[L-ewwel parti] Kienu jsejħulhom ‘The Heavies’

F'din is-sensiela tal-analiżi tal-films, Carmel Bonnici jiddiskuti films fuq b'atturi maskili li magħrufin bħala l-Heavies

Henry Silva – The Manchurian Candidate (1962)
Henry Silva – The Manchurian Candidate (1962)

Propjament il-kelma ”The Heavies” tfisser “It-Tqal”. Meta din nabbinawha mal-atturi maskili taċ-ċinema malajr nirrealizzaw li din ma tindikax affarijiet sbieħ. Fl-istorja taċ-ċinema nsibu ħafna u ħafna atturi li ħadmu ta’ kriminali, ta’ gangsters, ta’ kattivi vjolenti, ta’ tiranni, ta’ pulizija korrotti, u anki ta’ dixxiplinarji oppressivi jew sadistiċi. Appuntu, il-frażi “The Heavies” ġiet attribwita lilhom. L-atti li dawn wettqu, naturalment fuq il-liżar il-kbir, huma verament varji u fost oħrajn jinkludu tfigħ ta’ ilma jagħli jew kafè, u ġieli anki aċtu fuq ħaddieħor, ikissru xi flixkun jew tazza biex iferu jew anki joqtlu b’xi ponta ta’ ħġieġa, jifqgħu xi frotta f’wiċċ il-protagonista, jużaw xi lapes jew parti ta’ pinna biex iweġġgħu lill-avversarju, jifgaw b’xi borza tal-plastik u anki b’xi mħadda, ineħħu l-apparat tan-nifs lil xi marid id-dar jew l-isptar, u mezzi oħra ta’ theddid anki minn xi uffiċjal tal-liġi.  

Ħafna drabi jiġri li l-aktar parti li timpressjona f’xi film hi dik ta’ dawn il-karattri minn kull naħa opposta tal-liġi. Mhux l-ewwel darba li f’xi produzzjoni medjokri l-aħjar linja ta’ djalogu toħroġ minn fomm il-ħażin. Għaldaqstant, għalkemm fil-maġġoranza tal-films dawn it-talin malajr isibu kappell jiġihom, l-aħjar diskors sodisfaċenti li jingħad ikun ta’ dawn, żgħira kemm tkun żgħira l-parti li jinterpretaw. 

Xi atturi magħrufa tal-passat ta’ Hollywood bħal Humphrey Bogart, James Cagney, Edward G. Robinson, Richard Widmark, Jack Palance, Robert Ryan, Ernest Borgnine, Charles Bronson, Broderick Crawford, Walter Matthau, Warren Oates, Edmond O’Brien, Lee Van Cleef, Vincent Price, Rod Steiger, Eli Wallach, George Raft u diversi oħrajn, fil-bidu tal-karriera tagħhom bdew bħala “heavies” sakemm qalbu l-folja. Henry Fonda kif ukoll Gregory Peck, biex insemmi tnejn mill-aqwa, atturi maħbubin ħafna u bil-wisq popolari bħala paladini tas-sewwa, lejn l-aħħar tal-karriera tagħhom ukoll ħadmu tal-kattivi bla qalb f’Once Upon A Time In The West (1968) (C’Era Una Volta Il West) u The Boys From Brazil (1978) rispettivament. Robert De Niro, matul il-karriera tiegħu, sikwit kont issibu daqqa fuq naħa, u daqqa fuq in-naħa l-oħra tal-liġi. 

F’dan l-artiklu però se niffoka fuq ftit mill-pataflun ta’ atturi magħrufa bħala “character actors“ li spiss interpretaw il-parti tal-ħażin. Dawn kienu atturi li rari jew kważi qatt ma ngħataw xi rwol prinċipali, imma dejjem kont issibhom f’xi partijiet sekondarji jew partiċelli u ġieli isimhom ma jidhirx. Ħafna mill-udjenzi niggarantilkom li ma kinux jafu isimhom iżda kienu jagħrfuhom l-aktar mal-fattizzi ta’ wiċċhom li malajr jistampa fil-memorji tagħhom. 

Fl-aħħar nett, ta’ min iżomm quddiem għajnejh u ġo moħħu li l-vjolenza u l-kefrija li jwettqu, l-ebusija ta’ qalb li juru dawn il-kriminali kienu esklussivi biss għal fuq il-liżar ċinematografiku u m’għandhom x’jaqsmu xejn mal-ħajja privata tagħhom. Anzi, fil-maġġoranza assoluta ta’ drabi, dawn inzertaw ċittadini onesti, missirijiet tal-familja, ħbieb ta’ veru u pronti biex jgħinu lill-proxxmu tagħhom. 

Tant kien hemm minn dawn il-“character actors” li se nagħżel biss ftit minnhom, forsi l-aktar popolari u mmur lura sa mis-snin erbgħin. Naħseb li xi ftit mill-qarrejja adulti huma familjari ma’ isimhom! 

Sidney Greenstreet (1879-1954). Dan l-attur imbaċċaċ li twieled f’Kent, l-Ingilterra u miet f’Hollywood, California, kien fil-vena tiegħu l-aktar fis-snin erbgħin. Għamel id-debutt tiegħu f’The Maltese Falcon (1941), imlaqqam The Fat Man f’dan il-film klassiku ma’ Humphry Bogart. Partijiet ta’ wieħed qalil kienu jixirqulu ħafna ġo produzzjonijiet bħal fil-memorabbli Casablanca (1942), Passage to Marseille (1944), The Mask Of Dimitrios (1944), The Conspirators (1944) u oħrajn. Ġieli kellu xi parti ewlenija. 

Henry Silva (1926-2022). Ma nistgħux ngħidu li dan hu propju “character actor”, għax ħadem diversi films b’partijiet sostanzjali u anki bħala l-prim attur. Insibuh bħala l-viljakk f’Oceans 11 (1960). The Manchurian Candidate (1962) u Sergeants 3 (1962), fost oħrajn. Kien l-attur prinċipali f’Johnny Cool (1963) bħala qattiel verament gwapp tal-Mafja u kien ukoll il-ħażin f’Sharkey’s Machine (1981), Cannonball Run (1984) u Above the Law (1988), magħruf ukoll bħala Nico. Ħadem ukoll tal-kattiv ġo Westerns u films polizjeski Taljani. 

Claude Akins (1926-1994). F’karriera ta’ madwar 40 sena, il-preżenza qawwija tiegħu ppermettietlu jaħdem tal-bully f’diversi Westerns bħal Rio Bravo (1959), Comanche Station (1960), A Distant Trumpet (1964) u f’Shield For Murder (1954) bħala Fats Michaels disklu korrott u sadist. 

 

More in Divertiment