħu jinxtraw minn fuq is-sit ta’ www.ticketline.com.mt. Aktar informazzjoni dwar il-festival, il-kanzunetti, u l-artisti tinstab fis-sit www.ghanjatalpoplu.org.
L-Għanja tal-Poplu qed jittella’ b’kollaborazzjoni ma’ Pjazza Teatru Rjal u huwa megħjun mill-Kunsill Malti għall-Arti.